Il-mudell tagħna jibqa' b'saħħtu ghax huwa relevanti  

 

Il-mudell tagħna jibqa' b'saħħtu ghax huwa relevanti  

Brussell  
 
 

Hi u tindirizza l-250 Anniversarju tal-avvenimenti tal-Istati Uniti fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dawn huma ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ sħubija transatlantika li ħolqot l-aqwa żminijiet tal-istorja u baqgħet soda fl-agħar żminijiet matul l-aħħar 250 sena.

       

Għeżież ħbieb,
 
Hemm espressjoni Amerikana tajba ħafna li tgħid: “go big or go home”. U llejla żgur li tajtu prova ta’ dan.
 
Ninsabu hawn biex niċċelebraw relazzjoni u ħbiberija trans-Atlantiċi li ħolqu l-isbaħ żminijiet tal-istorja u li baqgħu sodi anki fil-mumenti l-aktar diffiċli.
 
Mhux bogħod minn hawn, fil-belt ta’ Margraten fin-Netherlands, jistrieħu aktar minn tmint elef suldat Amerikan. Ġuvintur li qasmu oċean biex jeħilsu poplu li qatt ma kienu raw, u li qatt ma reġgħu lura f’darhom.
 
Kull wieħed minn dawk l-oqbra ġie adottat minn familja. Għal tmenin sena sħaħ, in-nies tal-lokal poġġewlhom il-fjuri. Jafuhom b’isimhom. Saru jafu bl-istejjer tagħhom.
 
Aħna hekk magħġunin. Minn żmien il-Mayflower, id-destin tal-Amerka u dak tal-Ewropa kienu marbutin inseparabbilment.
 
L-Ewropa kienet hemm 250 sena ilu. Meta Washington kellu bżonn alleati, maġenbu kellu lil Lafayette, minn Franza.
 
Waqt li l-Ewropa kienet ħuġġieġa waħda minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija, iż-żgħażagħ Amerikani kienu qed jiġġieldu għal kontinent li l-biċċa l-kbira tagħhom qatt ma kienu raw. Ġenerazzjoni wara, uliedhom żbarkaw fuq il-bajjiet tan-Normandija u ta’ Sqallija u ġġieldu maġenbna.
 
Meta l-armi siktu, l-Amerka baqgħet hawn. Għentuna nerġgħu nibnu. Ħloqna l-Unjoni Ewropea pari passu. Mhux biex nipprevalu fuq ħaddieħor, iżda biex nikbru flimkien, u għaliex nafu li kwalunkwe ankra li konna se nitfgħu flimkien kienet se tkun dik li se tistabbilizza dinja li kienet ilha nofs seklu maħkuma min-nirien.
 
U meta, imbagħad, l-awtokrati bnew ħajt f’nofs Berlin, opponejnieh flimkien, sakemm il-President Reagan qal lis-Sur Gorbachev biex iħott dak il-ħajt.
 
Fit-12 ta’ Settembru 2001, il-gazzetta l-aktar famuża ta’ Franza tkellmet f’isimna kollha, u qalet b’ton ta’ niket: “Nous sommes tous Américains”, hekk weġibna għall-appell.
 
F’kull burraxka f’dawn l-aħħar 250 sena, iddefendejna l-valuri u l-istil ta’ ħajja tagħna – flimkien.  
 
Issa, naf sew li l-UE xi kultant titqies bħala l-parti anqas interessanti u kumplessa ta’ din ir-relazzjoni. Aħna nippreferu t-terminu “prevedibbli”, imma ma jimpurtax, ftiehmna. 
 
U bħal fi kwalunkwe żwieġ, mhux dejjem naqblu bejnietna. M’aħna se naqblu qatt dwar x’inhu kafè tajjeb. Ma nifhmux sewwasew għaliex ma jogħġobkomx il-Eurovision. U lkoll kemm aħna nafuh b’futbol, mhux soccer. 
 
U xi kultant ikun hemm tassew kritika jew ċanfir. Uħud ġusti, oħrajn anqas. Meta nistgħu nagħmu aktar, nieħdu azzjoni.
 
U meta jkunu anqas ġusti, dan ngħiduh mingħajr ma noqogħdu nitolbu skuża, kif jagħmlu l-ħbieb.
 
Huwa minnu li t-tnejn li aħna għandna l-modi tagħna kif naġixxu, iżda spiss id-differenzi tagħna jiġu eżaġerati. Fuq iż-żewġt ixtut tal-Atlantiku, it-tfal jaqraw l-istess kotba ta’ Nancy Drew, jaraw l-istess films ta’ Jean-Claude Van Damme u jiżfnu man-noti tal-istess kanzunetti tal-U2. Ġenerazzjonijiet sħaħ skoprew New York bis-saħħa tas-sensiela Friends, mingħajr ma qatt meddu riġlejhom fil-Big Apple.
 
Imma hemm xi ħaġa li tmur aktar fil-fond. Huwa l-mod kif naraw id-dinja. L-istess konvinzjoni li l-poter huwa tal-poplu. 
 
Ambaxxatur Puzder, hawn fis-sede tal-Missjoni tiegħek hawn inkwatru li juri l-abbozzar tal-Kostituzzjoni. Karti mgħaffġin, diskussjonijiet u reviżjonijiet ma jispiċċaw qatt. Kważi kważi jista’ jkun il-Parlament Ewropew jew il-Kungress. Id-demokrazija hija kaotika. Kienet kaotika f’Philadelphia, hija kaotika f’Washington u hija kaotika hawn. Imma minnha tinbet l-aktar ħaġa prezzjuża ta’ kollox: il-gvern tal-poplu, mill-poplu, għall-poplu. 
 
U huwa proprju dan li l-għedewwa tagħna mhuma se jifhmu qatt.
 
Għad li, minkejja l-istorja kollha li tgħaqqadna, naf li ftit huma affarijiet li f’dawn l-aħħar ġimgħat qanqlu qlub l-Amerikani – u probabbilment ħawdulhom moħħhom – aktar minn eluf ta’ partitarji tal-futbol Olandiżi, libsin oranġjo jgħajjat, joqomsu ’l hawn u ’l hinn fil-Kansas; inkella t-“Tartan Army” Skoċċiża libsa l-kilt taqla’ l-garġi tkanta “Do-Re-Mi”, waqt li kienet dieħla f’rassa waħda fil-Fenway Park ta’ Boston biex tara lir-Red Sox, u tistaqsi għala kellhom bżonn disa’ innings.
 
Din it-Tazza tad-Dinja għaqqdet lin-nies b’mod li l-politika qatt ma rnexxielha tagħmel. Uriet li d-differenzi tagħna qatt ma se jkunu jistgħu jipprevalu fuq dak li għandna komuni bejnietna. Anki jekk xi kultant inħossuna mħawdin, jew saħansitra frustrati, ma’ xulxin, nafu li x-xewqa komuni tagħna għall-ħajja, għal-libertà u għat-tiftix tal-kuntentizza dejjem se tirbaħ fuq kollox. Huma propjru dawk l-ideali komuni li ġabu fi tmiemha l-iskjavitù, li ħallew lis-suldati jiżbarkaw fuq dawk il-bajjiet u li ħattew dak il-ħajt.
 
L-istil tagħna għadu jeżisti għax hu importanti. Għax il-valuri li l-bnadar tagħna jirrappreżentaw għandhom għeruq fir-ruħ tal-bnedmin, fl-essenza tal-eżistenza tagħna. U għaliex aħna lesti li niddefenduhom.
 
F’din id-dinja hemm min jaħsibha mod ieħor. Min jemmen li l-kontroll huwa preferibbli mil-libertà. Min jippreferi l-gvern ta’ wieħed mill-gvern tal-ħafna. 
 
L-istorja tagħna turi li għandhom żball, u l-futur tagħna se jikkonfermah dan.
 
Nawguralek, Amerka, l-isbaħ xewqat għal għeluq sninek. Nibbrindaw għal 250 sena oħra!