Hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-baġit fit-tul li jmiss, il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jagħmel il-parti tiegħu biex jiżgura li kull ewro jagħti s-setgħa u li kull ċenteżmu jgħodd.
Id-dinja nbidlet u hekk ukoll irid jinbidel il-baġit fit-tul tal-Unjoni Ewropea. L-istatus quo ma jistax jilħaq l-isfidi ta’ għada li huma kbar wisq biex jiġu indirizzati minn pajjiżi individwali biss. Iċ-ċittadini tagħna jafu dan: 8 minn kull 10 Ewropej jgħidulna li numru dejjem jikber ta’ proġetti se jkollhom bżonn jiġu ffinanzjati flimkien, mill-UE aktar milli minn Stati Membri individwali.
Dan ifisser li rridu ninvestu f’dak li hu importanti biex inwasslu valur miżjud Ewropew reali: teknoloġija nadifa, riċerka avvanzata, sigurtà tal-ikel, innovazzjoni diġitali. Dan ifisser li rridu nappoġġjaw lill-bdiewa, l-istudenti, ix-xjentisti u n-negozji ġodda tagħna.
Irridu nibnu Ewropa li tibda fir-reġjuni, qrib iċ-ċittadini; li tibda fit-toroq, mhux fuq spreadsheets. Il-mudell propost ta’ “pjan nazzjonali wieħed għal kull stat membru” huwa t-triq ħażina. Ipoġġi fil-ġenb lin-nies li jafu l-komunitajiet tagħna u l-bżonnijiet tagħhom l-aħjar - l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħna. Dan huwa l-baġit Ewropew tagħna, mhux ċekk vojt għall-Istati Membri.
Irridu nibnu Ewropa li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet futuri. Ma jistgħux ikunu huma li jħallsu l-kontijiet għad-djun qodma. Il-Parlament Ewropew jilqa' l-proposta għal riforma tar-riżorsi proprji, li twieġeb is-sejħa tagħna. Wasal iż-żmien li nwettqu f'dan ir-rigward għaliex id-dixxiplina fiskali mhijiex għażla, hija r-responsabbiltà tagħna.
Il-Parlament se jagħmel il-parti tiegħu biex jiżgura li kull ewro jagħti s-setgħa u li kull ċenteżmu jgħodd. Aħna lesti li naħdmu għal baġit futur li l-Ewropa teħtieġ: ġust, flessibbli, u lest għall-futur.