Il-Parlament jiċċelebra l-40 anniversarju ta’ Spanja u l-Portugall fl-Unjoni Ewropea  

 

Il-Parlament jiċċelebra l-40 anniversarju ta’ Spanja u l-Portugall fl-Unjoni Ewropea  

Strasburgu  
 
 

Fil-preżenza tal-Maestà Tiegħu r-Re Felipe VI ta’ Spanja u l-President tal-Portugall Marcelo Rebelo de Sousa, illum il-Parlament Ewropew iċċelebra l-40 anniversarju ta’ Spanja u l-Portugall fl-Unjoni Ewropea. Fid-diskors tagħha, il-President Roberta Metsola qalet li l-Ewropa se tkompli tinbidel u tadatta ruħha għar-realtajiet tal-lum.

       

Għeżież kollegi,

Huwa unur kbir li nfakkru l-40 anniversarju mill-adeżjoni ta’ Spanja u tal-Portugall mal-Unjoni Ewropea fil-preżenza ta’ żewġ mexxejja li jinkarnaw dak il-vjaġġ Ewropew kondiviż.

Il-Maestà Tiegħu r-Re Felipe VI ta’ Spanja
u l-Eċċellenza Tiegħu Marcelo Rebelo de Sousa, President tar-Repubblika Portugiża.

Bienvenidos a esta Casa europea que también es la suya.
Bem-vindos a esta Casa europeia, que é também a vossa.

Erbgħin sena ilu, Spanja u l-Portugall ħadu posthom fil-familja Ewropea, wara snin ta’ tranżizzjoni, trasformazzjoni u perseveranza. Il-kapitolu l-ġdid ta’ libertà u opportunità li nfetaħ biddel ħajjet in-nies.

L-għaqda mal-Ewropa qanqlet emozzjoni reali. Ġabet magħha l-fiduċja. Inqalbet folja tal-istorja għal dejjem, u d-demokrazija kienet se tibqa’ hawn definittivament. Għall-poplu ta’ Spanja u tal-Portugall, l-Ewropa ma damitx ma saret parti mill-ħajja ta’ kuljum u sawret il-mod kif ħadmu, studjaw, ivvjaġġaw u immaġinaw il-futur għall-familji tagħhom.

Min-naħa tagħhom, Spanja u l-Portugall għenu jsawru lill-Ewropa b’mod dejjiemi. Saħħaħtu l-impenn tal-Ewropa lil hinn mill-fruntieri tagħha billi għamiltuha ta’ pontijiet mal-Amerka Latina u mal-Afrika, u ggwidajtu l-approċċ tal-Ewropa f’tant u tant kwistjonijiet.

Matul dan il-vjaġġ, il-Parlament Ewropew ħadem id f’id ma’ Spanja u mal-Portugall. Il-Membri Spanjoli u Portugiżi tal-Parlament Ewropew kienu fundamentali f’dan l-isforz u għenu biex jiġi żgurat li l-Ewropa tisma’, tmexxi u tikseb riżultati.

Id-dinja qed tinbidel. Fil-messaġġ tal-Milied li bgħatt dan l-aħħar, Maestà, u fil-messaġġ tiegħek għas-Sena l-Ġdida, Eċċellenza, it-tnejn li intom fakkartu f’verità sempliċi: li d-demokrazija ddum biss meta nieħdu ħsiebha, u l-paċi tinżamm biss meta tiġi rispettata d-dinjità. Dik il-verità tgħodd direttament għall-Ewropa tal-lum u tiggwida l-ħidma tagħna għall-ġejjieni, hekk kif il-proġett Ewropew jadatta ruħu għad-dinja l-ġdida.

L-Ewropa ma nbnietx biex tibqa’ inattiva. Se ninbidlu, se nadattaw ruħna u se nduru fuq Spanja u l-Portugall biex niżguraw li nkunu lesti għall-40 sena li jmiss. Il-Parlament Ewropew għandu r-responsabbiltà li jaġixxi, u se nkomplu nagħmlu hekk b’onestà u b’determinazzjoni.

Maestà, Eċċellenza, qabel ma tindirizzaw lil dan il-Parlament, ippermettuli nirringrazzjakom it-tnejn minn qalbi u nifirħilkom għall-impenn personali u istituzzjonali bla heda tagħkom, għall-qrubija tagħkom man-nies u għall-konvinzjoni Ewropea soda tagħkom.

Spanja u l-Portugall ifakkruna f’dak li 40 sena ta’ impenn kondiviż jistgħu jiksbu, u r-raġuni għala jeħtiġilna nkomplu naħdmu flimkien. 

Viva España. Viva Portugal. Viva Europa.