Fil-ftuħ tal-ewwel Forum Parlamentari dwar id-Demokrazija tal-UE, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li d-demokraziji għandhom il-potenzjal li jlaħħqu mal-pass tal-bidla u li jipproteġu u joffru riżultati lin-nies.
Onorevoli Presidenti, Għeżież kollegi, Merħba bikom fil-Parlament Ewropew. Huwa pjaċir għalija niftaħ l-ewwel edizzjoni tal-Forum dwar id-Demokrazija Parlamentari tal-UE. Nedejna dan il-Forum biex ikun spazju kondiviż biex nerġgħu nistabbilixxu rabtiet bejn id-demokraziji tagħna, nerġgħu nivvalutawhom u nsaħħuhom: missjoni li qatt daqs illum ma kienet daqstant urġenti. Jien u nħares madwari f’din is-sala, b’din il-parteċipazzjoni impressjonanti, naf li m’iniex waħdi f’din il-konvinzjoni. Illum għandna 600 parteċipant minn 22 pajjiż, fosthom bosta rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali li jinsabu maġenb il-kollegi tagħna, il-Membri tal-Parlament Ewropew. Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawn u tal-impenn tagħkom biex tindirizzaw il-kwistjonijiet komuni tagħna. Kull filgħodu nqumu u nisimgħu l-aħbarijiet li jfakkruna kemm tassew hi fraġli d-demokrazija: il-gwerra fil-kontinent tagħna għadha għaddejja, il-pressjonijiet ġeopolitiċi għadhom jiżdiedu u l-libertajiet li konna mingħalina se jibqgħu magħna għal dejjem, minflok qed jispiċċaw dejjem aktar taħt prova. Fil-frattemp, id-diżinformazzjoni għadha tgħawweġ ir-realtà kondiviża tagħna. U, aspett saħansitra aktar inkwetanti, aktar u aktar nies fil-kontinent tagħna qegħdin jistaqsu jekk id-demokrazija għadhiex taħdem, jekk għandhomx imorru jivvutaw, jekk għadux vallapena li nagħmlu sforzi għad-demokrazija. It-tweġiba tagħna lil dawk il-mistoqsijiet trid tkun, u tista’ biss tkun, “iva”, soda u deċiża. Bħala rappreżentanti eletti, sta għalina nuru, b’mod kollettiv, li l-istil demokratiku Ewropew tagħna għadu jista’ jikseb riżultati għaċ-ċittadini. Huwa minnu li jeħtieġ li nsaħħu l-integrità tal-proċessi u tas-sistemi tagħna – dwar dan se nitkellem f’aktar dettall aktar tard – iżda dan ma għandux jieħu post ir-responsabbiltà li lkoll kemm aħna nerfgħu biex nissodisfaw l-aspettattivi tan-nies. Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu dak li l-aktar għandna bżonn minnu, u proprju dan hu l-għan tal-aġenda ta’ semplifikazzjoni tal-Parlament Ewropew. Jeħtieġ li nżidu wkoll ir-rabtiet kemm formali kif ukoll informali bejn dan il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tagħkom f’dawk li huma leġiżlazzjoni, l-aħjar prattiki u l-appoġġ kondiviż tagħna favur l-Ukrajna. B’mod partikolari, b’wiċċi minn quddiem ngħid li din il-Kamra laqqgħet lil 160 parlament f’turija ta’ appoġġ lill-Verkhovna Rada. Għaldaqstant, nirringrazzjakom ilkoll, talli tappoġġjaw lill-kollegi tagħna, lil ħutna li qegħdin jiġġieldu għal-libertà tagħhom. Iżda, spiss wisq, il-konverżazzjoni għandha tendenza li xxaqleb lejn mudell li fih it-tort ta’ dak kollu li jmur żmerċ huwa ta’ Brussell u ta’ Strażburgu. Iżda r-realtà, ilkoll nafu, hija ferm aktar kumplessa minn hekk. Huwa minnu li kien hemm waqtiet meta għaġġilna żżejjed u morna wisq ’il bogħod, u forsi oħrajn meta ħadnieha bil-lajma jew ma għamilna lanqas pass wieħed. Iżda din hi leġiżlatura ġdida. Għandna spinta u viżjoni ġodda. Smajna u kkonsultajna lil dawk li ntlaqtu, u għamilna l-adattamenti kif meħtieġ. Il-vot li ttieħed hawn il-ġimgħa l-oħra dwar it-tnaqqis ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv huwa eżempju ċar ta’ dan. Nafu però li dan se jaħdem biss jekk niġbdu lkoll ħabel wieħed. Bħala r-rappreżentanti tal-Ewropa fil-livell nazzjonali, intom l-ewwel linja ta’ difiża tad-demokrazija. Tifhmu aħjar minn ħaddieħor x’qed jiġri fil-livell lokali. Iżda aktar minn hekk, tafu kif għandha tkun l-aħjar reazzjoni. L-istituzzjonijiet tagħkom għandhom tant esperjenza u għarfien li minnhom ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu. U l-esperjenzi tagħkom, il-perspettivi tagħkom, l-ideat tagħkom huma kruċjali biex jinbnew dawk is-soluzzjonijiet kondiviżi li għandha bżonn l-Ewropa. Bħala l-President ta’ din il-Kamra, flimkien ma’ sħabi l-Membri ta’ dan il-Parlament Ewropew, għamilnieha l-missjoni tagħna li nifqgħu l-hekk imsejħa bżieżaq ta’ Brussell u Strażburgu u nqarrbu lill-Ewropa lejn in-nies li nirrappreżentaw. U għandna bżonn aktar nies mhux biss biex jinvolvu ruħhom u jivvutaw iżda biex joħorġu għall-elezzjonijiet u jgħinu nsawru l-Unjoni tagħna. Qed naħdmu bla heda biex naġevolaw il-parteċipazzjoni għal kulħadd. Jiena kburija li, il-ġimgħa l-oħra, il-Membri tagħna vvutaw b’maġġoranza enormi favur il-vot permezz ta’ prokura volontarja għall-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu tqal u għal dawk li jkunu għadhom kemm welldu. L-ewwel nett, se nitolbu lill-Presidenza Daniża tgħinna biex din ir-riforma tgħaddi mill-Kunsill iżda, mbagħad, se nduru fuqhom. Se nitolbu lill-parlamenti nazzjonali tagħkom jirratifikaw din ir-riforma tal-liġi elettorali. U nittama li nista’ nserraħ rasi mill-appoġġ tagħkom f’din il-kwistjoni ferm importanti li se taqleb ta’ taħt fuq il-mod kif jaħdem dan il-Parlament għaliex qed nagħmlu xi ħaġa li ma kinitx possibbli f’dawn l-aħħar 46 sena. Il-miżuri biex iċ-ċittadini jerġgħu jemmnu fid-demokrazija ma jirrigwardawx biss li ngħollu l-livelli ta’ parteċipazzjoni iżda wkoll li niġġieldu effettivament kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni. Tat-tip li jkebbes ir-rabja fil-popolazzjonijiet tagħna, jifred id-demokraziji tagħna u jdgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet, fl-istituzzjonijiet, anki saħansitra f’xulxin. Il-Parlament Ewropew diġà qiegħed jagħmel il-parti tiegħu f’dan l-isforz. Fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura, waqqafna Kumitat Speċjali dwar it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija biex isaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tagħna. U nilqgħu pożittivament il-proposti li għamlet dan l-aħħar il-Kummissjoni biex tipproteġi lill-media indipendenti, tappoġġja lis-soċjetà ċivili u tirfed lill-istituzzjonijiet tagħna. U din il-Kamra tinsab ferm lesta biex tmexxi ’l quddiem dawn l-inizjattivi. Li niddefendu lid-demokrazija jfisser ukoll li nippjanaw għall-ġejjieni. Ir-rivoluzzjoni teknoloġika u ż-żieda fl-intelliġenza artifiċjali diġà qegħdin isawru d-demokraziji tagħna. Jeħtiġilna naffrontawha din ir-realtà: il-pjattaformi tal-media soċjali issa huma l-post fejn il-ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ u dawk li jivvutaw għall-ewwel darba jieħdu sehem fil-politika, mhux l-uniku post iżda dak prinċipali. Dan ifisser li jeħtiġilna nagħmlu aħjar biex naslu fejn ikunu huma, ikunu fejn ikunu f’dawk il-pjattaformi, insostnu l-impenn politiku pożittiv waqt li nissieltu kontra l-polarizzazzjoni. Kelli l-okkażjoni li nitħaddet dwar dan mal-President tal-Parlament Portugiż, José Pedro Aguiar-Branco, li qal: “Il-parlamenti mhumiex il-kawża, huma l-konsegwenza.” U dan il-Parlament dan jurih ukoll. U jeħtieġ li nadattaw ruħna għal din is-sitwazzjoni. Hawn għandi bosta kollegi li qegħdin jindunaw sew li jeħtieġ nagħmlu aktar biex nissieltu kontra l-polarizzazzjoni, niġġieldu kontra l-populiżmu, nikkuntrastaw in-narrattivi li jippruvaw jeqirdu. Semmejt ħafna sfidi, u ninsab ċerta li se nkunu qed niddiskutu dwar ferm aktar matul din il-ġurnata. Imma ma kontx inkun hawn inkellimkom illum li kieku ma kontx naħseb li aħna kapaċi nindirizzaw dak it-theddid. Id-demokraziji tagħna għandhom il-potenzjal li jżommu mal-pass tal-bidla u jipproteġu liċ-ċittadini tagħna kif ukoll jiksbu riżultati għalihom. Irnexxielna qabel u jista’ jerġa’ jirnexxilna. Iżda biex naslu s’hemm, jeħtieġ ikollna aktar kuntatti bejnietna, aktar azzjoni, aktar ambizzjoni f’kull livell. B’hekk nerġgħu nġibu l-fiduċja fl-Ewropa, b’hekk nerġgħu nibnu l-wegħda tad-demokrazija u b’hekk nistabbilixxu futur aktar sod, aktar sikur u aktar reżiljenti. Għal darb’oħra nirringrazzjakom talli qegħdin hawn bi ħġarkom u nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li qed tagħmlu, illum u kuljum. Issa ejjew immiddu jdejna għax-xogħol. Grazzi.