Waqt ċerimonja fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov 2025 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-ġurnalisti Andrzej Poczobut mill-Belarus u Mzia Amaglobeli mill-Georgia. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-Parlament qed iżid l-isforzi tiegħu biex jgħin lil dawk li qed ifittxu li jibnu futur demokratiku.
Illum nagħtu ġieħ lil Andrzej Poczobut u lil Mzia Amaglobeli, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2025. Il-Premju ngħatalhom bħala rikonoxximent tal-ġlieda kuraġġuża tagħhom favur id-demokrazija għall-poplu tal-Belarussja u tal-Georgia. Id-demokrazija Ewropea tagħna hija mibnija fuq il-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni. Nafu kemm dawn il-valuri jiswew u qatt m’aħna se nċeduhom. Media libera u indipendenti hija parti fundamentali tal-mod kif dawn il-valuri jissarrfu fil-prattika. Huwa għalhekk li jixraq ħafna li l-premju ta’ din is-sena jmur għand żewġ ġurnalisti li qed jissugraw kulma għandhom biex jikxfu t-theddid għad-demokrazija fiż-żewġ pajjiżi tagħhom. Andrzej Poczobut qatta’ snin sħaħ jirrapporta dwar ir-reġim oppressiv tal-Belarussja u jiddefendi l-minoranza Pollakka f’dak il-pajjiż. Ġie arrestat fl-2021. Minn dak iż-żmien ilu maqful f’reklużjoni f’gaġġa tal-konkrit u mċaħħad minn kull kuntatt mad-dinja ta’ barra. Fil-qorti, wieħed mix-xhieda qal li wiċċ Andrzej kien juri tbatija kbira, iżda għajnejh kienu juru determinazzjoni, reżiljenza u kuraġġ. Mzia Amaglobeli ilha għexieren ta’ snin taħdem biex tikxef il-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Georgia. Ġiet arrestata f’Jannar ta’ din is-sena waqt il-protesti favur id-demokrazija. Meta għalqet 50 sena, ħbieb ta’ Mzia ppruvaw jikkomunikaw magħha fil-ħabs b’kartelluni u bżieżaq minn fuq għolja fil-qrib, għad li ma setgħetx tarahom miċ-ċella tagħha. Iżda d-demokrazija ma tistax tissikket. U, minkejja li ma jistgħux ikunu magħna, l-appelli urġenti ta’ Andrzej u ta’ Mzia għad-demokrazija jidwu ċari f’din il-Kamra u fil-kontinent kollu. Din il-Kamra tesprimi solidarjetà ma’ Andrzej u ma’ Mzia fit-taqtigħa tagħhom. Nitolbu li jinħelsu minnufih mill-ħabs flimkien ma’ kull persuna inkarċerata intortament. Id-determinazzjoni tagħna se tkun tal-istess livell daqs il-kuraġġ ta’ dawk inkarċerati intortament u ta’ dawk li għadhom ibatu maqfulin il-ħabs. Se nkomplu neżerċitaw pressjonijiet sakemm kulħadd ikun meħlus. M’aħniex se ninsewhom, m’aħna se nabbandunawhom qatt. Sakemm l-era tad-dittaturi tkun sa fl-aħħar spiċċat. Sakemm il-Belarussja tkun sa fl-aħħar ħielsa. Dan il-Parlament qiegħed jara x’qed jiġri fil-Belarussja u fil-Georgia u qegħdin nintensifikaw l-isforzi tagħna biex ngħinu lil dawk li jippruvaw jibnu futur demokratiku. Għażiża Jana, għażiża Irma, tistgħu sserrħu raskom minn din il-Kamra biex tkompli ssemma leħinha favur Andrzej, favur Mzia u favur dawk kollha għatxana għal-libertà. Mhux biss meta l-attenzjoni tkun fuqna bħal-lum, iżda kuljum. Għax id-demokrazija tirrikjedi x-xogħol. Tirrikjedi dedikazzjoni. Tirrikjedi l-kuraġġ biex tittieħed azzjoni, anki meta l-prezz ikun tant għoli li ma jitwemminx. Dan hu dak li jgħallmuna r-rebbieħa ta’ din is-sena. U huwa dak l-ispirtu li din il-Kamra jeħtiġilha tippromwovi f’dak kollu li nagħmlu.
You may find here the transcriptions of her speech per language: