Il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament se jkompli jagħmel pressjoni biex isaħħaħ is-sanzjonijiet kontra l-oppressuri fl-Iran u biex jinnomina l-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika bħala organizzazzjoni terroristika.
Għeżież kollegi, F’dawn l-aħħar ġimgħat fl-Iran rajna sseħħ rewwixta li f’ġenerazzjoni sħiħa ma għandhiex preċedenti. Aktar milli protesta, hija għajta għal-libertà u għad-drittijiet li tant u tant minna nistgħu inqisuhom in-normalità. Ix-xeni li waslulna mill-Iran ħasdu lid-dinja: xeni ta’ repressjoni brutali, familji jfittxu lill-għeżież tagħhom fil-kmamar mortwarji jfuru b’boroż tal-katavri. Ir-rapporti issa jsemmu mal-eluf ta’ vittmi. Il-poplu Iranjan jistħoqqlu jgħix fil-libertà, ’il bogħod mill-ħakma ta’ reġim iddisprat li jipprova jikkontrolla kull aspett ta’ ħajjithom bl-użu tal-vjolenza, tal-qtil u tar-repressjoni bħala strumenti ta’ awtopreservazzjoni. Il-poplu tal-Iran qiegħed biss jitlob dak li kull bniedem jistħoqqlu: il-libertà, il-ġustizzja u futur li jista’ jemmen fih. L-istorja tal-Ewropa stess tgħallimna li x-xewqa għal-libertà u għad-dinjità tista’ tegħleb kull diffikultà. B’wiċċi minn quddiem ngħid li dan il-Parlament kien eżempju f’dan ir-rigward u jien kburija li ħadna azzjoni. Il-ġimgħa li għaddiet, wara li kkonsultajt lill-gruppi politiċi kollha, ħadt id-deċiżjoni li nipprojbixxi l-aċċess fil-Parlament Ewropew lid-diplomatiċi u lir-rappreżentanti kollha tar-reġim Iranjan. M’aħniex se nħallulhom pjattaforma fl-Ewropa biex minnha jilleġittimaw il-brutalità tagħhom. Iżda issa jrid isir aktar. Se nkomplu ninsistu biex jissaħħu s-sanzjonijiet u fl-aħħar il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika jiġi ddeżinjat bħala organizzazzjoni terroristika. Dan mhuwiex ġest simboliku. Ikun ifisser aktar degradazzjoni tal-kapaċità tar-reġim li jopera b’impunità, iħarbatlu l-fluss tal-flus tiegħu u jissottolinja li mhu se jsib l-ebda port fejn jistkenn. Daqstant importanti hu l-fatt li jkun jibgħat messaġġ qawwi lill-Iranjani kuraġġużi fit-toroq li l-Ewropa semgħethom, li nieqfu magħhom u li ħadna azzjoni kontra l-oppressuri tagħhom. Kollegi, naf li ħafna minnkom tridu tiftakru fl-eluf assassinati fit-toroq tal-Iran, iżda l-poplu tal-Iran ma għandux bżonn silenzju, ilu 47 sena mġiegħel jgħix fis-skiet. Għalhekk illum nitlobkom tagħmlu xi ħaġa differenti. Nitlobkom tagħtu ġieħ lil dawk li nqatlu billi tingħaqdu miegħi biex nimlew lil din il-Kamra b’mument ta’ ċapċip u nonoraw il-qlubija u l-kuraġġ tagħhom.