Il-Parlament ifakkar il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst ma' Tatiana Bucci li salvat mill-Olokawst  

 

Il-Parlament ifakkar il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst ma' Tatiana Bucci li salvat mill-Olokawst  

Brussell  
 
 

Il-Parlament Ewropew illum kellu ċerimonja solenni fil-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst biex jonora l-vittmi tal-akbar atroċità fl-istorja. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola laqgħet lil Tatiana Bucci u qalet li Qatt Iktar m’għandu jiggwida l-għażliet li nagħmlu llum u l-Ewropa li nagħżlu li nibnu flimkien.

       

Onorevoli Membri,
Mistednin distinti,
 
Iltqajna biex infakkru l-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-Olokawst, biex nagħtu ġieħ lill-vittmi tal-akbar atroċità fl-istorja u biex inġeddu r-responsabbiltà tagħna li niftakru, u li naġixxu.

Nixtieq nibda billi nagħti merħba kbira ħafna lill-mistiedna speċjali tagħna, Tatiana Bucci.

Tatiana, grazie per essere con noi oggi.

U nsellmu wkoll b’daqstant entużjażmu lil oħtok Andra, li ma setgħetx tkun magħna llum.

Int u Andra kontu biss tfal meta ġejtu ddeportati lejn Auschwitz. Minkejja d-diffikultajiet kollha, irnexxielkom tibqgħu ħajjin, u ddedikajtu ħajjitkom tiżguraw li d-dinja ma tinsa qatt minn xiex għaddejtu.
___________________________________________________________________________

Is-sena li għaddiet, waqt iċ-ċerimonja li kkommemorat it-tmenin anniversarju mil-liberazzjoni ta’ Auschwitz-Birkenau,
inqraw b’leħen għoli l-aħħar kliem ta’ poetessa Lhudija Pollakka, Henryka Łazowertówna. Kitbet dan il-kliem hekk kif kienet qed tiġi ddeportata:

“Se nitlaq. ’Il bogħod.
Lejn stazzjon tal-ferrovija mhux magħruf, li ma jinsab fuq l-ebda mappa.
Fuq l-istazzjon, is-sema hu mdendel bħal għatu iswed enormi.
Jiena kalma ħafna. U mnikkta ħafna.
M’għadnix hawn.”

Dak il-kliem tat-tkexkix ta leħen lill-miljuni ta’ nies li ġew imsikkta fl-Olokawst, lil dak li l-Ewropa ma għandha qatt tippermetti li jerġa’ jseħħ.

L-Olokawst kien l-aktar kapitlu mudlam tal-istorja tal-bniedem. Kienu sitt miljuni l-Lhud, fosthom irġiel, nisa u tfal, li ġew assassinati mir-reġim Nazista f’tentattiv deliberat, organizzat u sponsorizzat mill-Istat li jeqred poplu sħiħ. Flimkien magħhom, il-komunitajiet Rom u Sinti, il-persuni b’diżabbiltà, il-minoranzi u l-oppożituri politiċi kienu lkoll assassinati mill-istess magna tal-mibegħda.

Dan ma sarx mil-lejl għan-nhar. Sar pass wara pass, liġi wara liġi, ferrovija wara ferrovija. Neżżgħulhom drittijiethom. Ħajjithom sfaw biss numri. U s-skiet ħalla lill-ħażen jinfirex bla kontrolli.

It-tfal Lhud fost il-vittmi kienu miljun u nofs. Mifrudin mill-familji tagħhom u assassinati mingħajr lanqas kienu jafu għalfejn.

L-Olokawst, meta narawh minn għajnejn it-tfal, jiżvela l-krudeltà tiegħu fl-aktar forma pura tiegħu. Tatiana u Andra għexuha dik ir-realtà meta kellhom biss erbgħa u sitt snin.

Il-preżenza ta’ Tatiana hawn magħna llum tixhed mhux biss is-sopravivenza, iżda wkoll il-kuraġġ. Iġġorr magħha l-memorja ta’ dak li ġara biex ħaddieħor ma jkunx ikkundannat jerġa’ jgħaddi minnu.

L-Ewropa ħarġet mill-Olokawst bil-piż ta’ dak li sar fuq spallejha, u bl-għarfien ta’ kemm kien faċli li jseħħ. Kien mingħalina li konna tgħallimnieha l-lezzjoni, li l-mibegħda postha ma kien imkien ħlief fl-imgħoddi. Iżda l-antisemitiżmu qatt ma nqered. Baqa’ ħaj. Adatta ruħu. U llum għadu jixħet id-dell tiegħu fil-kontinent kollu tagħna u lil hinn.

Illum, l-antisemitiżmu jinfirex aktar malajr u u b’mod usa’ minn qatt qabel, amplifikat online u fuq il-media soċjali. Il-gideb jinxtered f’temp ta’ ftit sekondi. Il-komplotti qodma jingħataw ħajja ġdida. U l-konsegwenzi huma terribbilment reali, kif dan l-aħħar fakkarna dak li ġara f’Bondi Beach, fejn familji Lhud li kienu qed jiċċelebraw il-Hanukkah inqatlu kiesaħ u biered b’tiri ta’ arma tan-nar.

Għad li minkejja l-uġigħ u t-telfa, il-ħajja Lhudija għadha tiffjorixxi. U l-Ewropa jeħtiġilha tiżgura li din tibqa’ protetta.

Sta għalina naffrontaw il-mibegħda kull fejn tfeġġ, qabel ma titħalla terġa’ trabbi l-għeruq. Għalhekk dan il-Parlament Ewropew se jibqa’ jiftakar dejjem, u għalhekk se nsemmgħu leħinna dejjem.

It-tifkira mhijiex passiva, tqiegħed responsabbiltà fuqna lkoll. Jekk irridu li l-espressjoni “Qatt Aktar” tfisser xi ħaġa, din għandha tmexxi l-għażliet li nagħmlu llum u l-Ewropa li nagħżlu li nibnu flimkien.

Grazzi.