Il-Parlament ifakkar il-vittmi tal-attakki tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi 10 snin ilu  

 

Il-Parlament ifakkar il-vittmi tal-attakki tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi 10 snin ilu  

Brussell  
 
 

Illum il-Parlament Ewropew onora l-vittmi tal-attakki tat-13 ta’ Novembru li seħħew f’Pariġi 10 snin ilu. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-Parlament jibqa’ impenjat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

       

Għeżież kollegi, 

Bħal għada, it-13 ta’ Novembru, għaxar snin ilu kienu seħħew l-attentati terroristiċi ta’ Pariġi li ħasdu l-ħajja ta’ aktar minn 130 ruħ, darbu aktar minn 400 ruħ u ħallew lil tant u tant oħrajn iġorru fuqhom il-feriti inviżibbli tat-trawma. 

Niftakru f’kull ħajja li ntilfet f’dik il-lejla. Fil-familji li l-istejjer tagħhom ġew interrotti ħesrem. Fil-futuri li nqerdu ta’ tant żgħażagħ li kienu sempliċement qegħdin iqattgħu ħinhom jiddevertu mal-ħbieb. Nieqfu ma’ Franza, mal-poplu tagħha u ma’ dawk kollha li għadhom jgħixu b’dak l-uġigħ u b’dik it-telfa inimmaġinabbli.

Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju ta’ niket, ejjew niftakru wkoll fil-mod kif, quddiem it-terrur, is-solidarjetà rebħet fuq il-firda. M’jien se ninsa qatt il-filmat ta’ mara, li kienet tqila, imdendla minn ħoġor tieqa tat-teatru Bataclan, salvata minn xi ħadd li rnexxielu jibqa’ ħaj u li ssogra ħajtu biex jeħlisha mill-periklu. Jew lill-ħaddiema tas-servizzi ta’ emerġenza, ta’ sigurtà u tal-assistenza tas-saħħa li ġrew lejn il-periklu biex jgħinu lill-oħrajn. Lill-ġirien li fetħu biebhom lil nies li ma kinux jafu. Dan hu xi jfisser li nkunu Ewropej, u xejn mhu se jkun jista’ jneħħihulna qatt dan, lanqas il-biża’.

Dan hu mument ta’ kommemorazzjoni, iżda hu mument ukoll ta’ impenn. It-terroriżmu huwa attakk fuq is-sigurtà kollettiva tagħna, fuq il-valuri Ewropej tagħna, fuq il-paċi u t-tolleranza fis-soċjetajiet tagħna. Huwa theddida għalina lkoll, u m’aħna se nittollerawh qatt u qatt. 

Din il-Kamra tibqa’ impenjata li tiġġieled kontra t-terroriżmu, kontra r-radikalizzazzjoni, li tipproteġi liċ-ċittadini tagħna u tipprevjeni li familji oħra jgħaddu mill-istess uġigħ. Dan hu l-messaġġ li se nieħu miegħi nhar il-Ħamis, meta se nirrappreżenta lill-Parlament Ewropew f’Pariġi.