Il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew jappoġġja lill-poplu tal-Iran u jikkundanna l-attakki indiskriminati tar-reġim, inkluż fuq ċivili fl-Istati tal-Golf u madwar ir-reġjun.
Naf li lkoll kemm aħna għandna l-attenzjoni tagħna fuq is-sitwazzjoni fl-Iran, fir-reġjun tal-Golf u fl-Istrett ta’ Hormuz. Ippermettuli nisħaq fuq il-fatt li dan il-Parlament kien ċar fil-kundanna tiegħu tar-reġim Iranjan li għadu jgħakkes u joqtol lill-poplu tiegħu stess, jiżra’ l-instabbiltà u jattakka indiskriminatament. Dan il-Parlament jieqaf maċ-ċittadini Iranjani u se jkompli jeżerċita pressjonijiet favurihom. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, is-suldat Franċiż Arnaud Frion inqatel minn dron Iranjan meta kien qiegħed fis-servizz fl-Iraq għal missjoni ta’ taħriġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Eluf ta’ Ewropej baqgħu maqbuda fir-reġjun. Ippermettuli nesprimi l-gratitudni kollha tiegħi għall-isforzi li għamlu l-Istati Membri u sħabna tal-Golf biex jirrimpatrijaw lil dawk li kellhom bżonn jiġu lura l-Ewropa. Nieħu din l-okkażjoni biex nikkundanna l-attakki kontinwi, brutali u inaċċettabbli tar-reġim Iranjan kontra ċ-ċivili fl-Istati tal-Golf u fir-reġjun kollu. Dawn l-attakki jridu jieqfu. Naf li se nkomplu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninsistu fuq it-taffija tat-tensjonijiet, id-djalogu, ir-rispett tad-dritt internazzjonali, konklużjoni rapida ta’ dan il-kunflitt u d-dritt tal-poplu Iranjan li jagħżel liberament id-destin tiegħu.