80 sena mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa, il-Parlament Ewropew onora l-kuraġġ u s-sagrifiċċju ta' dawk li taw ħajjithom. Il-President Metsola laqgħet tliet irġiel straordinarji li għexu l-gwerra u li għadhom iġorru l-memorja tagħha.
President Costa, għażiż António, Onorevoli Membri, Mistednin distinti, Għeżież veterani, Għeżież ħbieb,
Inġbarna llum f’din id-Dar tad-demokrazija Ewropea biex infakkru anniversarju solenni u sinifikanti: tmenin sena mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa – l-itwal kunflitt, u l-aktar wieħed li mietu nies fih, fl-istorja tal-bniedem, u li wassal għat-twelid tal-Unjoni tagħna.
Inġbarna biex niftakru f’dawk li ġġieldu u f’dawk li mietu. Nagħtu ġieħ lill-kuraġġ tagħhom, lis-sagrifiċċju tagħhom u lir-reżistenza tagħhom għat-tirannija. Niftakru biex l-orruri tal-aktar kapitlu mudlam tal-Ewropa ma jirrepeti ruħu qatt aktar.
Iġġieldu biex aħna nkunu nistgħu ngħixu fil-paċi. Issagrifikaw ħajjithom biex aħna nkunu nistgħu ngħixu fil-libertà. Issugraw kulma kellhom biex uliedna jkunu jistgħu jikbru f’sigurtà. M’aħna se ninsewhom qatt.
----------
Bħal-lum tmenin sena ilu, fi skola mibnija bi briks ħomor f’Reims, ftit sigħat biss bogħod lejn il-Punent minn fejn ninsabu issa, il-Ġermanja Nazista ffirmat l-att li bih kienet se ċċedi b’mod inkundizzjonat u b’hekk ġabet il-gwerra fl-Ewropa fi tmiemha.
Sal-għada filgħodu, l-armi kienu siktu. F’Londra, Pariġi u Praga n-nies niżlu fit-toroq bi ħġarhom, biex jitgħannqu, ikantaw, jibku – bil-ferħ, b’solliev, iżda wkoll b’niket.
Kienet ġurnata li ħafna beżgħu li qatt ma kienu se jaraw matul ħajjithom. Wara kważi sitt snin sħaħ, il-gwerra fl-Ewropa sa fl-aħħar kienet spiċċat.
Iżda għal miljuni ta’ nies, il-paċi waslet tard wisq. Intilfu għexieren ta’ miljuni ta’ ħajjiet, fosthom, sitt miljuni kienu Lhud. Komunitajiet sħaħ inqerdu. Ġenerazzjonijiet sħaħ ġew eliminati. Bliet sħaħ sfaw irmied. Ħafna fost dawk li baqgħu ħajjin batew il-ġuħ, il-mard u kellhom jitilqu minn darhom.
Ġenerazzjoni sħiħa kienet se ġġorr din it-trawma fis-skiet. Miljuni ta’ tfal fl-Ewropa kollha kellhom jikbru mingħajr missier u ommijiethom mingħajr żewġhom. Il-gwerra kienet spiċċat, imma l-feriti kienu fondi.
U għal miljuni fl-Ewropa, is-sena 1945 ma ġabitx magħha l-ħelsien, iżda oppressjoni ta’ bixra ġdida. Hekk kif il-ħakma ta’ Stalin bdiet tissikka, niżlet Purtiera tal-Ħadid fuq l-Ewropa, li firdet lill-pajjiżi, lill-familji u lill-ħajjiet. Għan-nies ta’ Varsavja u Riga, ta’ Bratislava u ta’ Berlin tal-Lvant, it-tmiem ta’ taqtigħa fisser il-bidu ta’ oħra. U kellhom jgħaddu għexieren ta’ snin oħra qabel ma setgħu jkunu tassew ħielsa.
Il-gwerra ħalliet l-Ewropa f’ħerba, iżda l-ispirtu tagħha baqa’ intatt, u fil-kontinent kollu, il-popolazzjoni bdiet ix-xogħol tar-rikostruzzjoni fis-skiet u b’dinjità. Mhux biss bil-bini iżda bit-tama wkoll.
L-ismijiet li jiksu l-kurituri tal-Parlament tagħna: Schuman u Adenauer, Spaak u De Gasperi, Churchill u Monnet, huma dawk ta’ rġiel li l-gwerra għexuha, li difnu lil ħuthom, tilfu lil ħbiebhom u raw il-bliet jinħarqu. Madankollu, għażlu r-rikonċiljazzjoni minflok il-vendetta. Għażlu li jemmnu li dawk li kienu għedewwa setgħu jsiru sħab, li l-kooperazzjoni ma kinitx tfisser dgħufija, iżda bżonn.
Mill-kuraġġ tagħhom twieldet Ewropa ġdida. Ewropa li ċaħdet il-velenu tal-passat u kellhom il-kuraġġ jibnu l-paċi. U bis-saħħa tagħhom ninsabu hawn illum, f’Parlament ta’ nazzjonijiet li kienu għedewwa u li saru ħbieb, magħquda b’wegħda komuni: qatt aktar.
Erbgħin sena ilu, il-President Ronald Reagan ġie quddiem proprju dan il-Parlament u tkellem b’ammirazzjoni profonda dwar dak li kien inkiseb. Kliemu kien dan:
“Ewropa, għażiża Ewropa, inti akbar milli taf. Fik hemm miġbura sekli prezzjużi ta’ ħsieb u kultura tal-Punent; int missier l-ideali tal-Punent u omm il-fidi tal-Punent.
Ewropa, inti l-qawwa u l-glorja tal-Punent, inti suċċess morali. Fl-orruri tat-Tieni Gwerra Dinjija, int ċħadt it-totalitariżmu; ma waqajt għat-tentazzjoni la ta’ superpotenza ġdida u lanqas tar-raġel Komunista l-ġdid; urejt li kont u għadek trijonf morali.
Intom li tinsabu fil-Punent intom Ewropa mingħajr illużjonijiet, Ewropa ankrata b’mod sod fl-ideali u fit-tradizzjonijiet li għamluha kbira, Ewropa ħielsa minn ideoloġija falluta u mingħajr ix-xkiel ta’ din l-ideoloġija. Illum intom Ewropa fuq l-għatba ta’ seklu ġdid, komunità demokratika li għandkom biex tkunu kburin biha.”
Kliem il-President Reagan ma kienx biss rikonoxximent ta’ kemm imxiet ’il quddiem l-Ewropa, iżda appell biex nipproteġu dak li kien inbena.
Aħna obbligati immens lejn dawk l-irġiel u n-nisa li għamlu possibbli dik il-paċi. Uħud minnhom qegħdin magħna hawn illum.
Huwa unur kbir tiegħi nilqa’ fostna lil tlett irġiel straordinarji li dik il-gwerra għexuha, u li għadhom iġorru magħhom il-memorja tagħha: is-Sur Robert Chot, is-Sur Janusz Komorowski u s-Sur Janusz Maksymowicz. Lilkom, u lil dawk kollha li llum mhumiex magħna, ngħidulkom sempliċement: grazzi.
Il-kuraġġ tagħkom xegħel l-aktar siegħa mudlama tal-Ewropa. Issugrajtu ħajjitkom biex aħna nkunu nistgħu ngħixu ħajjitna. Għażiltu li tirreżistu. Għażiltu li tittamaw. U aħna m’aħna se ninsew qatt.
Għaddew tmenin sena, iżda l-istorja għadha ma spiċċatx. Għal darb’oħra, il-gwerra reġgħet tfaċċat fil-kontinent tagħna. Għal darb’oħra, il-bliet qed jiġu bbumbardjati, iċ-ċivili qed jisfaw attakkati u l-familji qed jitfarrku.
Il-poplu tal-Ukrajna qed jiġġieled mhux biss għal artu, iżda għal-libertà, għas-sovranità u għad-demokrazija. Eżatt kif kienu għamlu l-ġenituri u n-nanniet tagħna.
Dan il-Parlament dejjem se jieqaf ma’ dawk li jfittxu l-paċi u jopponi dawk li jeqirduha. Dejjem se jkun favur il-libertà u kontra t-tirannija. Ix-xogħol li għandna quddiemna llum huwa l-istess bħal dak li kien hemm dak iż-żmien:
nonoraw il-memorja, nipproteġu d-demokrazija u nippreservaw il-paċi. Paċi li hija ġusta, reali u dejjiema.
Grazzi.