Wara l-attakki reċenti, il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu lill-komunitajiet Lhud madwar l-Ewropa u lil hinn. Fid-dikjarazzjoni tagħha, il-President Metsola qalet li se nkomplu naġixxu kontra l-antisemitiżmu.
Dak li ġara dan l-aħħar juri kemm hu importanti li nkomplu nindirizzaw it-theddid dejjem akbar taż-żieda tal-antisemitiżmu. F’dawn l-aħħar ġimgħat, splużjoni għamlet ħsara lil sinagoga f’Rotterdam. F’Amsterdam ġiet ibbumbardjata skola Lhudija. Fil-Michigan, karozza mimlija splussivi baqgħet dieħla f’sinagoga. F’Londra, ingħataw in-nar xi ambulanzi ta’ organizzazzjoni tal-karità Lhudija. Nafu sew li dak li jibda bħala antisemitiżmu ma jispiċċa qatt kif beda. Huwa theddida għal kulħadd, li mhux biss se nkomplu niddenunzjaw, iżda li se naġixxu kontriha. Il-komunitajiet Lhud tagħna huma parti fundamentali min-nisġa soċjali tas-soċjetajiet Ewropej tagħna, u hu importanti li kollha kemm huma jkunu jafu li jistgħu jafdaw fuq dan il-Parlament.