Il-Parlament se jġib ir-riżultati - Il-President Metsola lill-mexxejja tal-UE  

 

Il-Parlament se jġib ir-riżultati - Il-President Metsola lill-mexxejja tal-UE  

Brussell  
 
 

Hi u tindirizza lill-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew tal-lum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament se jwettaq, u jagħmel l-affarijiet aħjar, aktar sempliċi u aktar faċli.

       

Għażiż António, għeżież kollegi,

Nifirħilkom għall-adozzjoni tad-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet. Din kienet aħbar tajba. Aspett anqas pożittiv jikkonċerna l-vot tal-bieraħ dwar il-pakkett Omnibus dwar is-sostenibbiltà rigward is-CSRD u s-CSDDD, li wera li għal parti mdaqqsa tal-Parlament Ewropew, dan il-kompromess sempliċement ma kienx ambizzjuż biżżejjed. Li anki bl-aqwa intenzjonijiet biex jitqarrbu l-pożizzjonijiet, ma kienx se jagħmel l-affarijiet aħjar, aktar sempliċi jew aktar faċli. Għal ċerti partijiet oħra, kwalunkwe bidla oħra kienet tkun wisq ambizzjuża. 

Il-maġġoranzi huma dejjem aktar b’saħħithom jekk jibdew miċ-ċentru u jinfirxu ’l barra, għax nemmnu li b’dan il-mod l-Ewropa timxi ’l quddiem. Imma jekk dan ma jkunx possibbli, il-Parlament xorta għandu jikseb riżultat. 

It-test kif inhu adottat fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali tagħna issa se jmur fis-sessjoni plenarja qasira li jmiss minn hawn u ftit ġimgħat oħra, bi skadenza għall-emendi. Nistenna li l-mandat minn dan il-Parlament se jkun aktar b’saħħtu, u jagħtina l-maġġoranza li għandna bżonn biex niksbu riżultat, u x’aktarx ninsistu fuq il-Kunsill imur oltre. 

F’dawn l-aħħar ġimagħtejn minn mindu ltqajna, il-Parlament applika l-proċedura urġenti biex jipposponi l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti kimiċi, adotta l-pożizzjoni tagħna dwar il-Politika Agrikola Komuni u saħansitra beda t-trilogi. F’każijiet bħal dawn huwa normali li jkun hemm negozjati, u jien ottimista li se nsibu ftehim f’qasir żmien. 

Dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, nixtieq nenfasizza: iva, l-approċċi tagħna jaf ikunu differenti, għad li l-għanijiet fundamentali tagħna huma l-istess. Dan għandna nżommuh quddiem għajnejna. Ir-riskju reali li l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom jeżisti, u hemm bżonn rieda tajba miż-żewġ naħat biex insibu t-triq tal-kompromess. Irnexxielna nagħmlu dan fl-imgħoddi, u jien fiduċjuża li jista’ jerġa’ jirnexxilna.

Dwar l-akkomodazzjoni: il-Parlament Ewropew jifhem li n-nies huma inkwetati b’din il-kwistjoni, li għalina hija kruċjali. Għall-ewwel darba ħloqna Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi tal-Akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea u rajna wkoll li l-Kummissjoni Ewropea ħadet xi miżuri. Jeħtieġ li nkomplu nisfruttaw dan ir-ritmu u jeħtiġilna niksbu riżultati.

Ħafna affarijiet ġraw fil-Parlament wara Copenhagen. Minkejja dan, nafu li hemm bżonn naħdmu saħansitra aktar. 

L-Ewropa tkun fl-aqwa tagħha meta jkollha objettiv ċar u magħqud. Is-suq uniku tagħna, il-munita unika tagħna, is-sistema Schengen tagħna: m’iniex ngħid li jaħdmu perfettament iżda dawk huma l-kisbiet l-aktar għal qalb iċ-ċittadini.

Għalhekk nixtieq ngħid kemm inqawwi qalbi meta nara tant proposti interessanti jiċċirkolaw. Huwa dan it-tip ta’ riflessjoni kuraġġuża li l-Ewropa għandha bżonn tħaddan u tirrifletti fil-programmi ta’ ħidma tagħha, li jibgħat sinjali li ħerġin mill-istatus quo. Għandu mnejn bejnietna ma naqblux ma’ kollox, iżda nistgħu naqblu mal-fatt li ma nistgħux nibqgħu inkaljati, inkella d-dinja se tkompli timxi ’l quddiem mingħajrna. U dan se tagħmlu malajr.

Din hi l-istess mentalità li qed tmexxi l-azzjonijiet tagħna fil-qasam tad-difiża. Mill-aħħar darba li ltqajna, ilħaqna ftehim, iggarantejna l-finanzjamenti u stabbilejna l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea. Il-Parlament issa lest biex jipproċedi għal votazzjoni finali. Wara dak, kollox se jiddependi mill-implimentazzjoni tiegħu.

M’hemmx xi ngħidu, dan jorbot direttament mal-Ukrajna, biex tissaħħaħ l-industrija tad-difiża tal-pajjiż, jiġu sfruttati t-teknoloġiji tiegħu, speċjalment fil-miżuri kontra d-droni u fis-sistema ta’ identifikazzjoni, jiġi affermat il-prinċipju indiskutibbli tal-“paċi permezz tal-forza”. Huwa fundamentali li nsostnu lill-President Zelenskyy bi pjan ta’ paċi ċar.

Fuq dan il-punt il-Parlament ħa pożizzjoni ċara, b’maġġoranza kbira: jeħtiġilna neliminaw gradwalment id-dipendenza mill-gass u mill-enerġija tar-Russja. U nittama li n-negozjati jistgħu ma jdumux ma jibdew. Kif għedt qabel, nilqgħu l-adozzjoni tad-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet, iżda jibqa’ kruċjali li nagħmlu użu aħjar tal-assi Russi ffriżati. Nifhem li hemm tħassib – jeħtieġ li jkun hemm ċertezza ġuridika – iżda jeħtieġ ukoll li naġixxu strateġikament u nżidu l-pressjoni. 

Ilbieraħ, waslitilna l-aħbar ta’ qsim il-qalb li r-Russja attakkat kindergarten f’Kharkiv. M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dak l-att tal-waħx. L-ebda. Lanqas waħda. L-attakki tar-Russja qed isiru dejjem aktar sfaċċati, bi ftit li xejn rispett lejn il-ħajja tan-nies innoċenti, id-dritt internazzjonali jew soluzzjoni paċifika. Għalhekk ir-risposta tagħna trid tkun dik li nżidu l-pressjoni. 

Għax, fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu jiddependi minn ħaġa: il-paċi, paċi ġenwina. Hemm bżonn inkomplu nisħqu fuq dak kollu li qed nagħmlu. Għala nappoġġjaw b’mod tant sod lill-Ukrajna u għala qed ninvestu fis-sigurtà u d-difiża tagħna. Għaliex rajna x’jiġri meta s-setgħa ta’ persważjoni ma tkunx sostnuta mis-setgħa ta’ koerċizzjoni li hi meħtieġa biex naffrontaw it-theddid tal-lum. Ma nistgħux inħallu li dan jerġa’ jseħħ.

Issa wasal il-mument li nwessgħu ċ-ċirku tal-paċi, u dan nistgħu nagħmluh billi nibnu fuq il-progress enormi li ntlaħaq fil-Lvant Nofsani. Għal darb’oħra, nixtieq infaħħar l-isforzi tal-Istati Uniti, tal-Eġittu, tal-Qatar, tat-Turkija u ta’ dawk kollha li għenu biex wasalna f’din il-fażi. La kienet biċċa xogħol faċli u lanqas sempliċi, iżda kienet importanti, u saret. 
Il-ftehim dwar il-ħelsien tal-ostaġġi u l-waqfien mill-ġlied huwa mument ta’ tama storika għal Iżrael u għal Gaża, għal prospettivi ġodda li jżommu attivi l-awtodeterminazzjoni u l-possibbiltà li jinħoloq Stat sovran, u li jkun jista’ joffri stabbiltà lir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani u lill-bqija tad-dinja. Iżda dan huwa mument ta’ fraġilità intensa. Il-pjan ta’ paċi jrid ikompli jiġi implimentat bis-sħiħ. 

U l-Ewropa trid tkompli tagħmel il-parti tagħha. Ma bqajniex u m’aħniex se nibqgħu b’idejna fuq żaqqna. Bħala l-ewwel donatur ta’ għajnuna umanitarja lil Gaża, jeħtiġilna nkomplu niksbu riżultati ta’ ċerta portata u b’ċertu ritmu f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali u mar-rappreżentanti Palestinjani leġittimi, filwaqt li nagħmlu pressjoni biex niżguraw li dan il-pjan ta’ paċi jżomm. 

Il-paċi hi possibbli. U l-Ewropa għandha rwol x’tiżvolġi.

Grazzi.

You may find here the transcriptions of her speech per language: