Il-Parlament mhux se jieqaf jiġġieled għall-ġustizzja li jistħoqqilha Daphne Caruana Galizia  

 

Il-Parlament mhux se jieqaf jiġġieled għall-ġustizzja li jistħoqqilha Daphne Caruana Galizia  

Strasburgu  
 
 

Hi u tindirizza ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament mhux se jieqaf jiġġieled għall-ġustizzja li hija jistħoqqilha.

       

Grazzi, Viċi President, għażiża Pina,
 
Sinjuri, il-lejla t-tajba.
 
Matthew, Corinne, Vera, grazzi talli tinsabu hawn illejla. Li jkollna lilkom magħna jfisser ħafna għal kull min hu preżenti f’din il-Kamra, u intom ir-raġuni għaliex illejla tfisser aktar minn sempliċement premju.
 
Nhar il-Ġimgħa li għadda għalaqna disa’ snin minn meta Daphne Caruana Galizia nqatlet b’karozza bomba, fid-dawl tax-xemx f’Malta tagħna, ftit metri ’l bogħod minn darha. L-orrur u x-xokk ma żvintawx minkejja li għadda ż-żmien. Iżda filwaqt li l-ġrieħi għadhom ma tfejqux, in-niket tagħna nbidel f’determinazzjoni li naraw ħjiel ta’ ġustizzja. Li nieqfu mal-familja ta’ Daphne. Li nuru li aħna fil-Parlament Ewropew, bħal tant nies f’Malta, mhux se nippermettu li dan jinkines taħt it-tapit. Mhux se nħalluha tintnesa. Mhux se nippermettu li dak kollu li kienet tirrappreżenta jiġi sagrifikat fuq l-artal tal-konvenjenza politika. Dan huwa dak li sawwar il-mod kif naħsbu matul dawn l-aħħar għaxar snin. Huwa dak li jmexxi lil din il-Kamra ’l quddiem u huwa għalhekk li se nkomplu għaddejjin.
 
Naħseb li ħadd minna f’Malta jew f’dan il-Parlament ma konna qatt l-istess wara dak it-Tnejn l-Iswed ta’ Ottubru tal-2017. Kienet bidla siżmika, il-mument li rrealizzajna li ġurnalista, mara, omm, setgħet ġiet assassinata daqshekk fl-apert talli kixfet il-korruzzjoni, jew li dan seħħ fl-Ewropa tagħna, fit-toroq tagħna.
 
Uliedha u l-familja tagħha ilhom disa’ snin ikomplu b’ħajjithom mingħajrha. U x-xhur li għaddew fil-qorti reġgħu fetħu l-feriti bil-goff, u għal darb’oħra tħallejna mingħajr il-ġustizzja li aħna dovuti. Il-ġustizzja li kellna bżonn. Il-ġustizzja li l-Ewropa, bir-raġun, talbet. Il-ġustizzja li l-omm formidabbli ta’ Daphne mietet mingħajr ma rat.
 
Illejla ppermettuli ntenni x’qalet din il-Kamra, b’mod trażversali mill-gruppi politiċi kollha, kull sena minn dakinhar: m’aħniex se nċedu. Il-wegħdiet ta’ investigazzjoni sħiħa m’għandhomx ikunu biss kliem fieragħ. Ir-rapport tal-inkjesta pubblika jrid jiġi implimentat. Se nkomplu għaddejjin sakemm dawk kollha li poġġew il-bomba, il-mandant li ordnaha, jew dawk li qattgħu snin jippruvaw jgħattu l-kwistjoni kollha jinżammu responsabbli. Mhux qed nitolbu xi ħaġa ta’ barra minn hawn, u mhix xi ħaġa impossibbli li ssir.
 
Dawk li riedu jsikktu lil Daphne, fallielhom il-pjan. L-istejjer tagħha laħqu rkejjen aktar ’il bogħod minn qatt qabel, u fil-Belt Valletta, il-belt kapitali tagħna, in-nies għadhom imorru bix-xemgħat u bil-fjuri. Bir-ritratti ta’ Daphne. Bit-tama. 
 
Dawk fostna li kienu jafu lil Daphne jiftakru li kienet aktar minn sempliċement ġurnalista investigattiva. Nimmissjawh is-sens ta’ umoriżmu tagħha daqskemm nimmissjaw il-kuraġġ tagħha. Il-kritika tagħha, xi drabi taqta’ daqs sikkina, ġegħlitna nixtiequ nsiru politiċi aħjar. Il-pinna tagħha, li ġegħlitna nixtiequ nkunu kittieba aħjar. Ir-riċetti tagħha, li ġegħluna lkoll nixtiequ nkunu koki aħjar. Il-loġika tagħha, li dawret dak li hu kkumplikata f’xi ħaġa ovvja.  
 
Illejla kellha tkun hawn.
 
U erba’ xhur wara Daphne, erġajna rajna l-istess. Il-ġurnalist Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová nqatlu f’darhom, ftit qabel ma kellhom jiżżewġu. Jozef u Jana, il-ġenituri ta’ Ján, ġarrbu niket li ebda ġenitur m’għandu jġarrab, fl-istess waqt li jsemmgħu leħinhom għal ġurnalisti li qatt ma ltaqgħu magħhom.
 
Dan ix-xahar ikunu għaddew ukoll għoxrin sena minn meta Anna Politkovskaya nqatlet b’arma tan-nar f’Moska talli qalet il-verità dwar il-gwerra fiċ-Ċeċenja. Is-sala stampa tagħna fi Brussell imsemmija għaliha, sabiex il-ġurnalisti kollha, u kull wieħed u waħda minna f’din il-Kamra, niftakru x’tat.
 
Daphne, Ján u Anna rrifjutaw li jinjoraw dak li kien qed jiġri. Issa qed naraw li għamlu l-istess il-finalisti ta’ din is-sena permezz tal-ħidma tagħhom. Nifirħulkom ilkoll. Dan il-Parlament se jibqa’ jieqaf magħkom. Issa li r-regoli kontra s-SLAPPs li ġġilidna għalihom huma fis-seħħ, se nkunu qed insegwu b’reqqa liema bħalha kif kull Stat Membru jpoġġihom fil-prattika.
 
Grazzi lill-ġurija, lill-kollega tiegħi l-Membru tal-PE David Casa, li ta l-ħajja lil dan il-Premju u li qatt ma waqaf jiġġieled, u lil Pina Picierno għal dak kollu li tagħmel, għall-passjoni u għall-impenn personali tagħha għall-kwistjonijiet li huma importanti għalina lkoll. Issa ilna kważi ħames snin naħdmu flimkien fuq dan il-proġett, u m’aħniex se nieqfu. Dan il-Premju huwa importanti għall-Parlament Ewropew u għall-Ewropa. Il-finalisti kollha jistħoqqilhom rikonoxximent. Lilkom ikoll li tafu li l-ewwel paġna saret l-ewwel linja tal-front: aħna grati lejkom u ninsabu maġenkom. 
 
Grazzi talli żammejtu ħajja l-memorja ta’ dawn il-persuni b’tant dinjità. Għal Daphne, għal Ján u Martina, għal Anna, u għall-oħrajn kollha, se nkomplu mexjin ’il quddiem. 
 
Grazzi.