Hi u tindirizza Sessjoni speċjali bejn l-UAE u l-UE fil-Kunsill Nazzjonali Federali tal-Emirati Għarab Magħquda, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Emirati Għarab Magħquda huma sieħeb ewlieni għall-Ewropa fil-ħidma biex jitnaqqsu t-tensjonijiet reġjonali, it-tensjoni u biex tinstab triq lejn il-fehim, il-paċi, il-prosperità, is-sigurtà u l-kummerċ.
Eċċellenza Tiegħek, Onorevoli President, Eċċellenzi Tagħkom, Onorevoli Membri tal-Kunsill Nazzjonali Federali, Mistednin distinti, Sinjuri,
Huwa unur għalija li ninsab hawn magħkom illum f’Abu Dhabi, belt straordinarja. Huwa importanti għalija li nżomm l-istedina tiegħi biex inkun hawn illum anki f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza. Huwa wkoll privileġġ kbir li nindirizza l-Kunsill Nazzjonali Federali tal-Emirati Għarab Magħquda. Jien konxja tal-fatt li jien l-ewwel President tal-Parlament Ewropew li ninsab hawn, u l-istituzzjoni li mmexxi jien hija grata immens għal dan il-mument. Jirrappreżenta tragward fid-diplomazija parlamentari u fir-relazzjonijiet tagħna li lħaqt b’umiltà u b’sens qawwi ta’ responsabbiltà.
Fil-laqgħat li kellna dalgħodu, l-Eċċellenzi Tagħkom għamlu punt importanti. Aħna żewġ reġjuni, iżda f’din id-dinja, id-distinzjoni qed issir dejjem anqas. Dak li jolqot lilkom, jolqot lilna u bil-maqlub. Hemm bżonn li nżommu d-djalogu għaddej.
Ninsab hawn f’isem il-popolazzjoni tal-Ewropa, iżda l-preżenza tiegħi tfisser ħafna għalija personalment. Għax jekk tħożżu linja dritt eżatt fiċ-ċentru tal-Mediterran, mit-Tramuntana san-Nofsinhar, u oħra mil-Lvant sal-Punent, se ssibu dari proprju fil-punt fejn dawn jiltaqgħu, f’Malta. Gżira li tinsab f’punt fejn jiltaqgħu tliet kontinenti – u l-ġeografija tagħna sawret l-istorja tagħna.
Hija storja li tistgħu tarawha fit-toroq dojoq tal-bliet tagħna. Tistgħu tarawha mnaqqxa fil-ġebla tal-bini tagħna. U tistgħu tisimgħuha fi lsienna, il-Malti, mibni fuq mudelli u għeruq Għarab. “As-salamu alaykum”, bil-Malti ngħidu: insellimkom. Dan kuljum ifakkarna li l-istejjer tagħna ilhom minsuġin ma’ xulxin u li t-tfittxija tal-paċi tinsab fil-qalba tal-popli tagħna.
Għaldaqstant, ippermettuli nindirizza l-gratitudni tiegħi lill-Emirati Għarab Maqgħuda, lill-Altezza Tiegħu x-Xejikk, il-President Mohamed bin Zayed Al Nahyan, lill-Eċċellenza Tiegħek il-President Saqr Ghobash, u lilkom kollha, Onorevoli Membri, talli lqajtuni fil-pajjiż tant sabiħ tagħkom.
Jien u nirrappreżenta Unjoni u suq uniku ta’ 450 miljun ċittadin Ewropew, inġib miegħi llum sens ta’ tama u ottimiżmu li dan il-mument se jikteb kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet tagħna. Sħubija mġedda li hija ankrata fil-paċi, fil-prosperità u fi sħubija orjentata lejn il-futur. Sħubija li ssib l-armonija bejn it-tradizzjoni u l-progress, li tirrispetta l-imgħoddi tagħna, iżda li tħares b’mod deċiż lejn il-ġejjieni.
Għeżież ħbieb,
Illum nixtieq inkellimkom dwar il-paċi u l-prosperità, dwar is-sigurtà u l-kummerċ. Ix-xenarju tas-sigurtà qiegħed jinbidel ma’ kull jum li jgħaddi. Ftit huma l-mumenti li jiftakar il-bniedem meta d-dinja nħasset tant imprevedibbli. Naraw x’qiegħed jiġri f’Gaża, f’Iżrael, fil-Jemen, fil-Baħar l-Aħmar, fl-Ukrajna u fl-Iran. Id-destin ried li aħna l-ġenerazzjoni ta’ mexxejja u ta’ persuni li jfasslu l-politiki li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ dinja li spiss wisq tinħass li saret ħuġġieġa. U spallejna jridu jkunu wesgħin biżżejjed għall-kobor tal-isfidi li għandna quddiemna u li qed nħabbtu wiċċna magħhom. Dwar il-mod kif nistgħu nżommu lin-nies tagħna fis-sigurtà. Dwar il-mod kif nistgħu nsibu dik it-triq lejn il-paċi u kif nistgħu negħlbu l-estremiżmu. Dwar dak li lkoll kemm aħna jeħtiġilna nagħmlu biex insibu soluzzjonijiet li tant ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ma rnexxilhomx isibu. Dwar il-mod kif niddefendu l-umanità komuni tagħna. Dwar il-mod kif nistgħu noffru t-tama, it-tama lin-nies tagħna u lid-dinja tagħna lkoll. Dan huwa l-uniku mod kif negħlbu d-disprament u l-impotenza li jħossu n-nies.
Il-mixja mhijiex waħda faċli iżda hija t-triq li jeħtiġilna nimxu fiha flimkien. Huwa dak l-ispirtu tad-deċiżjonijiet kuraġġużi li jeħtieġ li nkebbsu mill-ġdid. Dak l-ispirtu li bih rajna lil dan in-nazzjon kbir isir parti mill-alleanza globali tagħna ta’ 160 parlament, impenjati b’mod kostruttiv fi sforzi diplomatiċi u b’kuxjenza umanitarja meta l-Ukrajna ġiet attakkata.
Il-paċi hija fraġli. Qatt ma kienet faċli. Dan jgħodd fil-Lvant Nofsani fejn is-sitwazzjoni għadha inkwetanti ferm għalina lkoll. L-Unjoni Ewropea hija impenjata favur il-paċi. Għalhekk se nkomplu ninsistu biex ikun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaża u biex l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk li tant għandhom bżonnha biex ma jibqgħux ibatu. Se nkomplu ninsistu biex l-ostaġġi jmorru lura f’darhom u biex jieqaf it-terrur. U dan kollu se nkomplu nagħmluh aħna u nappoġġjaw soluzzjoni ta’ żewġ Stati. Għaliex huwa biss jekk tiġi garantita s-sigurtà lil Iżrael u tiġi offruta prospettiva kredibbli għall-mexxejja Palestinjani leġittimi u paċifiċi, li nistgħu fl-aħħar nimxu f’dik it-triq lejn paċi sostenibbli u dejjiema.
L-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Abram kien pass kuraġġuż li ħadtu hawn. Kien pass li ispira t-tama. Kien orjentat lejn il-futur u mimli kuraġġ. Kien ifisser normalizzazzjoni u u prosperità. Biddel il-kors tal-istorja. Huwa dak it-tip ta’ spirtu li hemm bżonn naraw aktar minnu.
Għax kemm-il darba l-istorja għallmitna li meta d-dinja tinħass daqslikieku saret ħuġġieġa, mhux biżżejjed li trażżan il-fjammi. Hemm bżonn li nitfuhom. Il-kollaborazzjoni, f’dan ir-rigward, tista’ tgħinna naslu. U fuq dan il-punt, l-ewwel Summit UE-GCC li kkonvokajna s-sena l-oħra kien tassew żvolta ta’ vera.
Il-paċi ma tistax tinkiseb f’iżolament. Tirrikjedi l-fiduċja, il-kooperazzjoni u responsabbiltà kondiviża. Anki meta hija diffiċli – speċjalment meta hija diffiċli. L-Emirati Għarab Magħquda dan jafuh sew, kif tafu l-Ewropa.
Dak li qiegħed jiġri bejn Iżrael u l-Iran f’dawn l-aħħar jiem, u l-effetti konsegwenzjali potenzjali tiegħu, huwa test kruċjali għalina lkoll. Id-dinja tifhem li l-Iran qatt ma jista’ jitħalla jkollu bomba nukleari. Hija theddida għar-reġjun, għalina wkoll, għad-dinja. Huwa essenzjali li t-tensjonijiet jittaffew u li jkun hemm mitigazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni. Jeħtiġilna nużaw l-isforzi diplomatiċi kollha, l-ebda wieħed eskluż. Ir-rwoli individwali u kollettivi tagħna qatt ma kienu aktar importanti.
Il-pass li jmiss li se jieħu r-reġim tal-Iran se jiddetermina l-futur tiegħu. Teżisti triq lejn il-paċi. Wasal il-mument li naqbduha din it-triq, mhuwiex il-mument li t-tensjonijiet jiħraxu.
L-istess jgħodd għat-theddid għas-sigurtà fir-rotot marittimi tagħna. Niftakar li ġurnata waħda biss qabel ma ġejt eletta President tal-Parlament Ewropew, il-Houthi fetħu attakk terroristiku hawn, fl-Emirati Għarab Magħquda. Kien att deplorevoli u ħalla riperkussjonijiet. L-Unjoni Ewropea kkundannat l-attakk, imponiet sanzjonijiet u embargo fuq l-armi mmirat, bi qbil mad-dritt internazzjonali, u s-sena l-oħra varajna l-operazzjoni EUNAVFOR Aspides biex inħarsu r-rotot ta’ navigazzjoni vitali u nipproteġu r-rotot tal-kummerċ dinji.
Għax meta s-sigurtà ekonomika tiġi mhedda mit-terroriżmu, meta l-ktajjen ta’ provvista kritiċi jinsabu f’riskju, il-problema ma jkollhiex biss dimensjoni reġjonali: tkun prijorità strateġika komuni.
L-istess loġika tirfed l-approċċ tagħna biex insaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna. L-Unjoni Ewropea hija t-tieni sieħba kummerċjali globali l-aktar importanti tal-Emirati Għarab Magħquda. L-investimenti reċiproċi tagħna jammontaw għal EUR 328 biljun. L-Ewropa hija, b’mod kostanti, l-akbar sors ta’ turiżmu internazzjonali għal dan il-pajjiż. Is-sħubija tagħna diġà hija sħubija bejn in-nies, li se jkomplu jemmnu fiha jekk isiru investimenti bilaterali aktar b’saħħithom.
L-Ewropa toffri kuntest favorevoli għan-negozju. Qegħdin nagħmlu l-affarijiet aktar faċli, aktar razzjonalizzati u semplifikati. Se nerġgħu nirriflettu dwar dawk l-oqsma li fihom għaġġilna żżejjed u morna wisq ’il bogħod. Il-bidu ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija Strateġika u Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa pass importanti f’din id-direzzjoni, u l-Parlament Ewropew sinċerament jilqgħu dan il-pass. L-għan tagħna hawn huwa li noħolqu kuntest għan-negozju li jkun miftuħ, stabbli u bbażat fuq ir-regoli. B’hekk nistimolaw l-innovazzjoni, noħolqu aktar impjiegi u, fl-aħħar mill-aħħar, nikbru b’mod li jibqa’ validu fil-futur u nrawmu t-tama.
Jien omm ta’ erba’ subien li ġejja min-Nofsinhar nett tal-Ewropa. M’iniex waħda li nieħu gost nara lill-politiċi Ewropej ikellmu lill-bqija tad-dinja b’sens ta’ moraliżmu. U nirrikonoxxi li stajna tajna din l-impressjoni xi kultant. Dan il-Parlament Ewropew il-ġdid huwa ddeterminat li jagħmel aħjar, isib bażi komuni li tkun ta’ ġid għalina lkoll. Għax l-affarijiet li jgħaqqduna huma ferm aktar minn dawk li jifirduna.
L-Emirati Għarab Magħquda huma pajjiż li dejjem iħares lejn il-futur, li ma jibżax ikollu rwol akbar x’jiżvolġi fuq livell dinji. F’dan ir-rigward, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Komprensiv iffirmat mal-Ukrajna huwa l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip fir-reġjun tal-Golf, huwa Ftehim storiku. Jirrappreżenta eżempju qawwi ta’ kif is-solidarjetà u s-sħubija jistgħu jiżblukkaw l-opportunitajiet fuq iż-żewġ naħat. Dik il-mentalità nikkondividuha totalment u hija komuni għalina.
Ejjew nagħtu ħarsa lejn l-edukazzjoni pereżempju. Kull sena, aktar studenti Emiratjani jagħżlu li jistudjaw barra minn pajjiżhom u fl-Ewropa. Fl-istess ħin, pajjiżkom qiegħed jattira, b’ritmu mgħaġġel, studenti mid-dinja kollha. Minn fost il-192,000 ċittadin Ewropew li jgħixu f’pajjiżkom, l-ogħla konċentrazzjoni ta’ ċittadini tal-UE fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-Lvant Nofsani, 28,000 huma studenti. F’idejna għandna tassew opportunità: dik li nsaħħu l-mobbiltà edukattiva u li nkattru l-iskambji ta’ ideat u ta’ kulturi bejn in-nies tagħna.
Wara kollox, il-kooperazzjoni ekonomika sinifikattiva tista’ twassalna biss sa ċertu punt jekk ma jkunx hemm ukoll rabtiet interpersonali sodi. U naħseb li aħna u nimxu fin-negozjati, din hi xi ħaġa li jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna.
L-istess spirtu japplika għall-ħidma tagħna fuq l-importanza tar-relazzjonijiet bilaterali. Jiena grata lil dan il-Kunsill talli laqa’ tliet delegazzjonijiet parlamentari tagħna f’dawn l-aħħar xhur biex jiddiskutu dwar dawn l-iżviluppi. Dan kien pass sinifikattiv lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħna u nittama li nkunu nistgħu nibnu fuqu.
Għeżież ħbieb, Eċċellenzi,
Illum nixtieq nagħlaq kif bdejt, b’sens ta’ tama u ta’ ottimiżmu.
Is-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Emirati Għarab Maqgħuda qatt ma kienet daqshekk importanti. Diġà għandna pedamenti sodi u inċentivi konvinċenti għall-kollaborazzjoni. B’rieda tajba u komprensjoni, naf li nistgħu niżviluppawha saħansitra aktar.
Dan hu l-bidu ta’ era ġdida. Era ta’ paċi, ta’ żvilupp u ta’ progress. It-tiġdid ta’ ħbiberija vera u dejjiema bejn l-Ewropa u l-Emirati.
Grazzi. Shukran. Insellmilkom.