Il-President Metsola tħabbar l-ewwel ħatriet fl-Ordni Ewropew tal-Mertu  

 

Il-President Metsola tħabbar l-ewwel ħatriet fl-Ordni Ewropew tal-Mertu  

Strasburgu  
 
 

Matul is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-President Metsola ħabbret l-ewwel ħatriet fl-Ordni Ewropew tal-Mertu. Fid-diskors tagħha, qalet li l-kisbiet straordinarji ta’ dawn l-Ewropej ifakkruna li nies minn kull qasam tal-ħajja jistgħu jibnu l-Ewropa kuljum.

       

Għall-ewwel darba, l-Ewropa se tonora liċ-ċittadini Ewropej straordinarji bl-Ordni Ewropew tal-Mertu. 

L-Ewropa minn dejjem inbniet minn nisa u rġiel straordinarji ġejjin minn kull faxxa tas-soċjetà li kellhom il-kuraġġ jissuperaw il-passat turbolenti tagħna. Naqqsu d-distakki, ħattew l-ostakli, waqqgħu d-dittaturi u għelbu l-kriżijiet biex jagħmlu differenza fil-kontinent tagħna u jibnu futur aħjar. 

Dan l-impenn biex tinbena l-Ewropa jistħoqqlu li jiġi ċċelebrat. Għalhekk dan il-Parlament stabbilixxa l-Ordni Ewropew tal-Mertu: biex jonora lil dawk li mhux biss emmnu fl-Ewropa, iżda għenu biex tinbena, mis-soċjetà ċivili u mid-dinja akkademika, sal-politiċi, il-viżjonarji mill-qasam tal-arti, tal-kultura u tal-mużika, sal-attivisti umanitarji tagħna. 

Nixtieq nirringrazzja lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern u lill-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali talli ressqu proposti għall-ħatra. Nirringrazzja wkoll lill-membri tal-kumitat ta’ selezzjoni għall-valutazzjoni bir-reqqa tagħhom ta’ lista ta’ kandidati eċċellenti. Flimkien, il-persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza jirrappreżentaw id-diversità straordinarja ta’ eċċellenza u impenn li tmexxi ’l quddiem l-Unjoni tagħna u tippromwovi l-valuri tagħna fid-dinja kollha. 

Huwa issa unur tiegħi nippreżenta l-ħatriet inawgurali fl-Ordni Ewropew tal-Mertu f’ordni onorifiku krexxenti.

Dawk maħtura Membri tal-Ordni huma:
•    il-kok u l-fundatur tal-NGO World Central Kitchen José Ramón Andrés Puerta
•    iċ-champion tal-basketball Giannis Antetokounmpo
•    il-Professur emeritu Marc Gjidara
•    ix-xjenzjata u d-diriġent akkademiku Sandra Lejniece
•    l-avukat għad-drittijiet tal-bniedem u l-mexxejja ta’ soċjetà ċivili Oleksandra Matviichuk
•    l-ex Membru tal-Parlament Ewropew u l-ex Viċi President tal-Kummissjoni Viviane Reding
•    Paul David Hewson, magħruf bħala Bono, flimkien ma’ Adam Charles Clayton, David Howell Evans u Laurence Joseph Mullen Junior, mużiċisti u attivisti umanitarji magħrufa kollettivament bħala U2

Dawk maħtura Membri Onorevoli tal-Ordni huma:
•    l-ex President tal-Litwanja Valdas Adamkus
•    l-ex President tal-Parlament Ewropew u l-ex Prim Ministru tal-Polonja Jerzy Buzek
•    l-ex President tal-Portugall Aníbal Cavaco Silva
•    l-ex President tal-Finlandja Sauli Niinistö
•    il-Kardinal u s-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede Pietro Parolin
•    l-ex President tal-Irlanda Mary Robinson
•    il-President tar-Repubblika tal-Moldova Maia Sandu
•    l-ex Kanċillier Federali tal-Awstrija Wolfgang Schüssel
•    l-ex Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-ex Rappreżentant Għoli tal-UE Javier Solana y de Madariaga
•    l-ex President of tal-Bank Ċentrali Ewropew Jean-Claude Trichet

Dawk maħtura Membri Illustri tal-Ordni huma:
•    l-ex Kanċillier Federali tal-Ġermanja Angela Merkel
•    l-ex President tar-Repubblika tal-Polonja Lech Wałęsa
•    il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy

Il-kisbiet straordinarji ta’ dawn il-persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza jfakkruna li kull persuna, ikun xi jkun ir-rwol tagħha fis-soċjetà, tista’ tagħmel differenza fl-Ewropa: issawwar l-Unjoni tagħna, tiddefendi l-valuri tagħna u tibni futur aħjar għall-Ewropej.  

Iċ-ċerimonja tal-għoti se ssir matul is-sessjoni parzjali tagħna ta’ Mejju u nafda fikom kollha biex tingħaqdu miegħi ħalli nonoraw lill-persuni magħżula tal-Ewropa. 

Nistedinkom issa tqumu bilwieqfa għall-innu Ewropew eżegwit mill-membri tal-Orkestra taż-Żgħażagħ Ewropea.