Il-President Metsola tingħata d-Dottorat Honoris Causa f’Łódź, il-Polonja  

 

Il-President Metsola tingħata d-Dottorat Honoris Causa f’Łódź, il-Polonja  

Łódź  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet id-Dottorat Honoris Causa mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Łódź. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li dan l-unur jagħti r-responsabbiltà li wieħed jibqa’ jaħdem kuljum b’kuraġġ u determinazzjoni għal Ewropa li tiddefendi l-valuri tal-paċi, id-demokrazija u l-libertà.

       

Diskors ta’ aċċettazzjoni tal-Premju tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola
Ċerimonja ta’ Dottorat Honoris Causa, Università tat-Teknoloġija ta’ Łódź
 
Għażiż Rettur,
Onorevoli Membri tas-Senat,
Onorevoli Membri tal-Parlament u tal-Parlament Ewropew,
Rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi u lokali,
Mistidnin distinti,
                                                                          
Grazzi. Dziękuję.
 
Huwa tassew unur kbir għalija li nirċievi dan id-dottorat onorarju mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Łódź, università li nħolqot mill-passat industrijali ta’ din il-belt kbira, li llum hija mutur tal-futur tal-Ewropa. Grazzi talli qegħdin hawn nhar ta’ Ġimgħa, fil-jum li fih tiċċelebraw l-istaġun tas-sajf, u li nzerta jum wara vaganza.
 
Il-belt ta’ Łódź għexet l-aktar żminijiet mudlama tal-istorja tagħna u rnexxielha tirkupra. Din hija belt li reġgħet qamet fuq saqajha, fejn il-fabbriki reġgħu fetħu u fejn reġgħet feġġet it-tama. Storja simili ħafna għall-istorja tal-Ewropa stess.
 
L-Ewropa tagħna nbniet minn nies li rrifjutaw li jaċċettaw l-istatus quo u minflok sabu l-kuraġġ jimmaġinaw il-potenzjal tal-futur. Minn ġganti li rnexxielhom jiksru ċ-ċiklu tal-istorja u jiksbu l-paċi u l-prosperità mill-irmied tal-gwerra. Dawn huma n-nies li, f’kull mument deċiżiv, għażlu l-perkors ikkumplikat, it-triq diffiċli, l-għażla iebsa.
 
Persunaġġi famużi bħall-Papa Ġwanni Pawlu II, bħal Lech Wałęsa u l-eroj ta’ Solidarność, li wrew li l-kuraġġ u l-għaqda jistgħu jbiddlu d-direzzjoni tal-istorja. Li wrew li d-determinazzjoni u ċ-ċarezza morali jistgħu jegħlbu l-imperi.
Dawn huma l-Ewropej. Dawn huma l-personifikazzjoni tal-valuri tal-proġett tagħna. Ħallew dak il-wirt tal-Ewropa lilna lkoll, u jeħtieġ li nkunu denji ta’ dak l-unur.
 
Jiena qiegħda hawn bħala l-President tal-Parlament Ewropew, bħala membru tal-ġenerazzjoni ta’ politiċi Ewropej li qed jintalbu jmexxu f’dinja li spiss wisq tinħass li saret ħuġġieġa. U jeħtieġ li nkunu lesti nieħdu deċiżjonijiet ibsin.
 
Ħadd minna ma kien lest għal dak li ġara fl-24 ta’ Frar 2022.
 
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kienet attakk fuqna lkoll, fuq il-valuri tagħna, fuq il-kunċett tas-sovranità, tad-demokrazija u tal-libertà stess. Illum, l-Ukreni qed iżommu sod kontra l-ponn brutali u bla ħniena tat-tirannija. U t-taqbida tagħhom hija t-taqbida tagħna.
 
Il-Parlament Ewropew aġixxa malajr. Konna minn ta’ quddiem fir-rigward tal-appoġġ kritiku lill-Ukrajna fejn kellha bżonnu l-aktar. U qed inkomplu naħdmu, bla heda, favur paċi li tkun reali, ġusta u dejjiema.
 
Qed niffaċċjaw ukoll sfida ġdida fil-Lvant Nofsani, sfida li tfakkarna kemm il-paċi tista’ tkun fraġli. Is-sitwazzjoni hemmhekk hija inkwetanti ferm, kemm għar-reġjun kif ukoll għall-Ewropa.
 
Tlett ijiem ilu, ir-Re Abdullah II tal-Ġordan indirizza lill-Parlament Ewropew fi Strażburgu. Fakkarna li, “Jeħtiġilna nerġgħu nimpenjaw ruħna biex inħarsu l-valuri tagħna. Għax meta d-dinja titlef il-boxxla morali tagħha, is-sens komuni tagħna ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, ta’ x’inhu ġust u x’inhu krudili – meta jiġri hekk, il-kunflitt qatt ma jkun ’il bogħod.”
Id-dinja tifhem li l-Iran ma jistax ikollu bomba nukleari. Dik hija theddida mhux biss għar-reġjun, iżda għad-dinja. U b’dak kollu li rajna jseħħ f’Tel Aviv u f’Tehran fil-jiem li għaddew, u l-effetti konsegwenzjali potenzjali ta’ dak li seħħ, ir-rwol tal-Ewropa huwa aktar vitali minn qatt qabel hekk kif ninsistu biex it-tensjonijiet jittaffew u biex ikun hemm mitigazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni.
 
Huwa għalhekk li nibqgħu ninsistu li jkun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaża, fejn it-tbatija umana għadha ta’ qsim il-qalb. Għalhekk nibqgħu ninsistu biex l-ostaġġi jmorru lura f’darhom, biex it-terrur jintemm, biex l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk li għandhom bżonnha l-aktar, u biex il-mexxejja Palestinjani leġittimi jingħataw prospettiva u biex Iżrael jgħix fis-sigurtà.
 
Għalhekk, fil-jiem li ġejjin, se nżur l-Emirati Għarab Magħquda. Għax il-paċi tista’ tinbena biss permezz tal-fiduċja, tad-djalogu u tar-responsabbiltà kondiviża.  Għax, fl-aħħar mill-aħħar, huwa fi żminijiet diffiċli bħal dawn li n-nies jistennew ċarezza u sens ta’ tmexxija min-naħa tal-Ewropa.
 
Aħna nistgħu nkunu l-ġenerazzjoni ta’ politiċi li jiksru ċ-ċiklu tal-istorja u jsibu paċi reali u dejjiema. U l-Ewropa taf li l-aqwa triq biex dan iseħħ hija t-triq tat-tama. It-tama hija l-antidotu għad-disprament. Jien irrid li l-Ewropa tibqa’ mfakkra għal din ir-raġuni.
 
Għax l-Ewropa għandha l-forza li tbiddel il-ħajja tan-nies. Dik il-forza inizjalment ħassejtha għax trabbejt fuq gżira fin-Nofsinhar tal-Mediterran fejn l-Ewropa ma kinitx biss proġett politiku, iżda kienet essenzjalment wegħda. Wegħda li l-fruntieri jistgħu jinfetħu, li l-opportunitajiet jistgħu jikbru, li tfajla jista’ jkollha vuċi fit-tiswir ta’ xi ħaġa akbar minnha. U kienet dik il-konvinzjoni li ressqitni l-ewwel lejn il-politika. U għadha miegħi sal-ġurnata tal-lum.
 
 
Fil-Polonja wkoll tafu x’inhi dik il-forza. Kif l-Ewropa toħloq l-opportunitajiet, kif tipproteġi l-libertà. Għextuha, u temmnu fiha. Illum, il-Polonja mxiet ’il quddiem sew u saret waħda mill-akbar stejjer ta’ suċċess tal-Ewropa: demokrazija dinamika, ekonomija għanja u leħen ewlieni mal-mejda Ewropea.
 
U rrid nirringrazzjakom għat-tmexxija tagħkom matul il-Presidenza b’rotazzjoni ta’ kull sitt xhur tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se tasal fi tmiemha ftit jiem oħra. Urejtu li l-Ewropa tista’ tkun sieħba fin-negozju, li tista’ tagħmel il-ħajja aktar faċli għan-nies li taqdi, li tista’ tiddefendi l-valuri tagħha, speċjalment meta jkunu mhedda.
 
Iżda ejjew inkunu onesti: madwar l-Unjoni tagħna, in-nies huma inkwetati. Iħossu li leħinhom mhux qed jinstema’. Li l-bidliet isiru bil-mod wisq. Li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu wisq ’il bogħod minnhom.
 
Jeħtiġilna nisimgħu, u jeħtiġilna nuru li l-Ewropa kapaċi tikseb ir-riżultati. Mhux biss dakinhar tal-elezzjoni iżda kuljum. Li l-Ewropa mhijiex Brussell jew Strażburgu. Hija ċ-ċittadini tagħha: l-istudenti, il-familji, il-ħaddiema u l-imprendituri fi bliet bħal Łódź.
 
Il-Polonja minn dejjem kienet art ta’ imprenditorija u innovazzjoni. Marie Skłodowska-Curie, li għadha l-unika persuna li rebħet il-Premju Nobel f’żewġ oqsma xjentifiċi, kienet waħda minnkom. U dak l-istess spirtu ta’ skoperta narah hawnhekk: fis-swali tal-lekċers tagħkom, fil-laboratorji tagħkom u fl-istart-ups tagħkom.
 
Iżda madwar l-Ewropa, wisq mill-aħjar imħuħ u mill-aktar persuni intelliġenti tagħna qed jitilqu, għax jaraw opportunitajiet aħjar bnadi oħra.
 
Kif semmejtu, jiena omm ta’ erba’ subien. Sagħtejn ilu biss, it-tifel il-kbir kellu l-eżami tal-“Matura” tal-kimika. Irid isir inġinier. Imma l-ewwel irid jgħaddi mill-eżamijiet. Nixtieq li l-futur tiegħu jkun fl-Ewropa. Li jikber hawnhekk. Li jibni hawnhekk. Li jiskopri, kif tagħmlu intom ilkoll. Konvinta li l-ġenituri tagħkom, tal-istudenti kollha li qegħdin hawn, iridu l-istess ħaġa għalikom.
 
Ir-rivoluzzjoni industrijali li jmiss diġà waslet. Jekk irridu nkunu minn ta’ quddiem fl-intelliġenza artifiċjali, f’dinja ddominata mill-intelliġenza artifiċjali, fit-teknoloġija nadifa u fil-bijoteknoloġija, jeħtieġ li naġixxu issa. Dan ifisser li l-Ewropa ssir aktar attraenti għall-investituri, li nnaqqsu l-burokrazija u li nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tagħna, speċjalment f’setturi bħall-enerġija u d-difiża.
 
Iżda, fuq kollox, dan kollu jfisser li ninvestu fin-nies. Għax il-vera forza tal-Ewropa mhijiex dak li nagħmlu. Hija dak li nafu.
 
Id-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet, speċjalment fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-manifattura u tal-enerġija, qed tiżdied malajr. Dawn l-industriji m’għandhomx bżonn biss il-ħaddiema, għandhom bżonn għarfien espert tekniku kbir.
 
L-università tagħkom dan tafu sew. Qed tħarrġu l-inġiniera, ix-xjenzjati u l-periti tal-Ewropa tal-ġejjieni. Qed issawru l-mexxejja li se jmexxu l-kontinent tagħna ’l quddiem.
 
Irrid nara Ewropa fejn l-ideat li jinbtu hawnhekk f’Łódź jikbru fil-unicorns tal-ġejjieni. Fejn it-teħid ta’ riskji huwa parti mill-kultura. Fejn il-falliment ma jkunx it-tmiem, iżda l-bidu ta’ xi ħaġa ġdida. Ewropa mibnija fuq is-sempliċità u l-opportunità.
 
Iżda dik l-Ewropa ma nistgħux nibnuha mingħajr sigurtà. Mingħajr il-paċi ma jistax ikun hemm prosperità.
 
Bis-saħħa tal-Polonja li wittiet it-triq, l-infiq għad-difiża issa żdied f’kull Stat Membru. U fis-summit tan-NATO li se jsir ftit jiem oħra biss, il-ġimgħa d-dieħla, l-Alleati mistennijin jiftiehmu dwar objettiv ġdid ta’ nfiq ta’ 5% tal-PDG. Dan ifisser ħafna, speċjalment għal pajjiż bħall-Polonja, li jinsab fil-fruntiera esterna tan-NATO.
 
Naraw Ewropa li, b’dawn l-isfidi kollha quddiemha, qed iżżomm sod, fiduċjuża fil-forza tagħha. Ewropa li tiddefendi l-valuri li l-Unjoni tagħna nbniet fuqhom: il-libertà, id-dinjità u l-ekwità.
 
Xogħol dawk kollha li jaqdu dmirhom fil-ħajja pubblika huwa li juru li dawk il-valuri mhumiex biss kliem mill-passat tagħna, iżda huma wegħdiet għall-ġejjieni. Biex nuru li l-futur jista’ jkun aħjar mill-preżent.
 
Għamilt referenza għad-diskors li għamel din il-ġimgħa r-Re Abdullah lill-Parlament Ewropew. Se mmur lura għall-1988 u nagħmel referenza għal dak li l-Papa Ġwanni Pawlu II qal lill-Parlament Ewropew, jiġifieri li n-nisa u l-irġiel fil-Kamra kienu “l-aqwa salvagwardja tal-identità, tal-libertà u tal-progress tal-Ewropa.” Dak huwa l-wirt li se nħallu. Dik hi r-responsabbiltà tagħna. Dak hu l-istandard li rridu nkomplu nilħqu.
 
Mill-fabbriki ta’ Łódź għat-tarzni ta’ Gdańsk. Mill-iskoperti ta’ Madame Skłodowska-Curie għart-rebħa tad-demokrazija fil-Polonja, urejtu x’inhuwa possibbli meta n-nies jemmnu f’xi ħaġa akbar minnhom infushom.
 
Huwa dak l-ispirtu li l-Ewropa għandha bżonn illum. Dik it-tama biex temmen mill-ġdid. Il-forza li timmaġina mill-ġdid. Il-kuraġġ li tifhem il-qawwa tat-tliet kelmiet li sawru lill-ġenerazzjoni tiegħi:  “Nie lękajcie się.” – La tibżax.
 
Dik hi l-Ewropa tagħna.
 
Dziękuję bardzo.