Hi u tindirizza l-Forum Europa fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li issa huwa ż-żmien li nqabblu t-tama mad-determinazzjoni, li nuru li l-Ewropa għadha tisma’, li għadha taħdem, u għadha twettaq, u li l-wegħda tal-Unjoni tagħna - tal-libertà, tad-dinjità, tal-ġustizzja - mhijiex xi ħaġa tal-passat, iżda impenn għall-futur.
Grazzi ħafna Viċi President, għażiż Javi. Nirringrazzjak tal-impenn tiegħek. Inti vuċi b’saħħitha u rispettata ferm fil-Parlament Ewropew u jien kburija ħafna li qed naqsam dan il-palk miegħek illum.
President tan-New Economy Forum, José Luis Rodríguez, Mistednin distinti, Għeżież Membri tal-Parlament Ewropew, Għeżież ħbieb,
Bonġu.
Huwa pjaċir tiegħi li erġajt magħkom hawn. Nirringrazzja lin-New Economy Forum talli organizza dawn l-avvenimenti, talli offra pjattaforma li tqarreb lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini li nirrappreżentaw, u dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-missjoni tal-Parlament Ewropew.
Meta tkellimna s-sena l-oħra l-elezzjonijiet Ewropej kienu qed joqorbu ġmielhom. Ftit tax-xhur wara, miljuni ta’ ċittadini Ewropej fl-Unjoni kollha tagħna kienu marru jivvutaw fl-akbar eżerċizzju demokratiku multinazzjonali li d-dinja kienet qatt rat.
F’dak ix-xahar ta’ Ġunju, il-votanti bagħtulna messaġġ ċar immens dwar it-tip ta’ Ewropa li jridu jaraw. Messaġġ li ġie mtenni nhar il-Ħadd li għadda, meta ħafna ċittadini fl-Ewropa marru jivvutaw.
In-nies għadhom jemmnu fl-Ewropa. Jemmnu f’dak li tirrappreżenta. Raw kif l-Ewropa tbiddillhom ħajjithom, kif tiddefendi l-libertajiet, kif toħloq l-opportunitajiet u toffri protezzjoni.
Iżda fl-istess ħin ħafna jħossu li l-wegħda tal-Ewropa qed titbiegħed dejjem aktar. Wisq nies qed iħossuhom li tħallew lura. Wisq nies qed jitħabtu biex jaslu sal-aħħar tax-xahar. Wisq żgħażagħ ma jistgħux isibu xogħol u jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom jekk xi darba jkollhomx biex jixtru dar. Wisq impriżi huma mtaqqla mill-burokrazija u mill-prezzijiet li qed jogħlew.
U meta n-nies iħossu li s-sistema mhijiex qed taħdem għalihom, dan rajnieh kemm-il darba, jibdew jitilfu l-fiduċja. F’dan il-punt tibda tinħass id-diżillużjoni.
Fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda bżajna li ċ-ċentru politiku ma kienx se jżomm sod, u lkoll flimkien ħadna r-ruħ meta rajna li żamm, għad li bilkemm. Iżda naħseb li ma nkunux għaqlin jekk ninjoraw dawn is-sireni. U dan ilna żmien narawh quddiem għajnejna. Kien messaġġ kemm ta’ urġenza kif ukoll ta’ tama.
Issa, xogħolna hu li nisimgħu, inwieġbu u fuq kollox, niksbu r-riżultati.
Huwa ċar li n-nies mingħandna jistennew li nagħmlu aħjar. Iridu Ewropa li taħdem. Iridu Ewropa li tagħmlilhom ħajjithom aktar faċli, mhux aktar diffiċli. Iridu Ewropa li tkun eżempju f’dawk li huma impjiegi tajbin, opportunitajiet aħjar u possibbiltajiet reali li jinbena futur. Iridu Ewropa li tipproteġi l-fruntieri tagħna, il-valuri tagħna u d-djar tagħna. Iridu Ewropa li tieqaf ma’ niesha fi żminijiet ta’ kriżi, u quddiemna hemm ħafna minnhom.
Kont Spanja f’Ottubru li għadda meta seħħ l-għargħar tal-waħx u, dan l-aħħar, fi Brussell, xi nies li rnexxielhom jibqgħu ħajjin qasmu miegħi l-esperjenza terribbli tagħhom. F’dawk il-mumenti koroh, l-Ewropa kienet hemm. Ma tlifniex ħin. Dan il-Parlament ħa azzjoni mal-ewwel. U r-reazzjoni tagħna kienet deċiżiva, huma stess qaluli hekk. Għax uriet dak li kapaċi tagħmel l-Ewropa meta l-urġenza u l-għaqda jimxu id f’id.
Issa jeħtiġilna ma nitilfux dan ir-ritmu u niksbu riżultati mhux biss fi żminijiet ta’ kriżi iżda kuljum, għall-Ewropej kollha. B’liema mod se jirnexxilna?
Nemmen li jeħtiġilna nibnu Ewropa aktar intelliġenti, aktar b’saħħitha u aktar sigura.
Ewropa li tkun aktar intelliġenti tifhem li l-libertajiet u x-xbieki ta’ sikurezza soċjali tagħna jiddependu mill-kompetittività ekonomika tagħna. Hija Ewropa fejn l-istart-ups jistgħu jiżviluppaw mingħajr ma jsibu ostakli quddiemhom. Fejn l-innovazzjoni tkun imħeġġa u mhux fgata bir-regolamentazzjoni. Fejn inkunu minn ta’ quddiem nett fid-dinja f’dawk li huma teknoloġija nadifa u standards għoljin, mingħajr ma nissagrifikaw lill-bdiewa u lill-industriji tagħna.
Ewropa li tkun aktar b’saħħitha taf li waħedna, għandna ftit setgħa iżda flimkien, aħna forza li dak li jkun irid jagħti kasha. Ir-rivoluzzjoni industrijali li jmiss diġà għaddejja bħalissa. Jekk irridu nkunu minn ta’ quddiem nett fl-intelliġenza artifiċjali, fil-mediċini l-ġodda, fl-esplorazzjoni tal-ispazju u fl-innovazzjoni klimatika, jeħtiġilna nagħtu lill-inġiniera, lir-riċerkaturi u lill-imprendituri tagħna l-għodda biex jirnexxu.
Dak ifisser li sa fl-aħħar nikkompletaw l-Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti: hija okkażjoni mhux mistennija li l-Ewropa assolutament ma tistax titlef din id-darba.
Ifisser ukoll li għandna nespandu s-suq uniku tagħna f’setturi bħall-enerġija. Meta naraw li fl-Ewropa tagħna għandna ħafna “gżejjer tal-enerġija”. Meta nistgħu nkunu konnessi aħjar u ppreparati aħjar. Għandna nkunu kapaċi nagħmlu interkonnessjonijiet fil-grilji tal-enerġija tagħna b’mod aktar effikaċi. Dan għaliex aħna u nagħmlu hekk – u dan tgħallimnieh ftit tal-ġimgħat ilu, meta rajna x’ġara fil-peniżola Iberika – se nsaħħu s-sigurtà enerġetika tagħna u nbaxxu l-prezzijiet għall-familji u għall-impriżi. Dan jagħtina wkoll prevedibbiltà u jħeġġeġ lin-nies jinvestu.
Is-saħħa tfisser ukoll fiduċja fina nfusna fix-xena internazzjonali. L-Ewropa b’wiċċha minn quddiem dejjem iddefendiet il-kummerċ miftuħ, ġust u bbażat fuq ir-regoli u dak se jibqa’ l-boxxla li se tiggwidana. Iżda jekk tgħallimna xi ħaġa, anki b’mod pjuttost iebes, kienet li ma nistgħux ma nagħmlu xejn.
Din il-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iffirmaw ftehim ġdid li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-kummerċ, fid-difiża u fis-sajd. Armonizzajna standards tal-ikel fundamentali. Aġevolajna l-kummerċ fil-prodotti agroalimentari u tas-sajd. Iffirmajna ftehim dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ li lil dawn tal-aħħar se jagħmilhielhom aktar faċli li jistudjaw, jaħdmu u jgħixu barra minn pajjiżhom. U għaqqadna lill-UE mar-Renju Unit fil-programm ReArmEU tagħna għax Ewropa aktar sigura ma tistax teżisti jekk ir-Renju Unit ma jkunx magħna.
Dan il-progress hu reali, iżda issa jeħtiġilna nuru l-istess ambizzjoni mal-Kanada, u mal-Istati Uniti. Ejjew nitkellmu ċar, ma teżisti l-ebda alleanza akbar fl-istorja tad-dinja moderna, li sawret tant u tant ħajjiet u ħolqot tant u tant prosperità, mill-alleanza tagħna mal-Istati Uniti. Jeħtiġilna nkomplu nibnuha u nsaħħuha, filwaqt li, sintendi, inkunu lesti għal kwalunkwe xenarju. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tagħna jrid ikun ftehim komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. B’hekk noħolqu l-prosperità u nsaħħu s-sigurtà tagħna.
U jeħtiġilna niddefendu l-valuri tagħna b’mod ċar. Niftakar meta ltqajt mal-mibki Papa Franġisku: raġel ta’ prinċipju, ta’ umiltà u ta’ konvinzjoni. Li kont nammira l-aktar kien il-mod kif kien jitkellem – b’vuċi qawwija, ċara u bla tlaqliq – għal dawk li ma kellhomx vuċi. Dik iċ-ċarezza erġajt rajtha dan l-aħħar fl-ewwel laqgħa qasira li kelli mal-Papa Ljun XIV. L-Ewropa wkoll jeħtiġilha titkellem b’kuraġġ morali, speċjalment quddiem l-inġustizzja u t-tbatija.
Issa, naturalment, mingħajr is-sigurtà ma jista’ jkun hemm xejn aktar. Ewropa aktar sigura tfisser li nieħdu rajna f’idejna. Ilna wisq niddependu minn ħaddieħor biex jipproteġina. Il-gwerra brutali tar-Russja fl-Ukrajna wriet b’mod ċar li dak iż-żmien għadda. Illum, kull Stat Membru jifhem li l-Ewropa jeħtiġilha terfa’ r-responsabbiltà tad-difiża tagħha. U dak ifisser ukoll li nqawwu l-appoġġ tagħna għall-Ukrajna kif ukoll l-isforzi tagħna favur il-paċi, paċi ġusta, reali u dejjiema.
Ewropa aktar intelliġenti, aktar b’saħħitha u aktar sigura. M’ilux staqsewni, “Din hija l-viżjoni tiegħek?” Weġibt, “Le, din mhijiex il-viżjoni tiegħi.” Għax Helmut Schmidt darba qal, “In-nies li jkollhom il-viżjonijiet imisshom imorru jaraw tabib.” Dan insejħulu pjan direzzjonali. Huwa b’dan il-mod li l-Ewropa tista’ terġa’ ssir attur f’livell dinji. Huwa b’dan il-mod li niksbu s-sigurtà, id-dinjità u l-opportunità li n-nies jistennew mingħandna. U huwa b’dan il-mod li nwieġbu lil dawk li jħossu li l-ħolma Ewropea qiegħda titbiegħed dejjem aktar,
għax emmnuni meta ngħidilkom li mhijiex. Dik il-ħolma naraha kuljum. Naraha fiż-żgħażagħ kollha li jfittxu l-ewwel xogħol tagħhom, fl-imprendituri li jibdew proġett ġdid, fil-ġenituri li jittamaw li wliedhom ikollhom ħajja aħjar milli kienet tagħhom.
Xogħolna, jiġifieri xogħol kull wieħed u waħda minna hawn, hu li d-determinazzjoni tkun tal-istess livell bħal dik it-tama. Biex nuru bil-provi li l-Ewropa għadha tisma’, għadha taħdem u għadha tikseb riżultati. U li l-wegħda tal-Unjoni tagħna – li hi wegħda ta’ libertà, ta’ dinjità u ta’ ekwità – mhijiex xi ħaġa tal-passat, li kienet teżisti iżda li ma għadhiex, imma l-impenn imġedded tagħna għall-futur.
U dak il-futur qiegħed jinbena minn dawk preżenti f’din is-sala: il-Membri tal-Parlament Ewropew li jaħdmu fid-distretti elettorali tagħhom biex iqarrbu l-Ewropa lejn iċ-ċittadini. Bħalma nagħmlu jien u Javi kuljum fil-Bureau, u bħall-kollegi kollha tiegħi, il-Membri preżenti hawn illum. Dak hu l-wirt li se nħallu, dik hi r-responsabbiltà tagħna. Jien se nerfagħha, huwa dmir tiegħi kull fejn immur.
Aktar tard matul il-ġurnata fil-Parlament Ewropew se nippreżentaw lill-President tal-Italja Mattarella liż-żgħażagħ kollha li jaħdmu fl-istituzzjonijiet. Illejla se naqbad ajruplan għar-Rumanija biex niltaqa’ mal-President il-ġdid tal-pajjiż. U għada, se nattendi avveniment maż-żgħażagħ f’Timișoara. U b’dan il-mod nistgħu nuru, wiċċ imb wiċċ, li m’aħniex ’il bogħod, li nisimgħu, li nistgħu niksbu riżultati. U li dak li joħolmu bih mhuwiex se jibqa’ ħolm iżda se jsir realtà.
Ftit tax-xhur ilu kont qiegħda Madrid fejn kelli l-unur nirċievi l-premju Forum Europa. Dak il-premju ma kienx biss rikonoxximent, iżda responsabbiltà tal-Parlament Ewropew. Tfakkira li n-nies jistennew ir-riżultati, li l-fiduċja trid tinkiseb bil-mertu, mhux titqies fatta. U li l-futur tal-Ewropa se jissawwar mhux bid-dikjarazzjonijiet, iżda bir-riżultati.
Dik hi l-wegħda li qed inġeddu llum, fl-istituzzjoni tagħna: li niddefendu l-valuri li għaqqduna, li niġġieldu għall-futur li ċ-ċittadini tagħna jistħoqqilhom u li nibnu Ewropa li mhux biss tirreżisti, iżda li tkun ta’ ispirazzjoni.
Grazzi.