Ewropa aktar intelliġenti. Ewropa aktar b'saħħitha. Ewropa aktar Sikura.  

 

Ewropa aktar intelliġenti. Ewropa aktar b'saħħitha. Ewropa aktar Sikura.  

Brussell  
 
 

F’diskors ewlieni fl-avveniment “L-Ewropa f’salib it-toroq”, il-President tal-Parlament Metsola spjegat il-viżjoni tagħha għal Ewropa aktar intelliġenti, aktar b’saħħitha u aktar sigura.

       

Sinjuri, il-lejla t-tajba.
Fid-dawl tat-titlu tal-avveniment tal-lum, ippermettuli nibda b’sempliċi verità: iż-żmien tal-ipoteżijiet li l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq spiċċa. Dik il-fażi ilha li għaddiet. L-Ewropa sempliċement m’għadx għandha dak il-lussu. Triq waħda biss fadal: ’il quddiem u flimkien.
 
Kif wasalna f’dan l-istadju? Ma jista’ jkollna l-ebda diskussjoni u l-ebda dibattitu dwar id-direzzjoni futura tal-Ewropa mingħajr ma nifhmu sew il-messaġġi li bagħtulna l-votanti fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.
 
Seħħet bidla politika li wasslet lil numru kbir ta’ nies jivvutaw minħabba sens ta’ frustrazzjoni jew disprament. Il-messaġġ tagħhom kien ċar. Ħafna ħassew li tlabna wisq mingħandhom u tlabnieh malajr wisq. Li ma ġewx ikkunsidrati iżjed. Li l-vuċijiet tagħhom ma nstemgħux u li ma kinux apprezzati.
 
Il-Konferenza tagħna dwar il-Futur tal-Ewropa, li saret sentejn qabel l-elezzjoni, kienet evidenzjat il-ħtieġa ta’ riforma u ta’ bidla. Iżda din twarrbet u, kważi kważi, intesiet. L-estremisti u l-populisti sfruttaw in-nuqqas ta’ azzjoni u, minflok sfidajniehom, injorajniehom, u ssottovalutajna l-influwenza tagħhom.
 
Spiss wisq, il-messaġġi li bgħatna ġew interpretati bħala moraliżmu pjuttost milli bħala messaġġi li juru kif il-valuri tagħna jistgħu jsibu soluzzjonijiet biex il-ħajja tan-nies tittejjeb u ssir aktar ekwa. In-nies ma baqgħux jagħrfu t-tikketti ideoloġiċi faċli tax-xellug u tal-lemin li sabuhom imwaħħlin fuqhom. Raw il-burokrazija tagħmel il-ħsara lill-fiduċja tal-investituri u saħansitra, xi drabi, raw regolamentazzjoni adottata fuq terminu qasir u biss biex tattira l-attenzjoni, li nawret il-kompetittività tagħna.
 
Iċ-ċentru politiku żamm sod, iżda bilkemm, u, f’era ta’ iperpolarizzazzjoni, ma jkunx għaqli li ninjoraw dawn is-sireni jidwu. Jekk ninjorawhom, m’għandniex nistagħġbu meta naraw żieda drastika fl-għadd ta’ nies diżillużi, diżinteressati u diżaffezzjonati.
 
Dawn huma realtajiet li diffiċli naċċettawhom iżda naħseb li kien hemm bżonn li jingħadu.
 
Ir-responsabbiltà tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-kollegi tiegħi, hija li ninsisti sabiex ikun hemm bidla fil-mentalità u bidla fil-prijoritajiet. Li nqarreb lill-Ewropa lejn in-nies li nirrappreżentaw, li eleġġewna. Li nikkontrobatti n-narrattiva falza mxerrda minn dawk li jagħtu tweġibiet faċli għal mistoqsijiet estremament diffiċli.
 
Dik hi r-realtà. Ngħaddi issa għall-prospettiva aktar ottimistika: għadna biċ-ċans li s-sistema nsewwuha – li nfassluha u nimplimentawha mill-ġdid.
 
Aħna l-kontinent li biddel il-ħajja tan-nies.
 
Il-kontinent fejn, kif se naraw, ġganti bħal Konrad Adenauer u Charles de Gaulle, sabu l-kuraġġ biex ibiddlu d-dinja. Fejn Sophie Scholl, Simone Veil u Daphne Caruana Galizia rrifjutaw li jċedu.
 
Il-ġimgħa li għaddiet, miljuni ta’ nies fakkru 80 sena minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. Fi Franza, rajna lill-President Macron spalla ma’ spalla mal-Kanċillier Merz – tfakkira qawwija li anki fi żminijiet ta’ inċertezza, ir-rabta bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet għadha soda. Dan huwa importanti għall-Ewropa u għad-dinja għax
 
ifisser li l-wegħda tal-Ewropa għadha valida. Mhux b’kumbinazzjoni li l-popli ġirien tagħna li lit-tirannija qed jiqfulha u li niżlu fit-toroq jiġġieldu għal-libertà, qegħdin jagħmlu hekk bil-bandiera Ewropea f’idejhom. Jistennew appoġġ minnkom. Jistennew appoġġ minna.
 
Għax l-Ewropa għadha l-akbar proġett politiku fl-istorja. Għadha l-aqwa post fid-dinja fejn wieħed jgħix u jibda familja. U m’għandniex nuqqas ta’ kapaċità, ta’ talent, ta’ kapital, ta’ nies u ta’ innovaturi biex imexxu. U dan biex niġġeddu.
 
Aħna suq uniku ta’ 450 miljun ruħ.
 
Fejn Airbus, BMW u Mercedes biddlu l-mod kif fid-dinja n-nies imorru minn post għall-ieħor.
 
Fejn Louis Vuitton, Hermès u Gucci huma sinonimi tal-kwalità Ewropea.
 
Fejn Beckenbauer, Klinsmann, Deschamps u Zidane taw gost lin-nies u ispirawhom.
 
Fejn BNP, L’Oréal, Novo Nordisk u tant oħrajn kibru mix-xejn.
 
Fejn Rovio tatna Angry Birds u Mojang tatna Minecraft.
 
Fejn SAP, Spotify u Mistral kienu inventuri u innovaturi.
 
L-Ewropa hija l-post fejn twieldu u għexu l-kostrutturi, iċ-champions, min jieħu r-riskji u l-inventuri.
 
Għandna bżonn biss id-determinazzjoni – il-kuraġġ politiku – biex nuru li noffru kuntest favorevoli għan-negozju. Għall-ideat. Għal modi ġodda kif nindirizzaw problemi antiki. Huwa b’dan il-mod li nopponu ċ-ċiniżmu u li negħlbu lil dawk li huma determinati li jaraw lill-Ewropa tfalli.
 
In-nies ma jitolbux wisq mingħand l-Ewropa.
 
L-ewwel: iridu ċertezza ekonomika, jiġifieri jridu xogħol u jridu li n-negozju tagħhom jikber u jespandi. Iridu jkunu jistgħu jixtru proprjetà, ħaġa li qed issir iktar diffiċli sena wara sena.
 
It-tieni: iriduna nagħmlulhom ħajjithom aktar sempliċi, mhux aktar ikkumplikata. Iridu sistemi li jaħdmu. Sistemi li huma jifhmu.
 
U t-tielet: iridu protezzjoni u sigurtà. Biex uliedhom ikunu jistgħu jimxu fit-toroq bla periklu u bla biża’. Biex iserrħu rashom li nistgħu naqbżu għalina nfusna.
 
Ma naħsibx li qed jitolbu wisq: li nagħtuhom Ewropa li tkun aktar intelliġenti, aktar b’saħħitha u aktar sikura.
 
Ewropa aktar intelliġenti hija Ewropa li tirrikonoxxi li l-forom tagħna ta’ libertajiet individwali u x-xbieki ta’ sikurezza soċjali jiddependu mill-kompetittività tagħna. Ewropa fejn huwa possibbli li idea ssir opportunità ta’ negozju, li jinstab l-investiment u li jekk ma tirnexxix tista’ terġa’ tqum fuq saqajk, għal darba tnejn. Fejn l-istart-ups jistgħu jespandu faċilment. Fejn il-burokrazija titqaċċat drastikament, anki f’affarijiet żgħar pereżempju li s-sigurtà fit-toroq tiġi żgurata mingħajr ma nikkumplikaw iżżejjed il-ħajja tan-nies. Fejn is-simplifikazzjoni hija l-mod kif noperaw, stabbilita sew fil-mod kif naħsbu u nagħmlu l-affarijiet, u mhux bħala riflessjoni li tiġi wara.
 
Iltqajt mal-Kanċillier Merz ftit tal-jiem ilu, u huwa ċar li l-messaġġ li ntbagħtilna f’Ġunju li għadda kellu effett fuq l-elezzjonijiet federali tal-Ġermanja.
 
In-nies iridu r-riżultati u jriduhom malajr.
 
Irridu naraw Ewropa aktar intelliġenti li tifhem li aktar regolamentazzjoni mhijiex l-istess bħal regolamentazzjoni aħjar, anzi, f’ħafna każijiet hija bil-kontra. Ewropa aktar intelliġenti li kapaċi tara li hemm ċerta leġiżlazzjoni li sempliċement mhijiex implimentabbli jew mhijiex realistika, jew li ġġib magħha prezz ferm ogħla milli l-maġġoranza lesti jħallsu.
 
Ewropa aktar intelliġenti li ma tibżax tbiddel jew saħansitra treġġa’ lura r-rotta jekk ikun meħtieġ. Ewropa aktar intelliġenti li kapaċi tkun protagonista fid-dinja bi standards għoljin mingħajr ma ġġiegħel lin-negozji tagħna jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli. Li ma tippenalizzax bla ma trid lill-kumpaniji Ewropej għall-benefiċċju ta’ kumpaniji oħra minn barra l-kontinent tagħna.
 
Ewropa aktar intelliġenti li tirrikonoxxi l-obbligi tagħna fil-konfront tal-ġenerazzjonijiet futuri li ninvestu fit-teknoloġija nadifa u, iva, li nkunu minn ta’ quddiem fil-kwistjonijiet marbuta mal-klima, iżda li dan nagħmluh mingħajr ma neqirdu lill-industrija jew lill-agrikoltura tagħna.
 
L-aġenda ta’ simplifikazzjoni tal-Ewropa jeħtieġ li tissenjala l-bidu ta’ Ewropa ġdida u, bil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, toħloq boom ekonomiku. Il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-industrija u l-istart-ups ilkoll għandhom aspettattivi kbar.
 
Għalina huwa ċar: jeħtiġilna nkunu ambizzjużi, jeħtiġilna nkunu rivoluzzjonarji. Din trid tkun ir-risposta tal-Ewropa. F’din id-dinja ġdida, ma nistgħux niksbu r-riżultati mistennija jekk nafdaw fuq sikkina ma taqtax fi ġlieda kontra serrieq.
 
Neħtieġu aktar flessibbiltà li s-snin li għaddew urew li tant hija meħtieġa. Jeħtieġ li nieħdu r-riżorsi proprji bis-serjetà, li nifhmu kemm dan jista’ jkun diffiċli, u jeħtieġ li nkunu f’pożizzjoni li nħallsu lura d-djun tagħna.
 
Ewropa aktar intelliġenti tfisser ukoll Ewropa aktar veloċi. Il-Parlament Ewropew dan fehmu sew. Dan huwa Parlament ġdid u Parlament differenti minn dak tal-2019. Għamilna r-riformi meħtieġa. Nistgħu nimxu b’aktar ħeffa llum, u dan kapaċi nagħmluh mingħajr ma nnaqqsu l-iskrutinju u l-obbligi leġiżlattivi tagħna. Lesti nipprovdu Ewropa aktar intelliġenti. Malajr.  Il-votanti hekk jistennew. U hekk għamilna bil-proposta dwar il-mekkaniżmu ta’ posponiment (“Stop the-Clock”) u permezz ta’ ħafna affarijiet oħra.
 
Huwa għalhekk li l-Membri tal-Parlament Ewropew iqajmu dubji fuq it-tentattivi biex jitnaqqas l-involviment tal-Parlament Ewropew fi kwistjonijiet kritiċi u, spiss, diviżivi. L-Ewropa mhija xejn mingħajr in-nies tagħha. L-użu ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati, bħall-Artikolu 122, mhuwiex Ewropa aktar intelliġenti. U għalhekk ukoll se nibqgħu ninsistu biex tissaħħaħ l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament skont l-Artikolu 225. Mhux neċessarjament billi jinbidel it-Trattat, iżda billi jiġi rrispettat u billi ċ-ċittadini jiġu ttrattati bir-rispett li jistħoqqilhom. Hija din il-leġittimità li l-Ewropa teħtieġ illum.
 
Huma dawn ir-riflessjonijiet u l-kooperazzjoni li se jwasslu għal Ewropa aktar b’saħħitha. Ewropa b’saħħitha li kapaċi tagħraf li, individwalment ilkoll kemm aħna għandna ftit setgħa, iżda flimkien aħna forza li dak li jkun irid jagħti kasha.
 
Ewropa aktar b’saħħitha jeħtieġ li tkun kapaċi tantiċipa l-isfida li jmiss jekk trid tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tegħlibha. Xi ħadd iddeskriva ż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa, bil-ħeffa tat-trasformazzjoni diġitali, u l-intelliġenza artifiċjali b’mod partikolari, bħala wieħed simili għar-rivoluzzjoni li seħħet fis-seklu dsatax, meta d-dinja mxiet minn ekonomija bbażata fuq l-agrikoltura għal waħda bbażata fuq l-industrija. Huwa żmien daqstant kbir, daqstant trasformattiv u daqstant kritiku. Il-futur qed jissawwar issa u ma nistgħux nibqgħu lura.
 
Għandna tama kbira bis-saħħa tal-biljuni ta’ euro li ġew imwiegħda fis-summit dwar l-intelliġenza artifiċjali li sar fi Franza aktar kmieni din is-sena. Dan wera li dawn l-affarijiet neħduhom bis-serjetà. Issa jeħtieġ li nissodisfaw l-aspettattivi u niżguraw li nagħtu lin-negozji, lir-riċerkaturi, lill-inġiniera, lill-kodifikaturi u lid-detenturi ta’ privattivi tagħna l-ispazju li jeħtieġu biex jikkompetu, biex ikunu innovattivi u biex ikunu minn ta’ quddiem.
 
Għax Ewropa b’saħħitha hija Ewropa li tinvolvi ruħha. Ewropa influwenti. Ewropa miftuħa għal ideat differenti li kapaċi tagħraf l-opportunitajiet u taħtafhom. U dan żgur ifisser li jeħtiġilna nikkompletaw l-Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti. Dan irid isir mill-aktar fis. L-ostakli li għal aktar minn deċennju ntużaw bħala skuża biex ma jippermettux li din tinkiseb, jistgħu jingħelbu faċilment.
 
L-Ewropa ma tistax tippermetti li titħalla barra. Il-filosofija ekonomika globali tagħna dejjem kienet waħda ta’ kummerċ ħieles u ekwu li jkun għall-ġid ta’ kulħadd. U l-impetu li rajna fl-Indja, fil-Messiku u fl-Amerka Latina nistgħu nitgħallmu minnu u, f’ħafna aspetti, nistgħu nirreplikawh. L-adattament irid ifisser ukoll li nkunu kapaċi ma noqogħdux lura mill-benefiċċji li jirriżultaw bil-ħolqien ta’ relazzjoni ġdida u eqreb mhux biss mal-Istati Uniti, iżda anki mal-Kanada u mar-Renju Unit.
 
Iva, Brexit għadu jfisser Brexit. Iva, ir-realtajiet tal-ġeografija huma dawk li huma. Iżda żminijiet straordinarji jirrikjedu mumenti straordinarji u jeħtieġ li noħorġu mis-sitwazzjonijiet tradizzjonali li fihom inħossuna komdi. Sħubija strateġika b’saħħitha mar-Renju Unit tkun ta’ ġid għalina lkoll u tagħti spinta lill-kooperazzjoni trans-Atlantika.
 
Ftehim komprensiv għandu jkun l-għan aħħari tan-negozjati mal-Istati Uniti. Dik tkun sitwazzjoni li fiha kulħadd joħroġ rebbieħ. U jeħtieġ li nżommu f’moħħna l-pedamenti ta’ din ir-relazzjoni.
 
Ma teżisti ebda alleanza akbar fl-istorja tad-dinja moderna li sawret tant ħajjiet u ħolqot tant prosperità. Jeħtieġ li nkomplu nibnuha u nsaħħuha, filwaqt li nibqgħu lesti għal kwalunkwe xenarju. Dik hija l-garanzija mhux biss ta’ Ewropa aktar b’saħħitha u ta’ Stati Uniti aktar b’saħħithom, iżda anki ta’ Ewropa u ta’ dinja b’aktar sigurtà u protezzjoni.
 
Mingħajr sigurtà ma jista’ jkun hemm xejn iktar, u għal wisq żmien iddependejna minn ħaddieħor biex niggarantixxu l-protezzjoni u l-istil ta’ ħajja tagħna. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu b’dan il-mod. Kull Stat Membru issa jifhem li biex l-Ewropa tikkontrolla d-destin tagħha stess, jeħtieġ li tkun tista’ tiffunzjona f’dinja aktar perikoluża u instabbli minn qabel. L-invażjoni Russa tal-Ukrajna wrietna b’mod terribbli kemm dan huwa minnu.
 
Jeħtieġ li nkunu lesti nirduppjaw l-isforzi tagħna favur il-paċi u l-appoġġ kontinwu tagħna lill-Ukrajna. Dan huwa l-messaġġ li rrappreżentat b’mod tant importanti ż-żjara fl-Ukrajna, f’Jum l-Ewropa, tal-President Macron, tal-Kanċillier Merz, tal-Prim Ministru Tusk u tal-Prim Ministru Starmer.
 
Żjara li ġiet eżatt wara l-pjan tal-Kummissjoni ta’ 800 biljun euro għall-prontezza tal-Ewropa. Dan huwa l-mod tagħna kif niżguraw il-paċi permezz tal-forza.
 
 
 
 
L-għodod jistgħu jkunu differenti imma l-kunċett mhuwiex ġdid.  Margaret Thatcher, f’diskors lill-Kungress fl-1985, qalet hekk:
 
 “Il-gwerer mhumiex ikkawżati mill-akkumulu tal-armi. Huma kkawżati meta aggressur jemmen li jista’ jilħaq l-objettivi tiegħu bi prezz aċċettabbli... Il-kompitu tagħna huwa li naraw li aggressuri potenzjali, jiġu minn fejn jiġu, jifhmu b’mod ċar li l-kapaċità u d-determinazzjoni tal-Punent se jċaħħduhom milli jirbħu gwerra u li l-prezz li jħallsu jkun intollerabbli.”
 
Kellha raġun.
 
Aktar infiq għad-difiża u s-sigurtà huwa l-ewwel pass. Imma l-flus waħedhom mhux se jsolvu l-problema. Il-pass intelliġenti ’l quddiem ikun li ngħaqqdu l-industriji tad-difiża tagħna. Naturalment, dan ifisser li nsibu s-sinerġiji bejn il-politiki nazzjonali ta’ sigurtà iżda, aktar importanti minn hekk, ifisser li nirreżistu t-tentazzjoni ta’ vantaġġi fit-terminu qasir favur approċċ strateġiku fit-tul.
 
Dak l-approċċ strateġiku jfisser li niżguraw sistema li tipproteġi l-fruntieri. Li ġġestixxi l-flussi migratorji b’mod li jkun ġust ma’ dawk li verament għandhom bżonn il-protezzjoni, sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli u jeħtieġ li jintbagħtu lura, u aħrax kontra n-networks tat-traffikar tal-bnedmin.
 
Il-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni huwa pass wieħed li ħadna, iżda għad fadlilna x’naqdfu fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar ir-ritorni. Ftit wisq deċiżjonijiet ta’ ritorn jiġu implimentati. Wisq nies li għandhom u li jistgħu jintbagħtu lura, ma jintbagħtux.
 
Din hija kwistjoni li ma nistgħux ninjoraw jew inħallu li tiġi ttrattata minn min jinsab fil-pożizzjonijiet estremi tal-politika. Jekk nagħmlu hekk, hemm ir-riskju li l-immigrazzjoni illegali tibqa’ kawża ta’ xiżmi soċjetali u tagħmel ħsara lill-fiduċja fil-kapaċità tagħna li nindirizzaw il-kwistjoni.
 
Flimkien aħna aktar intelliġenti, aktar b’saħħitna u aktar sikuri, anki jekk “non est ad astra mollis e terris via”. It-triq mid-dinja sal-kwiekeb mhijiex faċli. Iżda l-Ewropa qatt ma nbniet b’dak li hu faċli u, wara kollox, dak li hu faċli qatt ma bena xejn.
 
Huwa b’dan il-mod li l-Ewropa tista’ terġa’ ssir attur f’livell dinji. Huwa l-mod kif naffermaw l-awtonomija strateġika tagħna u nipproteġu l-interessi komuni u ċ-ċittadini tagħna.
 
Dik hi l-Ewropa li jeħtiġilna naħdmu għaliha.
 
Grazzi.