Waqt it-tnedija tal-IE Competitiveness Hub fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-kompetittività hija dwar it-tkabbir tal-kumpaniji, dwar in-nies li jkollhom impjiegi stabbli u dwar il-protezzjoni tas-swieq miftuħa u x-xbieki tas-sigurtà soċjali li jiddefinixxu l-mod Ewropew tagħna.
Grazzi, għażiż Enrico. Għeżież kollegi, Ninsab tassew kuntenta li qiegħda hawn fostkom, u kien pjaċir nattendi għal-laqgħa pubblika ma’ IE f’Madrid sentejn ilu. Dan kien il-pedament għal attività li nagħmel kważi kull ġimgħa, jiġifieri li nżur pajjiż differenti u niddjaloga maż-żgħażagħ, biex nifhem b’mod konkret dak li jistennew minna. Iżda wkoll kif nistgħu nagħmlulhom ħajjithom naqra aħjar. U, essenzjalment, huwa proprju dwar dan li qed niddiskutu llum: kif nistgħu nibagħtu bl-aktar mod ċar il-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, nafu sewwa x’qegħdin nagħmlu. It-tieni, qegħdin naħdmu biex nagħmlu ħajjet il-ġenerazzjoni żagħżugħa aħjar. Xejn aktar, xejn anqas. Jingħad ħafna diskors dwar il-kompetittività. Βħalissa tinsab fuq fomm kulħadd. Imma wara din il-kelma popolari hemm hemm xi ħaġa ferm aktar fundamentali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni hi jekk il-kumpaniji tagħna għandhomx dak li jeħtieġu biex jirnexxu f’dinja li ma tistenna lil ħadd. U meta dawk il-kumpaniji jikkompetu, jistagħnew u jespandu, meta n-nies ikollhom impjieg stabbli, meta l-impriżi tagħna jkunu b’saħħithom u l-ekonomija tagħna tkun qed tikber, huwa proprju dak li jiffinanzja l-isptarijiet tagħna, l-iskejjel tagħna, li jiżguralna s-sigurtà permezz tal-investimenti fis-sigurtà u fid-difiża tagħna, li jipproteġi s-swieq miftuħa u x-xbieki ta’ sikurezza soċjali li jiddefinixxu l-mudell Ewropew tagħna. Illum nixtieq nagħmel tliet punti. L-ewwel nett, maż-żmien l-Ewropa tagħna kisbet riżultati għaċ-ċittadini b’tali mod li ġenerazzjoni ilu kien ikun inimmaġinabbli u, aħna u nfakkru Jum l-Ewropa fi tmiem din il-ġimgħa, naħseb li dan jagħtina biex niċċelebraw. It-tieni huwa li x-xogħol altru li mhuwiex lest u li, f’dinja qisha qed titbandal minn kriżi għall-oħra, ir-risposta trid tkun Ewropa aħjar u aktar effiċjenti, Ewropa li tqum fuq saqajha b’kuraġġ u rieda politika. U t-tielet punt huwa li xi ħaġa nbidlet radikalment, anki f’dawn l-aħħar ftit snin, u li issa jinħass sens ta’ urġenza ta’ vera fl-istituzzjonijiet kollha tagħna u fl-Istati Membri kollha tagħna. L-Ewropa miexja, u d-direzzjoni hija ċara. Ftit snin ilu ma kontx inkun nista’ ngħidu dan il-kliem. Flimkien bnejna suq uniku ta’ kważi nofs biljun ruħ. Lingwi differenti, tradizzjonijiet differenti, stejjer differenti, kollha mexjin, jagħmlu kummerċ u jibnu liberament lil hinn mill-fruntieri – fil-verità, kważi – u fuq dan se nitkellem aktar tard. Bnejnieh aħna stess, pass wara pass, spiss billi ħadna deċiżjonijiet diffiċli u ibsin ħafna. U, essenzjalment, dan tana l-frott – għall-impriżi li sabu swieq ġodda, għall-ħaddiema li l-industriji tagħhom kibru, għall-familji b’aktar għażla u opportunitajiet, għal ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ Ewropej li kibru bil-libertajiet li l-ġenituri tagħhom setgħu biss joħolmu bihom. Minn Liżbona sa Tallinn, minn Ateni sa Helsinki, is-suq uniku tagħna tejjeb il-livelli ta’ għajxien u wessa’ l-orizzonti. U xi kultant naħseb li dan ma ngħiduhx b’biżżejjed saħħa u, aktar importanti minn hekk, ma ngħiduhx b’biżżejjed kburija. Iżda fl-istess ħin – u, kif nafu mir-rapport tiegħek, Enrico – ix-xogħol għadu mhuwiex lest. Il-Ħadd filgħaxija ltqajt mal-Prim Ministru tal-Kanada u r-rapport tiegħek kien it-tieni punt li ssemma. U kien bl-ispirtu li nippruvaw nidentifikaw il-lakuni tagħna, iżda b’sens ta’ opportunità u approċċ b’viżjoni fil-bogħod, li rnexxielna niksbu riżultati tajbin. Dan it-tip ta’ laqgħat lanqas ma kienu jsiru ftit snin ilu, jew saħansitra ftit xhur ilu. Jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar snin b’lenti kritika, nistgħu ngħidu li mxejna ’l quddiem mingħajr wisq intoppi, nikkonvinċu lilna nfusna li l-kbir għadda u li issa stajna nieqfu naqdfu. Jekk dawn l-aħħar snin għallmuna xi ħaġa, kienet proprju li assolutament ma nistgħux nagħmlu hekk. Enrico, kien hemm aspett wieħed tar-rapport tiegħek li ma stajtx naqla’ minn moħħi. Inti għedt li l-kost effettiv tal-bejgħ ta’ servizzi minn pajjiż tal-UE għal ieħor hu ekwivalenti għal dazju ta’ 110%. Aħsbu naqra dwar dan, għeżież kollegi. Inqattgħu snin sħaħ f’negozjati metikolużi biex innaqqsu xi punt perċentwali mill-ostakli kummerċjali ma’ sħabna fid-dinja kollha, għad li, fl-istess ħin, fost l-Istati Membri tagħna stess, jeżistu ostakli ta’ daqs ferm akbar. Għadni kemm iltqajt mal-uffiċjal kap eżekuttiv tan-Nasdaq illum, u dan kien wieħed mill-punti li semmiet. Jekk tippermettuli nagħmel din il-metafora, bażikament qed nippruvaw niġru f’tellieqa bil-lazzijiet taż-żarbun maqfulin ma’ xulxin. Kull ġimgħa, u hawn nista’ nitkellem f’isem il-kollegi tiegħi Membri tal-Parlament Ewropew eletti kważi sentejn ilu, niltaqgħu ma’ imprendituri, sidien ta’ impriżi żgħar u kbar, iżda wkoll ma’ kostitwenti mal-familji tagħhom. U bħalissa dak li qegħdin jgħidulna huwa li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet li ġejjin minn tliet direzzjonijiet kollha f’daqqa: il-prezzijiet tal-enerġija sparaw ’il fuq minħabba l-instabbiltà fil-Golf u mhux biss, li jolqtu l-marġnijiet ta’ profitt saħansitra qabel ma prodott jasal fuq is-suq; tant u tant burokrazija li, fil-laqgħat tagħhom, il-bordijiet ta’ tmexxija jiddiskutu dwar il-konformità pjuttost milli dwar it-tkabbir; il-kompetizzjoni ħarxa ta’ ekonomiji oħra li għażlu konxjament li jissussidjaw bil-kbir lill-industriji tagħhom. U wara kull wieħed minn dawk il-impriżi hemm in-nies. Nies li jridu sigurtà għall-impjiegi tagħhom. Nies li kull xahar jirċievu l-kontijiet tagħhom u jħossu dik l-għafsa. Nies li, b’onestà kollha, ivvutaw għal Ewropa li jriduha taħdem għalihom. U dan iwassalni għat-tielet punt tiegħi: l-Ewropa qed tirrispondi. Qed nara bidla radikali madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew. L-urġenza hi reali u tinħass b’mod ċar. Dak li għamilna l-ġimgħa li għaddiet f’Ċipru, meta ffirmajna l-pjan direzzjonali “Ewropa Waħda, Suq Wieħed”, kien jirrikjedi mill-anqas xhur negozjati. Fil-Parlament Ewropew, aħna konxji minn dik l-urġenza. Proprju għaliex nitħaddtu mal-kostitwenti tagħna, li jgħidulna liema huma l-oqsma li fuqhom għandna ninsistu: pjan direzzzjonali konkret u ambizzjuż ħafna, imsejjes fuq l-idea sempliċi li s-suq uniku tagħna huwa r-risposta għall-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet li jsiru f’dan il-mument. Sta għalina naqdfu aktar biex insarrfu dak kollu f’riżultati konkreti, u dan ifisser li se nagħmlu xogħolna. Għażla oħra ma għandniex. Dan ifisser li hemm bżonn nagħmlu progress fuq tliet fronti. L-ewwel jirrigwarda l-fondi: kif inġibu l-kapital jasal fejn hemm bżonnu? Fil-qalba ta’ dan il-pjan direzzjonali hemm l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li tirrappreżenta probabbilment ir-riżultat l-aktar importanti li nistgħu niksbu din is-sena. L-Ewropa mhix nieqsa minn flus imfaddla, imma l-problema hi li m’aħniex ninvestuhom fit-tkabbir. Ekonomiji oħra jinvestu ferm aktar mill-flus imfaddla mill-familji f’kapital produttiv meta mqabbla magħna. Il-Kont ta’ Tfaddil ta’ Investiment Żvediż huwa eżempju tajjeb ta’ dak li hu possibbli fl-Ewropa, u qed naraw lil pajjiżi oħra wkoll, pereżempju l-Polonja, mexjin fl-istess triq: huwa mod ferm innovattiv biex tinbidel il-mentalità rigward il-flussi tal-flus, il-mod kif il-flus jiġu investiti u r-rwol taċ-ċittadini f’dan il-kuntest. Dak id-distakk f’termini ta’ investimenti, impjiegi u kapaċità ta’ innovazzjoni mhuwiex inevitabbli. Kieku s-swieq tal-kapital tagħna kienu interkonnessi aħjar, xi ħadd li jibda negozju fl-Estonja, fi Spanja jew fil-Polonja jkollu aċċess għall-istess riżorsi finanzjarji ta’ xi ħadd fil-Kalifornja, għax hemm il-flus imfaddlin. Ifisser li l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jespandu hawn, u mhux ikollhom imorru band’oħra biex isibu l-kapital li għandhom bżonn. It-tieni jirrigwarda l-enerġija. Dan is-suġġett qiegħed jiddomina d-diskussjonijiet kollha tagħna bħalissa. Is-sitwazzjoni fil-Golf qiegħda tagħmel saħansitra aktar diffiċli sitwazzjoni diġà iebsa. L-impriżi Ewropej diġà kienu jħallsu l-elettriku tliet darbiet aktar mill-kompetituri tagħhom, u t-teknoloġiji l-ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, qegħdin jimponu domandi ġodda u enormi lis-sistemi tal-enerġija tagħna. Dak id-distakk huwa insostenibbli. Qegħdin nieħdu azzjoni: qegħdin niddiversifikaw il-provvista, ninvestu fl-enerġiji rinnovabbli u fl-enerġija nukleari, nimmodernizzaw il-grilji tagħna, għad li b’xi differenzi fost l-Istati Membri. Imma għandna nkunu onesti: kif se nkunu nistgħu ngħinu lil dawk l-Istati Membri jżommu l-pass mar-ritmu li tirrikjedi l-Ewropa, jekk irridu naġixxu bħala entità waħda? U t-tielet u l-aħħar punt huwa r-regolamentazzjoni. Ilhom snin jgħidulna li r-regoli li nadottaw kollettivament saru wisq, wisq kumplessi u wisq diffiċli biex jiġu interpretati. Xi kultant, dan jiddependi mill-Ewropa, imma xi kultant, jiddependi mil-livell nazzjonali u xi kultant anki reġjonali. Għalhekk, dak li ħloqna huwa saff li jiżdied ma’ saff ta’ regolamentazzjoni żejda li flimkien inaqqsu r-ritmu ta’ kollox. Min-naħa tagħna, qegħdin nieħdu azzjoni: kien proprju dak li ridna nagħmlu malli l-Parlament il-ġdid beda l-mandat tiegħu. Fuq il-mejda għandna 10 pakketti omnibus, 5 minnhom kważi lesti. Issospendejna l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rapportar ġodda. L-impenn biex innaqqsu l-burokrazija huwa fil-qalba tal-ħidma tagħna. Ma rridx niġi quddiem l-eletturi tagħna u ngħidilhom: it-tort mhuwiex tagħna, huwa ta’ ħaddieħor. Irrid inkun nista’ ngħid: smajniekom u għamilna hekk. Għad fadal ħafna x’nagħmlu, u dan nammettuh b’onestà. Fuq il-mejda hemm proposti oħra li fuqhom qbadna ritmu pjuttost tajjeb, bħat-“28 reġim”, u mistenni jkun hemm aktar. It-talent hemm qiegħed, l-ideat hemm qegħdin. Dmirna, kollettivament, huwa dak li nagħmlu l-Ewropa post fejn dak it-talent jista’ jiffjorixxi. L-aħħar ħaġa li se ngħid hija din. in-nies jiftakru l-mumenti meta l-Ewropa saret realtà f’ħajjithom, meta setgħu jħossuha, meta setgħu jmissuha b’idejhom: bl-Erasmus, meta ħassejtha jien, bil-moviment liberu, bil-munita unika, bir-roaming. Dak hu l-istandard li għandna nżommu miegħu: kif se niżguraw li ċ-ċittadini li jivvutaw fl-elezzjonijiet iħossu l-Ewropa abbażi ta’ wegħda li hija l-Ewropa. U dan ma għandux jiġi sottovalutat. Nhar is-Sibt niċċelebraw Jum l-Ewropa. Kważi 90% taċ-ċittadini Ewropej jgħid li jrid aktar għaqda. Huwa aspett li għandna nagħtu kasu. Grazzi.