Hi u tindirizza ċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tat ġieħ lill-ġurnalista Maltija li ġiet assassinata tmien snin ilu.
Din iċ-ċerimonja tfakkar mument importanti fil-kalendarju tal-Parlament Ewropew, meta nagħtu ġieħ lin-nies li jiktbu l-artikli li naqraw, u lix-xogħol straordinarju li jagħmlu jum wara l-ieħor. Huwa premju għall-ġurnaliżmu investigattiv imsemmi għall-forza tan-natura formidabbli li kienet Daphne Caruana Galizia, assassinata f’Malta tmien snin ilu. Iebsa taħseb li għadda daqshekk żmien mill-assassinju tagħha u li l-familja tagħha, u aħna lkoll, għadna qed nistennew li ssir ġustizzja. Għaldaqstant iċ-ċerimonja tal-lum tfakkarna wkoll fir-responsabbiltà li għandna biex inkomplu ninsistu għal xi forma ta’ ġustizzja fil-konfront tagħha. Din kienet sena partikolarment diffiċli għall-ġurnalisti, kemm dawk li nqatlu fiż-żoni tal-gwerra kif ukoll dawk li jisfaw fil-mira ta’ dawk li qed jirrapportaw dwarhom jew li jiddenigrawhom. Proprju l-ġimgħa li għaddiet rajna dan jerġa’ jseħħ permezz ta’ attakk b’karozza bomba kontra l-ġurnalist Taljan Sigfrido Ranucci dakinhar stess tal-anniversarju, fis-16 ta’ Ottubru, tal-attakk li qatel lil Daphne. Il-qlubija ma għandhiex tkun parti mid-deskrizzjoni tal-kompiti tal-ġurnalisti, għad li, spiss wisq, hekk hu. Huwa dak li Daphne ppersonifikat: il-kuraġġ taħt pressjoni li ma titwemminx, u qlubija quddiem aggressjonijiet, azzjonijiet legali, attakki, theddid kontriha. Daphne baqgħet tikteb meta ħarqulha l-bieb ta’ barra. Baqgħet tikteb meta qatlulha l-kelb li tant kienet tħobb. Baqgħet tikteb meta attakkawlha lil uliedha u meta keċċew lil binha minn xogħlu bħala tpattija. Baqgħet tikteb meta grupp ta’ nies ġera warajha fit-triq. Baqgħet tikteb meta n-nies li kixfet iffriżawlha l-kontijiet tal-bank. Baqgħet tikteb meta kienet l-unika waħda li kienet qed tikteb. Baqgħet tikteb anki meta kienet imbeżżgħa. Meta kienet vulnerabbli. Meta kienet taf ma’ xiex kellha tħabbat wiċċha. Daphne ma kinitx biss ġurnalista investigattiva, kienet mara ċajtiera wkoll. Tassew kont togħxa bid-daħq magħha. Kienet tenaċi. Kienet tħobb il-ħajja. Kellha spirtu pront. Kienet tgħaddi biż-żmien lill-politiċi li kienu jieħdu lilhom infushom wisq bis-serjetà, ħadd minna ma kien jeħlisha. Kienet tħobb il-ġardinaġġ u l-ikel. Uliedha kienu l-mimmi ta’ għajnejha. U kienet mara li kellha l-kuraġġ teżiġi aktar minn dawk eletti biex jirrappreżentawha. Kien mingħalihom li karozza bomba kienet se tnessihielna. Minflok għamlitha invinċibbli. Tant għadhom jibżgħu minnha li, wara kważi deċennju, il-korrotti u l-imbruljuni għadhom kull lejl ineħħu l-oġġetti minn fuq mafkar improvvizzat iddedikat għaliha. Daqshekk kbir kien l-impatt tagħha. Daqshekk kbir għadu l-impatt tagħha. Lill-finalisti kollha ta’ din is-sena: nifirħilkom! Tfakkruna li l-ġurnaliżmu mhuwiex biss impjieg, huwa servizz pubbliku, pilastru tad-demokrazija tagħna. Għalhekk xogħolkom huwa daqshekk importanti. U għalhekk il-Parlament Ewropew se jkun dejjem alleat biex jiddefendi l-libertà tal-kelma, jipproteġi lil dawk li jirrapportaw dwarha u jieħu azzjoni meta tkun mhedda. Dan urejnieh permezz tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media u tal-liġijiet kontra l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (anti-SLAPP) li jwaqqfu l-kawżi abbużivi maħsuba apposta biex isikktu lill-ġurnalisti. Illum, aħna u deħlin fl-2026, wasal iż-żmien li l-Istati Membri jdaħħlu dawn ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, u jmorru saħansitra oltre. Biex jiggarantixxu li l-ġurnalisti kollha jkunu protetti. Nixtieq ukoll nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-ġurija tal-premju. Naf kemm hemm xogħol involut u nittama li nkunu nistgħu nissemplifikaw il-proċess kemm jista’ jkun. Nixtieq ukoll nirringrazzja lil xi persuni partikolari. L-ewwel nett, u fuq kollox, lill-kollega tiegħi David Casa. Kien hu l-ewwel li ħoloq dan il-Premju. U tħabat ħafna biex jissielet għall-ġustizzja u għall-wirt li ħallitilna Daphne. Nixtieq nirringrazzja lil Pina Picierno, li ħadet f’idejha r-responsabbiltà ta’ Viċi President kompetenti għal dan il-Premju. Ma kinitx biċċa xogħol faċli, iżda taħdem kemm tiflaħ biex tipproteġi lill-ġurnalisti fl-Ewropa kollha, anki meta quddiemek ikun hemm sfidi kbar. Nixtieq nirringrazzja lin-nies kollha fis-servizzi tagħna, u lid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni li għamlu l-ġurnata tal-lum possibbli. Mhux biss fis-sala ddedikata lil Daphne, iżda wkoll biex jiżguraw li kull min jidħol f’din is-sala jiftakar fiha. Nixtieq nirringrazzja lill-familja ta’ Daphne u, b’mod partikolari, lit-tliet uliedha, Andrew, Matthew u Paul. Kienet tkun tant u tant kburija bl-irġiel li sirtu t-tlieta li intom. Nixtieq ukoll nfakkar lil ommha, Rose Vella, li mietet qabel ma setgħet tara li ssir ġustizzja għal bintha. U ppermettuli nagħlaq billi nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom hawn talli ma bqajtux lura u ġejtu hawn, meta kien ikun aktar faċli tibqa’ sieket. Għad-demokrazija. Għall-Ewropa. U għal dawk li jafdaw fuqhom it-tnejn.