Fil-ftuħ tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola qalet li n-nies jistennew li nqabblu l-kliem mal-azzjoni u nuru li meta l-Ewropa tiġi ttestjata, tikseb ir-riżultati.
President Demetriou, għażiża Annita, Presidenti u Viċi Presidenti, Għeżież kollegi, Dan huwa wieħed minn dawk il-mumenti; meta, minn hawn u ftit snin oħra, in-nies se jħarsu lura u jistaqsu: meta l-Ewropa għaddiet mis-siegħa tal-prova, konna kapaċi nilqgħuha din l-isfida? Fl-Unjoni kollha tagħna, u jien ċerta li dan tħossuh anki fil-kmamar nazzjonali rispettivi tagħkom, in-nies iħossu li xi ħaġa qed tinbidel. Iħossuh meta fl-aħħar tax-xahar ipoġġu mal-mejda tal-kċina jħabblu rashom jaraw kif se jlaħħqu mal-ħajja. Iħossuh meta l-kontijiet tad-dawl jerġgħu jogħlew, meta l-kera tiżdied aktar, meta x-xirja tal-ġimgħa tqum aktar milli kienet sena ilu biss. Jinkwetaw meta wliedhom jaf ma jkollhomx l-istess opportunitajiet li darba kellhom huma. Is-sidien tan-negozji ż-żgħar dan iħossuh fil-laħam il-ħaj: l-ispejjeż żdiedu, il-kompetizzjoni saret eħrex u xi kultant ir-regoli jinħassu itqal milli suppost ikunu. Fl-istess ħin, il-gwerra għadha għaddejja fil-kontinent tagħna. Bħal għada erba’ snin ilu r-Russja kienet invadiet l-Ukrajna, erba’ snin li biddlu għalkollox il-mod kif naħsbu dwar is-sigurtà u fakkruna f’kemm tista’ tkun fraġli l-paċi. Difatti, għada se jkollna sessjoni plenarja straordinarja speċjali li fiha se jagħmel diskors il-President Zelenskyy. U dan kollu qed iseħħ hekk kif l-ekonomija dinjija tinbidel b’ritmu straordinarjament mgħaġġel, filwaqt li oħrajn qegħdin jinvestu bil-kbir, jaġixxu b’ħeffa kbira u jsawru l-futur tat-teknoloġija u tal-industrija f’modi li se jiddefinixxu l-għexieren ta’ snin li ġejjin. Ridt niddeskrivi s-sitwazzjoni b’dan il-mod għax l-isfidi huma ħafna. Iżda jkolli ngħid li d-determinazzjoni tagħna biex naffrontaw dan il-mument hija akbar. Ftit tal-jiem ilu biss, waqt il-laqgħa informali tal-mexxejja kif ukoll waqt il-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà, il-messaġġ kien ċar: l-Ewropa ma tistax tibqa’ qisha qasba tixxejjer mar-riħ. L-adattamenti ż-żgħar m’għadhomx biżżejjed. Żmien il-“miżuri tan-nofs kedda” spiċċa. Dan huwa żmien li fih id-deċiżjonijiet għandhom ikunu daqs il-kobor tal-isfidi li għandna quddiemna lkoll flimkien. U nemmen li l-Ewropa hija kapaċi tagħmel dan. Urejnieh waqt il-pandemija. Qed nuruh kuljum fl-appoġġ tagħna lill-Ukrajna. Għaliex meta nieħdu azzjoni flimkien, l-Ewropa jirnexxilha tagħmel l-impossibbli. F’kull wieħed minn dawk il-mumenti, kienu d-demokraziji tagħna, ilkoll flimkien, li ħarġuna minn dawn is-sitwazzjonijiet. Kienu l-parlamenti nazzjonali u dan il-Parlament li refgħu r-responsabbiltà billi xi kultant ħadu l-aktar deċiżjonijiet diffiċli u bla preċedent meta kien hemm l-aktar bżonn. U f’din il-ġimgħa, hawn fil-Parlament Ewropew, flimkien magħkom, nistgħu għal darb’oħra nuru li d-demokrazija parlamentari tista’ tikseb ir-riżultati. B’dan nilqagħkom minn qalbi fil-Parlament Ewropew għal din il-15-il Ġimgħa Parlamentari Ewropea. Għażiża Annita, nirringrazzja lilek u lill-kollegi tiegħek tal-Kamra tar-Rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru talli kkoordinajtu din il-ġimgħa magħna. Jien u Annita ilna ħbieb snin twal, ħdimna flimkien b’mod kostanti, affrontajna sfidi komuni, kellna dibattiti simili, sew f’dan il-Parlament sew f’tagħkom, kif nista’ ngħid għal kull wieħed u waħda minnkom. U meta, fl-1 ta’ Jannar, Ċipru ħa f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill, il-pajjiż ma setax jeħodha f’mument aktar diffiċli. Bis-saħħa tal-President Christodoulides, u bil-Parlament tiegħek totalment impenjat, urejt tmexxija kostanti u nixtieqek tkun taf kemm tassew napprezzaw il-kooperazzjoni li għandna bejnietna. Din il-ġimgħa ngħaqdu magħna ferm aktar minn 200 parteċipant, fosthom aktar minn 120 membru parlamentari minn 27 kamra nazzjonali mill-Unjoni Ewropea kollha, u minn erba’ pajjiżi kandidati – l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja – kif ukoll min-Norveġja. Intom ilkoll iġġibu magħkom l-esperjenza fit-tfassil tal-baġits nazzjonali, fl-iskrutinju tar-riformi, fl-ispjegazzjoni tad-deċiżjonijiet Ewropej liċ-ċittadini li jistennew risposti. Tafu sew, u kuljum tħossu, kif il-politika tissarraf fir-realtà ta’ kuljum, kif l-għażliet li jsiru hawn Brussell u fi Strażburgu, kif ukoll fil-bliet kapitali tagħkom, jolqtu lin-nies fl-ibliet u fl-irħula fl-Ewropa kollha. Tafu x’jaħdem fil-prattika u x’għandu jinbidel. U dik ir-rabta hija importanti immens. Għalhekk ninvestu tant fiha. Għax dak li qegħdin niddiskutu huwa jekk l-Ewropa tistax tgħin lin-nies ilaħħqu mal-ħajja, jekk nistgħux inżommu l-prezzijiet tal-enerġija aktar stabbli, jekk nistgħux noħolqu l-kundizzjonijiet biex l-impriżi jikbru hawn fl-Ewropa u mhux band’oħra, jekk nistgħux ninvestu fil-ħiliet ħalli l-ħaddiema jkunu lesti għall-bidla u ħadd ma jitħalla lura. F’dan il-Parlament, qegħdin ninsistu biex inlestu s-suq uniku. Qegħdin ninsistu biex inneħħu l-ostakli, u fadal ħafna minnhom, li għadhom jimbarrawlna t-triq. Qegħdin naħdmu biex insaħħu l-Unjoni tal-Enerġija biex il-provvista tkun sikura u l-prezzijiet ikunu aktar prevedibbli. Qegħdin innaqqsu l-burokrazija żejda li taqta’ qalb l-imprendituri u lill-innovaturi. U qegħdin infasslu baġit fit-tul li jappoġġja lir-reġjuni tagħna, jgħin lill-bdiewa tagħna u jgħammar lill-ġenerazzjoni li jmiss b’opportunitajiet reali. Iżda xejn minn dan mhu se jaħdem jekk jibqa’ maqtugħ għalih. U għalhekk għandna bżonn lilkom, kompletament. Id-deċiżjonijiet Ewropej jaħdmu biss jekk jirriflettu r-realtajiet nazzjonali. Dan nitgħallmuh dejjem aktar wara kull elezzjoni li ssir. Intom dak il-pont u, f’dawn is-sentejn li ġejjin, id-diskussjonijiet tagħkom se jgħinu biex jiġi ddefinit il-mod kif nimxu ’l quddiem. Għaldaqstant, din altru li mhijiex ġimgħa bħall-oħrajn, għal aktar minn raġuni waħda. Semmejt is-seduta speċjali tal-Parlament Ewropew li se ssir għada. Se tkun mument biex nerġgħu naffermaw l-impenn tagħna favur l-Ukrajna, u nuru li meta l-Ewropa ssib quddiemha l-isfidi, l-Ewropa tibqa’ magħquda u taġixxi spalla ma’ spalla. Intom ilkoll mistednin issegwu dik is-seduta mill-gallarija uffiċjali. U tassew nittama li se jkunu ħafna dawk fostkom li se jingħaqdu magħna biex infakkru dak il-mument ta’ għaqda u determinazzjoni. Kollegi, dan tassew huwa l-mument tal-Ewropa. In-nies li fdawna meta marru jivvutaw qed iħarsu lejn dak li nagħmlu. Minna jistennew li nieħdu azzjoni u ma nistgħux indumu naħsbuha. Għalhekk, f’dawn il-jumejn li ġejjin, wara l-kliem li jingħad hemm bżonn jiġu l-fatti, u nuru li meta l-Ewropa tgħaddi mis-siegħa tal-prova, kapaċi tilqagħha din l-isfida. Għaldaqstant, issa huwa tassew unur għalija ngħaddi l-kelma lill-ħabiba għażiża tiegħi, lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru. Għażiża Annita, nagħtik il-kelma.