Dan huwa l-mument tal-'whatever it takes' tas-sigurtà tal-Ewropa  

 

Dan huwa l-mument tal-'whatever it takes' tas-sigurtà tal-Ewropa  

Riga  
 
 

Fil-Konferenza ta' Riga fil-Latvja, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola enfasizzat li dan huwa l-mument tal-'whatever it takes' tas-sigurtà tal-Ewropa.

       

Ministri, Ambaxxaturi, Mistednin distinti,
Kollegi, parteċipanti, Membri fil-Parlament Ewropew,
Sinjuri,
 
Grazzi talli lqajtuni fostkom illum. Huwa importanti li ninsabu hawn, fil-Latvja, f’dan il-mument kritiku fl-istorja tagħna.
 
Il-ġeografija tal-Baltiku għandha l-istorja tagħha stess x’tirrakkonta. Fil-Punent, l-inċidenti li qed jinqalgħu fil-Baħar Baltiku qed jiżdiedu. Fil-Lvant, il-ġirien qed isiru dejjem aktar aggressivi. Il-kuritur ta’ Suwałki huwa wieħed mill-aktar punti kritiċi fid-dinja. Hawn fil-Latvja, tafu xi jfisser li tgħix f’xifer il-libertà. Tiftakru x’jista’ jiġri u x’tassew ġara.
 
Il-punt li miegħu naqbel mal-Membri Latvjani kollha tal-Parlament huwa dan: missna smajna minnkom qabel. Ilhom snin sħaħ il-Latvja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Finlandja jwissuna b’dak li kien ġej għalina. Wissejtuna wara l-annessjoni tal-Krimea, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni sponsorizzati mill-Kremlin li żergħu l-ġlied fis-soċjetajiet tagħna, wissejtuna bl-attakki ibridi fuq l-infrastruttura kritika – każ ieħor seħħ proprju l-ġimgħa li għaddiet.
 
Komplejtu twissuna b’dak li qiegħed jiġri b’Zapad, fl-2017 u fl-2021. L-eżerċizzji militari konġunti bejn ir-Russja u l-Belarussja li seħħew biss ftit ġimgħat ilu juru bil-provi li r-Russja għadha thedded b’attakki. U wissejtuna biż-żieda fil-preżenza militari ta’ truppi qabel l-invażjoni illegali tagħhom fl-Ukrajna. Intom kontu tafu sew ma’ min qegħdin inħabbtu wiċċna. U tafu sew x’hemm bżonn biex nirreżistuh illum.
 
Iċ-ċentru politiku tal-gravità tal-Ewropa tassew resaq lejn il-Lvant. Xahar ilu biss, dron militari Russu nstab fil-parti tal-Lvant tal-Latvja. Minn dak iż-żmien, dehru droni fuq il-Polonja, ir-Rumanija, id-Danimarka, il-Ġermanja, u inġenji tal-ajru tal-ġlied Russi daħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Estonja. Dawn mhumiex inċidenti iżolati. Quddiemna għandna livell ġdid ta’ provokazzjoni: mill-art, mill-baħar u issa mill-ajru.
 
Din hija ħaġa li rajtha b’għajnejja stess. Matul l-aktar żjara reċenti tiegħi f’Kiev stajt nara kif id-droni tassew saru l-arma ewlenija tal-gwerra. U naħseb li dan kollu jrid iservi ta’ sejħa biex fl-aħħar l-Ewropa tingħaqad. Ma nistgħux nirrepetu l-iżbalji tal-passat. Hemm bżonn li l-Ewropa terfa’ r-responsabbiltà tas-sigurtà tagħha. Jeħtiġilna nsaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna, nintensifikaw l-interoperabbiltà tagħna u, fuq kollox, niżguraw li nkunu preparati aħjar.
 
Għandi pjaċir [u forsi anki b’ċertu sens ta’ solliev] li nista’ ngħid li din il-konsapevolezza qed tibda taqbad sew. Mill-2021, l-infiq fuq id-difiża tal-UE żdied b’aktar minn 30%. U fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, il-membri tan-NATO impenjaw ruħhom li jżidu l-baġits tad-difiża tagħhom għal 5% tal-PDG tagħhom, fatt li, sa sena biss ilu, ma kien jgħaddi minn moħħ ħadd.
 
Madankollu, bil-flus biss m’aħniex se nkunu aktar siguri. M’aħniex se nkunu aktar siguri jekk nibqgħu naħdmu kulħadd għal rasu, jekk nidduplikaw l-isforzi b’mod kostanti, jew jekk ma nippjanawx, ma niżviluppawx u ma nakkwistawx flimkien. Fl-Ewropa, għadna niffunzjonaw bħala 27 sistema separata u noperaw b’178 sistema ta’ armi differenti, filwaqt li l-Istati Uniti, jekk inqabbluhom, għandhom madwar 30.
 
Il-frammentazzjoni ta’ dan it-tip tfisser li nistgħu nipproduċu l-munizzjon kollu li rridu, u nistgħu nsaħħu lil xulxin bit-tagħmir militari kollha li nistgħu, iżda jekk is-sistemi tagħna huma inkompatibbli jew jekk il-forzi tagħna ma jkunux imħarrġa jużawhom b’mod korrett, allura l-isforzi kollha tagħna jkunu għal xejn. Hija din ir-raġuni għala mexjin daqshekk bil-mod u għala dawn l-isforzi qed jiswewlna ħafna flus.
 
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed ikompli jenfasizza, u għalhekk jien stess u l-Membri Latvjani tal-Parlament Ewropew kollegi tiegħi qed inkomplu nenfasizzaw, il-bżonn ta’ koordinament aħjar, ta’ koerenza akbar u l-kapaċità li noperaw bħala sistema waħda. Arkitettura ta’ sigurtà tassew Ewropea trid tkun maħsuba biex tikseb proprju dan. Spiss jistaqsuna xi rridu nfissru b’arkitettura ta’ sigurtà Ewropea? Huwa eżatt hekk li rridu nfissru: arkitettura li tiġbor flimkien il-kapaċitajiet militari, industrijali, politiċi u diġitali tagħna; arkitettura li tippermettilna nieħdu azzjoni malajr, b’aktar impatt u b’vuċi waħda.
 
Issa tifhmunix ħażin: in-NATO hija u se tibqa’ dejjem is-sinsla tad-difiża territorjali kollettiva tagħna. U s-sħubija li għandna mal-Istati Uniti hija unika. M’hemmx dubju dwar dan.
 
Naħseb li f’din id-dinja perikoluża, jagħmel aktar [mhux anqas] sens li nsaħħu s-sħubijiet ma’ sħab tal-istess fehma tagħna, pereżempju mal-Kanada u mar-Renju Unit. Dan il-punt dan l-aħħar għamiltu lill-mexxejja fil-laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea fid-Danimarka.
 
Nixtieq ukoll naħtaf dan il-mument biex nirrikonoxxi r-rwol indispensabbli li l-Latvja u l-Istati Baltiċi jiżvolġu fl-alleanza tan-NATO. Napprezza bil-kbir l-impenn tagħkom u ħerqana li nesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħi u tal-Parlament Ewropew għax-xaqliba tal-Lvant tagħna, kif ukoll għall-isforzi biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-Baħar Baltiku, matul iż-żjara tiegħi f’Camp Ādaži mal-Prim Ministru Siliņa aktar tard illum.
 
Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea għandha r-rwol tagħha x’tiżvolġi. U dak ir-rwol qed ikompli jikber – fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fir-reżiljenza ċibernetika u ibrida, fid-deterrenza strateġika, fil-bini tal-kapaċitajiet ta’ difiża. Mhux bid-duplikazzjoni ta’ dak li diġà jeżisti, iżda billi ssaħħu, billi tibni pilastru Ewropew sod fi ħdan l-alleanza, u billi ssaħħaħ lill-alleanza fl-intier tagħha. Billi tiżgura l-paċi permezz tal-forza. Billi taġixxi flimkien. Billi ssarraf fil-prattika din il-verità antika Ewropea skont liema “kollha għal wieħed u wieħed għal kollha”. Hawn hu xi tfisser l-Ewropa.
 
Għalhekk il-Parlament Ewropew ħa azzjoni b’ħeffa liema bħalha biex jadotta leġiżlazzjoni li se tgħin tibni l-ekonomiji ta’ skala billi jallinja l-ippjanar tad-difiża u l-akkwist tad-difiża fl-Ewropa kollha. U ninsabu ferm qrib li nilħqu ftehim mal-Istati Membri dwar il-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea. Dan se jgħin f’li nissemplifikaw il-proċessi, inneħħu l-ostakli u nsostnu l-kapaċità tal-industrija tad-difiża tagħna biex tikseb riżultati malajr, id f’id mal-bażi industrijali tal-Ukrajna.
 
Issa qed naħdmu biex nagħtu lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi tal-UE biex ikunu jistgħu jinvestu fil-proġetti b’użu doppju, anki fit-teknoloġija tad-droni. Matul iż-żjara tiegħi f’Kiev, il-President Zelenskyy kien, bħal dejjem, ċar ħafna meta qal li l-Ukrajna għandha kemm l-esperjenza fil-kamp kif ukoll il-kapaċitajiet industrijali biex tipproduċi aktar droni. Dak li jonqoshom iżda huwa l-finanzjament.
 
Il-Latvja tinsab fuq quddiem nett f’dan il-qasam u naf li tafu bl-impatt li dan it-tip ta’ finanzjament jista’ jħalli. Appoġġ bħal dan mhux biss isaħħaħ id-difiża tal-Ukrajna iżda jsaħħaħ ukoll il-prontezza tal-Ewropa. U din hi r-raġuni eżatt għala qed nippromwovu l-finanzjament għall-użu doppju fid-diskussjonijiet dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE.
 
Sinjuri,
 
Tkellimt ħafna dwar dak li qiegħed jagħmel il-Parlament Ewropew u dwar dak li naħseb hemm bżonn li jsir biex nagħmlu s-sistemi ta’ difiża tagħna aktar b’saħħithom u aktar reżiljenti, biex nibnu ekosistema tas-sigurtà li tħares lit-territorju u liċ-ċittadini tagħna. Iżda xejn minn dan mhu se jiswa jekk ma nżommux lill-gwerra fl-Ukrajna prijorità assoluta fl-aġenda tagħna. Kull wieħed u waħda minna għandna rwol x’niżvolġu biex nirreżistu l-għeja minħabba l-gwerra.
 
Issa nistgħu naqblu jew ma naqblux dwar ħafna affarijiet, iżda hemm fatt wieħed li huwa indiskutibbli: jekk nieqfu nixtru l-gass u l-enerġija mir-Russja, nolqtu fil-laħam il-ħaj il-magna tal-gwerra tar-Russja. Hekk se nagħmlu u se nagħmluh aktar malajr milli mistenni. U se nikkollaboraw mal-alleati u mas-sħab.
 
Għandna nkunu kburin bil-progress li għamlu l-Istati Membri biex jinħallu mill-enerġija tar-Russja. Jeħtiġilna nagħmlu saħansitra aktar minn hekk. Naturalment, l-eliminazzjoni gradwali ta’ dawn id-dipendenzi trid tkun akkumpanjata minn pjan. Iżda l-iskużi li għal tant u tant snin sa issa żammewna lura milli nagħmlu dan il-pass, altru li mhumiex insormontabbli. L-istess jgħodd f’dawk li huma l-assi ffriżati Russi.
 
U fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu, l-isforzi kollha tagħna, jiġifieri li ningħaqdu u nagħmlu tassew dak li kien mingħalina impossibbli sena, sentejn, tlieta, erbgħa jew ħames snin ilu, jiddependi minn ħaġa waħda: iż-żamma ta’ paċi ġenwina.
 
U jkolli ngħid li, f’ċertu sens, dan kollu seħħ b’sorpriża għalina lkoll. Bħala rappreżentanti politiċi, bħala politiċi eletti, meta jistaqsuna: “xi tfisser għalikom il-paċi?” Hija kelma li konna għamilnieha ħaġa fatta. Hija kelma li qatt ma staqsewni dwarha meta pajjiżi sar membru tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ dan il-pajjiż. U dak iż-żmien konna qed neżaminaw l-istabbiltà ekonomika, il-mod kif konna se nikbru bħala parti minn grupp strateġiku ta’ Stati Membri li flimkien iħaddnu valuri komuni u proġetti komuni. Iżda li forsi nsejna huwa l-fatt li l-Unjoni Ewropea, proprju fil-qalba tagħha, hija proġett ta’ paċi, u l-paċi teħtieġ l-isforzi.
 
Għalhekk meta lbieraħ, wara 733 lejl ma jispiċċaw qatt, fl-aħħar intlaħaq qbil dwar ftehim li jkun jeħles lill-ostaġġi u jistabbilixxi waqfien mill-ġlied f’Gaża, din kienet xi ħaġa li apprezzajna immens. Dan huwa mument ta’ paċi u tiġdid fil-Lvant Nofsani. Jiftaħ triq li tista’ finalment iġġib fi tmiemu ċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ vjolenza, tbatija u terrur li fena r-reġjun. Il-ftehim irid jiġi rispettat u jrid jiġi implimentat bir-reqqa.
 
Il-paċi qatt mhi faċli, tirrikjedi deċiżjonijiet diffiċli, xi kultant skomdi, iżda neċessarji. Dan hu minnu kemm jekk id-deċiżjonijiet għandhom x’jaqsmu mar-rwol kostruttiv li niżvolġu biex il-ftehim ta’ paċi f’Gaża jżomm, kemm meta nieqfu mal-Ukrajna u nibqgħu sodi fil-prinċipju “Xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”, kemm fil-progress fil-proċess meritokratiku ta’ tkabbir bħala prijorità ġeopolitika u strateġika ċara, kemm meta nsostnu d-demokrazija u niġġieldu kontra l-intimidazzjoni Russa fil-ġirien tagħna – ir-riżultati elettorali fil-Moldova qawwewlna qalbna imma emmnuni meta ngħidilkom li għadna ’l bogħod mit-tmiem ta’ din l-istorja, kif ukoll, kif għedt fil-bidu tal-intervent tiegħi llum, meta ninsistu biex l-Ewropa terfa’ r-responsabbiltà tas-sigurtà tagħha. Jeħtieġ li ngħaddu għal-livell ta’ difiża li jmiss.
 
Fuq dan il-punt, il-Latvja bagħtet sinjal qawwi ta’ impenn lid-dinja. Għall-ewwel darba fl-istorja tagħkom, se tkunu membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. F’isem il-Parlament Ewropew, nawguralkom suċċess u nistenna bil-ħerqa li nsostni flimkien magħkom dawn il-prijoritajiet kondiviżi.
 
Dan huwa, fil-fehma tiegħi, il-mument biex l-Ewropa turi determinazzjoni assoluta, akkost ta’ kollox, fil-qasam tas-sigurtà, u nafdaw fil-Latvja biex tgħin tkompli tiggwida din l-ispinta.
 
Grazzi.