"Dan huwa l-waqt li nerġgħu nqajmu l-qawwa tal-alleanza Transatlantika biex tkun forza għal bidla pożittiva fil-ħajjiet tan-nies. Li tkun forza għall-paċi u l-prosperità." Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet dan meta indirizzat lill-istudenti fl-Università ta' Georgetown f'Washington DC, l-Istati Uniti.
Ippermettuli nibda billi ngħid kemm hu pjaċir tiegħi li qiegħda hawn għax minn dejjem nammira lil din l-università straordinarja u l-impenn tagħkom f’dawn l-aħħar 236 sena biex tagħmlu lil din id-dinja tagħna post ftit aħjar. Nammira l-impenn tagħkom lejn il-komunità. Nammira l-fatt li tippromwovu l-bidla u ssawru l-protagonisti, tfajliet u ġuvintur li jikbru f’dan il-campus u li jifhmu l-valur li tkun għas-servizz tal-oħrajn, kemm fil-politika, fil-mediċina, fl-arti, fin-negozju, fid-diplomazija, fl-isport, fil-filosofija kif ukoll fl-istudji akkademiċi.
Din l-università, li twaqqfet mill-Ġiżwiti, mhijiex biss istituzzjoni Amerikana, iżda ikona globali tal-ħsieb liberu.
Kienu dawk is-snin formattivi tal-istudji tiegħi f’pajjiżi u f’oħrajn li nisslu fija l-passjoni għall-bidla. Żergħu fija l-idea li ħadd minna m’aħna spettaturi passivi u li qatt m’aħna ftit wisq jew wisq waħedna biex nagħmlu differenza reali. Kienet din l-idea, li forsi ma għadhiex in voga, tad-dover lejn kawża akbar minnek.
Biex nagħmel dan sibt l-iżbokk tiegħi fil-politika. Fil-fehma tiegħi, dik kienet l-aħjar arena biex nippromwovi l-bidla. Mhijiex l-unika, iżda minkejja l-botti u r-risposti li jġerrħuna, l-iskandli u l-iskrutinju, qiegħda hawn biex ngħidilkom li tibqa’ kawża nobbli. U nittama li wħud minnkom jagħmluh dan il-pass u jinvolvu ruħhom. Ma jimpurtax kemm jista’ jidher diffiċli. Għalhekk, jekk tridu tiftakru ħaġa waħda biss minn dak li ngħidilkom illum, ftakru f’din: intom il-ġenerazzjoni li jmiss tad-demokrazija u m’intomx hawn biex tibqgħu fil-ġenb. Se ngħidilkom tiggwidaw. Se ngħidilkom toħorġu għonqkom għal dak li temmnu fih.
Din il-biċċa xogħol mhux dejjem hija faċli. Se tħabbtu wiċċkom ma’ kritika. Kultant ġusta. Kultant anqas ġusta. In-nies se jiktbu affarijiet online li spiss ikunu orribbli biex taqrawhom. Għan-nisa, se tkunilhom inevitabbilment aktar iebsa. Iżda vallapena tiġġieldu għaliha. U hekk kif il-pressjonijiet fuq il-perkors tagħna jsiru aktar qawwijin, se nduru fuqkom biex taqbdu t-tmun f’idejkom kif kienu daru fuqna ta’ qabilna.
Fl-1988, eżatt barra minn dan il-bini fuq il-Healy Lawn, il-President Reagan kien għamel diskors dwar l-importanza tal-libertà bħala “l-ewwel prinċipju tas-soċjetà” u kellem lill-“miljuni li għadhom jgħixu taħt il-madmad tal-komuniżmu”.
Kienu miljuni dawk li semgħuh mill-Ewropa tagħna li kienu jgħixu taħt dak il-madmad. Nies li emmnu f’mod aħjar. Li ħarsu lejn l-Istati Uniti u lejn dik li dak iż-żmien kienet l-Ewropa tal-Punent. Dak il-kliem dewa fid-dinja kollha u f’widnejn dawk in-nies li, fil-pajjiżi Baltiċi, fil-Ġermanja tal-Lvant, fil-Polonja, fl-Ungerija u f’tant oħrajn, xtaqu li wliedhom jgħixu fil-libertà. Idea li tmur lura fiż-żmien daqs dan in-nazzjon iżda li tasal dritt f’ruħ kulħadd.
Sena wara, dak il-madmad sfaxxa u miljuni fl-Ewropa nħelsu minnu. Fuq sett tat-televiżjoni ċkejken ta’ dar nannti, niftakarni nara lill-Ħajt ta’ Berlin jikkrolla. Imbagħad, xahar wara biss, f’dik li kienet l-agħar maltempata f’ġenerazzjoni sħiħa, il-President Bush iltaqa’ mal-President Gorbachev f’Malta, f’pajjiżi, biex itemmu uffiċjalment il-Gwerra Bierda. Il-paċi li tant nies għal għexieren ta’ snin kienu jaħsbu li kienet impossibbli nstabet f’nofs il-Mediterran, fuq gżira twila 17-il mil u wiesgħa 9 mili. Ftakru f’dan id-darba li jmiss li jgħaddilkom minn raskom jew li jgħidulkom li intom żgħar wisq biex tagħmlu differenza.
Hu dak l-ispirtu li hemm bżonn naraw illum.
Il-ġenerazzjoni tiegħi hija l-aħħar waħda li kienet tafha lil dik id-dinja, dinja fejn id-demokrazija ma kinitx ħaġa fatta. Ħafna minnkom trabbejtu tafu biss il-paċi u, f’sens aktar ġenerali, il-prosperità. Forsi aljenajna ftit rasna, jew saħansitra ma qgħadniex biżżejjed għassa tal-idea li l-istil ta’ ħajja tagħna, ta’ soċjetajiet liberi u miftuħa, kien se jibqa’ hekk għal dejjem. Li konna rbaħna definittivament il-battalja ideoloġika ta’ żmienna. Forsi ħallejna l-pendlu jitbandal wisq, mingħalina li ma konna se nerġgħu lura qatt. Forsi nsejna l-lezzjonijiet tal-istorja.
Imbagħad ġie l-24 ta’ Frar 2022, meta l-karrijiet armati Russi daħlu fl-Ukrajna libera. Dakinhar, l-ordni internazzjonali tagħna qala’ daqqa ta’ ħarta, u s-sens ta’ sigurtà tagħna theżżeż. L-invażjoni tal-Ukrajna kienet żvolta ġenerazzjonali. Irrealizzajna li r-rabtiet ekonomiċi li konna bnejna u li kienu se jżommuna barra mill-periklu, ma għamlux hekk. Konna vulnerabbli. L-istil tagħna safa mhedded. Proprju dak kien ġie attakkat. U l-Ukrajna saret il-limitu tagħna li ma jistax jinqabeż. In-nuqqas ta’ libertà għadu parti mill-memorja ħajja tal-Ewropa. Nafu x’qegħdin nirriskjaw nitilfu u xorta se naffrontaw dan il-mument, biex niżguraw il-libertà u l-paċi. Paċi reali, mhux tjassir. Mhux paċi li twitti t-triq għal battalja aktar imdemmija aktar ’il quddiem.
Issa għalhekk, għal darb’oħra, id-demokraziji tagħna lkoll flimkien qed jintalbu jieħdu pożizzjoni u jaħdmu favur dik il-paċi tant diffiċli biex tinkiseb. Paċi li tirrikjedi sens ta’ tmexxija. L-Amerka u l-Ewropa kemm-il darba wrew li l-paċi u l-progress jirrikjedu kooperazzjoni, li l-libertà u l-ġustizzja mhumiex sempliċement ideali, iżda huma responsabbiltajiet kondiviżi. Il-futur komuni tagħna jiddependi mill-forza ta’ dik ir-relazzjoni trans-Atlantika. U l-isforzi konġunti tagħna għall-paċi fl-Ukrajna huma l-prova deċiżiva tal-forza dejjiema tagħna tal-mod kif ngħixu u tal-valuri li tant ngħożżu. Jien insejħilha t-test tal-ġenerazzjoni politika tagħna.
Ir-rabta ta’ bejnietna hija aktar minn waħda sempliċement ġeopolitika u storika, fundamentalment hija rabta loġika. Hemm bżonn naħdmu flimkien, insibu soluzzjonijiet kondiviżi għal sfidi komuni u għar-rikjesti simili ħafna li d-demokraziji tagħna jsibu quddiemhom.
Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, in-nies iridu l-istess affarijiet: akkomodazzjoni bi prezzijiet aċċessibbli, sigurtà, protezzjoni, impjiegi stabbli, it-tama għal futur aħjar għal uliedhom. U huwa d-dmir tad-demokraziji tagħna, tagħna lkoll li noħorġu għall-elezzjoni, li nwieġbu dawk ir-rikjesti. Ħadd aktar mhu se jagħmel dan minflokna. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, biex id-demokrazija taħdem, għandha toffri soluzzjonijiet għall-problemi reali li jkollhom in-nies. Inkella, ma għandniex assolutament nistagħġbu meta n-nies jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi li joffru biss tweġibiet foloz għal mistoqsijiet impossibbli.
Dawk minna li jinsabu f’pożizzjonijiet influwenti għandhom l-obbligu, u saħansitra d-dmir, li jżommu l-wegħdiet li saru ġenerazzjoni ilu. Fiż-żewġ kontinenti tagħna u lil hinn, numru dejjem akbar ta’ nies qegħdin jqiegħdu f’dubju d-demokrazija. Vallapena? Tgħid immur nivvota? Ħafna jagħżlu li ma jivvutawx jew jivvutaw kontra xi ħaġa minflok favur xi ħaġa. Bħala risposta għal dan, jeħtieġ nieħdu d-deċiżjonijiet kuraġġużi li jġibu l-bidliet li jridu n-nies. Jeħtieġ nuruhom bil-provi li l-perkors demokratiku komuni tagħna huwa t-triq it-tajba, saħansitra l-unika, biex nibnu futur għal kulħadd.
Il-verità hi li huwa ferm aktar faċli tbigħ narrattiva estremista. Għalhekk sta għalina nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insaħħu ċ-ċentru politiku u ningħaqdu ma’ min irid jibni, u mhux jeqred. Li nuru li għandna t-tweġibiet anki għall-aktar mistoqsijiet diffiċli, li, iva, il-kompromess għandu valur u li nippreferu ninkludu liċ-ċittadini pjuttost milli ngerrxuhom.
L-istil tagħna jrid jikseb riżultati aħjar u aktar malajr jekk irid jibqa’ l-mutur politiku ta’ din il-ġenerazzjoni. Ma nistgħux ninjoraw ir-realtà u nassumu li n-nies se jivvutaw sempliċement għax hekk dejjem għamlu jew għax hekk għamlu l-ġenituri tagħhom. Jeħtieġ li nikkonfrontaw lill-estremisti u jeħtieġ li negħlbulhom l-argument bil-fatti. B’azzjonijiet ankrati fil-valuri komuni tagħna. Lin-narrattiva tagħhom nisfidawha, mhux ninjorawha.
Dak ifisser li ċ-ċentru ma jridx biss iżomm sod iżda jrid jikseb riżultati. U dan qed isir aktar diffiċli, għalhekk jeħtieġ li nsiru aħjar. Il-pożizzjonijiet estremi qegħdin jikbru, u dan jhedded l-istil tagħna. Jeħtieġ inkunu onesti u dan nammettuh. Iżda t-theddid reali jasal jekk iċ-ċentru ma jkunx kapaċi jikseb riżultati konkreti. Għandna naqbdu l-barri minn qrunu, anki jekk huwa ferm diffiċli, anki jekk jidher impossibbli, u ma għandna qatt nissottostimaw kemm din is-sitwazzjoni kollha hija fraġli. Jista’ jirnexxilna, iżda jeħtieġ li ngħaġġlu aktar. Jeħtieġ inkunu aħjar. U jeħtieġ li dan nagħmluh flimkien.
L-ordni internazzjonali li minnu lkoll kemm aħna bbenefikajna, li jdawwar l-ekonomiji tagħna u jmexxi ’l quddiem lis-soċjetajiet tagħna, bnejnieh flimkien, mhux kulħadd għal rasu. Għalhekk ir-relazzjoni u s-sħubija trans-Atlantiċi tagħna huma importanti. Għalhekk l-għajta “America First” ma tistax issir “America alone”. U jkolli ngħid li l-laqgħat li kelli din il-ġimgħa hawn f’Washington DC qawwewli tassew qalbi. Rajt tassew differenza bejn ftit xhur ilu u llum.
Il-kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea bħalissa jiswa USD 1.7 triljun fis-sena. Minn mindu kkonkludejna ftehim kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-UE dan is-sajf, erġajna għamilna progress mil-lat ekonomiku u erġajna daħħalna l-opportunità u s-sigurtà għall-impriżi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Għax dan il-ftehim huwa biss pass wieħed ’il quddiem u għad fadal ħafna affarijiet xi jsiru.
Biex il-ħajja taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku ssir aktar faċli, aktar prospera, aktar sigura, jeħtieġ li nagħmlu ferm aktar ħalli l-ekonomiji tagħna jkunu jaħdmu għaċ-ċittadini. Fl-Ewropa, jeħtieġ assolutament li nagħmlu l-leġiżlazzjoni tagħna aktar ċara, aktar sempliċi u aktar faċli li tinftiehem.
Matul iż-żjara tiegħi hawn, tħadditt ma’ uffiċjali kapijiet eżekuttivi Amerikani u Ewropej b’negozji preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Jgħiduli li l-impriżi tagħhom għandhom bżonn jikbru fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Ewropa. It-tnejn li huma huma possibbli f’daqqa, u mhux askapitu ta’ xulxin.
Il-messaġġ tiegħi lilhom huwa kostantement l-istess wieħed: l-Ewropa miftuħa għan-negozju. Għax kulħadd igawdi minn ekonomija Ewropea aktar b’saħħitha. Kulħadd jista’ jgawdi minnha. Tiggarantixxi l-ekonomiji miftuħa tagħna. Tiggarantixxi wkoll ix-xbieki ta’ sikurezza soċjali li aħna kburin bihom. Għalina, din hi sitwazzjoni li fiha kulħadd joħroġ rebbieħ.
Fadlilna x’naqdfu. Jeħtieġ li l-Ewropa tagħmel aktar biex tissemplifika ħajjet in-nies, mhux tikkumplikaha. Iżda, fuq kollox, kemm l-ekonomija tal-Istati Uniti kif ukoll dik tal-Unjoni Ewropea mexjin fid-direzzjoni t-tajba.
Mhux dejjem naqblu bejnietna fuq kollox. Ħadd ma jistenna li jkun hekk minn alleati li jħaddnu l-libertà tal-ħsieb. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li ma nistgħux nikkooperaw u nitgħallmu minn xulxin u l-mod kif nagħmlu l-affarijiet. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, it-tnejn li aħna qegħdin naħdmu biex it-teknoloġiji tal-futur, bħall-intelliġenza artifiċjali, ikunu għas-servizz tad-demokrazija, mhux jabbużaw minnha jew jagħmlulha d-deni. Dawn huma setturi li fihom għandna nikkollaboraw, mhux nimxu f’direzzjoni opposta minn ta’ xulxin. Kif qalli darba xi ħadd, il-battalja trasformattiva li jmiss u li se jkollna naffrontaw hija dik bejn l-IA demokratika u l-IA awtokratika, pereżempju. Jiena konvinta li ninsabu fuq l-istess naħa f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet il-kbar.
Għandna nuru li l-approċċ demokratiku tagħna, iċ-ċentru sod tagħna, anki jekk mhux daqshekk eċċitanti, jista’ jipproduċi bidla u nistgħu niżguraw il-paċi.
Inkwantu Amerikani u Ewropej, napprezzaw il-paċi. Nifhmu s-sagrifiċċju li spiss wisq kien hemm bżonn li jsir biex niksbuha. L-istejjer tagħna – familji li kibru flimkien fiż-żewġ kontinenti – inkitbu fis-sagrifiċċji ta’ dawk li taw kollox biex il-libertà toħroġ rebbieħa fuq it-tirannija. Fi kliem il-President Clinton, wieħed mill-ex studenti ta’ din l-università: “Ġenerazzjonijiet ta’ Amerikani fehmu li l-libertà tal-Ewropa u l-istabbiltà tal-Ewropa huma vitali għas-sigurtà nazzjonali tagħna”. Dan il-kliem għadu minnu sal-ġurnata tal-lum.
Dan ifisser li l-Ewropa jeħtiġilha tirrealizza li hemm bżonn niżvolġu rwol aktar inċiżiv fid-difiża tagħna. Vera li xi kultant insibuha diffiċli nadattaw għall-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel malajr bil-ħeffa u bl-aġilità li hemm bżonn. Imma l-istorja qed tinbidel malajr. Dan qed narawh fuq wiċċna kuljum. Qed naħdmu biex nilħqu l-objettiv il-ġdid tan-NATO ta’ 5% tal-PDG iddedikat għad-difiża. Is-sena l-oħra, l-infiq fuq id-difiża min-naħa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea laħaq livelli liema bħalhom. Sadattant, qed naħdmu biex inżidu l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ difiża tagħna u nżidu l-produzzjoni. Nafu li l-paċi jeħtieġ li nsibuha u nżommuha permezz ta’ dan.
Sigurtà, prosperità u progress kondiviżi: il-pjan direzzjonali tagħna jrid jikkonsisti minn dawn l-elementi biex niżguraw li d-demokraziji tagħna jżommu dak li wiegħdu. Jiġifieri li jiksbu riżultati li ċ-ċittadini jistgħu jifhmu, li jistgħu jaraw u li jistgħu jħossu kuljum.
Ippruvajt inkun pjuttost skjetta rigward l-isfidi li għandna quddiemna. Iżda nemmen li bħala alleati stretti, nistgħu negħlbuhom u se negħlbuhom, u li d-demokrazija, bid-difetti u bin-nuqqasijiet kollha tagħha, vallapena li niddefenduha. U li l-istil tagħna għadu jista’ jkun dik il-forza li tmexxi lil din id-dinja, li tant għandha bżonn. Il-ġenerazzjoni tagħkom għadha tista’ tara l-politika bħala żbokk għall-bidla.
Grazzi.