Il-President Metsola qalet li jekk tittieħed deċiżjoni dwar is-self ta’ riparazzjonijiet għall-Ukrajna, il-Parlament se juża l-proċedura urġenti u jivvota dwarha f’Jannar.
Grazzi, António. L-Unjoni Ewropea, min-natura tagħha stess, hija proġett ta’ paċi, u kull sforz sinċier favur il-paċi għandu jiġi dejjem milqugħ pożittivament, dejjem. F’dawn l-aħħar ġimgħat għamilna progress reali biex inġibu l-gwerra fl-Ukrajna fi tmiemha. Qatt ma konna daqshekk qrib li nikkonkludu ftehim ta’ paċi, u jeħtieġ li nżommu r-ritmu għaddej. F’dan il-mument kritiku, jibqa’ strateġikament importanti li nkomplu nsostnu lill-Ukrajna bil-qawwa kollha tagħna. Mill-esperjenza nafu li biex tkun reali u dejjiema, il-paċi trid tiġi b’dinjità, b’ġustizzja u b’libertà. Dak ifisser garanziji ta’ sigurtà sodi u r-rispett tal-prinċipju “Xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”. Huma dawk il-premessi ta’ kwalunkwe ftehim kredibbli. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nuru sinjali ta’ fraġilità jew ta’ firda. Ir-Russja teħtieġ tħoss il-pressjoni biex tpoġġi mal-mejda tan-negozjati, u jeħtieġ li tifhem li huwa impossibbli li ġġib il-firda bejn l-Ewropa, l-Ukrajna u l-Istati Uniti. Minkejja l-kumplikazzjonijiet kollha tagħna, il-maġġoranzi fil-Parlament Ewropew rigward l-Ukrajna għadhom b’saħħithom. Mill-aħħar darba li ltqajna, il-Membri adottaw l-EDIP, il-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea. Ilħaqna ftehim mal-Kunsill biex inġibu fi tmiemhom l-importazzjonijiet ta’ gass Russu, ħaġa li l-Parlament Ewropew ilu jinsisti fuqha żmien twil. Il-fattur l-aktar deċiżiv bħalissa huwa l-finanzjament. L-Ukrajna ma baqagħlhiex wisq flus. Għalhekk hemm bżonn urġenti li nsibu mod kif ngħollu l-prezz li r-Russja qed tħallas għall-gwerra billi ninsistu fuq “paċi permezz tal-forza”. Wasal il-mument li nimxu ’l quddiem u nippreżentaw front b’saħħtu. Meta ngħidu li l-Ewropa jeħtiġilha terfa’ r-responsabbiltà tas-sigurtà tagħha, huwa proprju dan li rridu nagħmlu. Tistgħu sserrħu raskom mill-fatt li l-Parlament Ewropew se jagħmel il-parti tiegħu. Dwar is-self marbut mar-reparazzjonijiet, jekk tittieħed deċiżjoni hawn f’dan ir-rigward, se nużaw il-proċedura urġenti tagħna. Imbagħad inkunu nistgħu nivvutawh f’Jannar u naħdmu malajr mal-Kunsill biex nadottawh. Nifhmu perfettament mhux biss l-importanza ta’ dan il-pass iżda wkoll l-urġenza tal-mument. Dwar il-finanzjament, in-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali joffru opportunità unika biex naslu għal baġit fit-tul li jappoġġja l-prijoritajiet tagħna u jkun tassew adatt għall-iskop. Id-diskussjonijiet inizjali tal-Parlament qajmu xi tħassib li għandu x’jaqsam mar-reġjuni, mal-Politika Agrikola Komuni u mal-governanza. F’dan il-kuntest, jien, il-Prim Ministru Daniża u l-President tal-Kummissjoni Ewropea kellna diskussjonijiet tassew kostruttivi fil-laqgħa tagħna skont l-Artikolu 324. Sibna kompromessi li bis-saħħa tagħhom irnexxielna nagħmlu mhux pass wieħed biss, iżda żewġ passi ’l quddiem. U naħseb li dan jgħid ħafna dwar dak li nistgħu niksbu, u kemm nistgħu niksbuh malajr, meta l-istituzzjonijiet tagħna jikkollaboraw. Dan iwassalni għall-ħidma leġiżlattiva aktar ġenerali tagħna. Il-Parlament Ewropew qiegħed jikseb riżultati. Ir-riformi proċedurali li għamilna s-sena l-oħra ppermettewlna naħdmu b’ħeffa u b’effikaċja. Biss biss, f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Parlament u l-Kunsill iffinalizzaw ix-xogħol dwar ir-rieżami tal-kunċett ta’ pajjiż terz sikur, il-pakkett omnibus dwar l-agrikoltura, l-EDIP (jiġifieri l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea li semmejtilkom qabel), il-prontezza tad-difiża, l-objettiv għall-2040, id-deforestazzjoni, il-garanziji agrikoli fil-ftehim kummerċjali mal-Mercosur u l-pakkett farmaċewtiku. Ħafna minnhom kienu ġew identifikati bħala prijoritajiet fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ din is-sena. Konna għedna li se nlestuhom u hekk għamilna. F’ċerti fajls, kien il-Parlament li fir-realtà ħadem biex jinkisbu riżultati aktar ambizzjużi. Ir-ritmu ta’ xogħolna se jkompli fis-sena l-ġdida. Nixtieq b’mod partikolari nagħmel referenza għal żewġ oqsma. Il-kummerċ trans-Atlantiku jibqa’ essenzjali, u f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-Parlament se jadotta l-pożizzjoni tiegħu f’Jannar. Nixtieq ukoll ngħid kelmtejn dwar il-kalendarju tal-Parlament rigward ir-Regolament dwar ir-Ritorni. Il-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se jkun totalment applikabbli f’nofs is-sena d-dieħla. Xi elementi diġà qed jiġu implimentati, u nieħu din l-opportunità biex nilqa’ l-ftehim reċenti dwar ir-riżerva ta’ solidarjetà. Aħna u nitkellmu, għaddej trilogu dwar il-lista tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri u jiena ottimista ħafna li se jkun l-aħħar wieħed. Għal dak li għandu x’jaqsam mar-Regolament dwar ir-Ritorni, l-għan tagħna huwa li nikkonkluduh malajr u b’effiċjenza, billi l-intenzjoni tagħna hija li nibdew in-negozjati mal-Kunsill fil-bidu tas-sena. Kif għamilna bil-fajls l-oħra li kkonkludejna din is-sena, se nipproċedu b’mod effiċjenti u anki f’dan il-każ se ntemmuh b’suċċess. Illum, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi l-prijoritajiet leġiżlattivi tagħna u li tinkludi lista ta’ għaxar fajls biex jiggwidaw xogħolna fis-sena li ġejja. Din hi l-ewwel darba fi snin sħaħ li t-tliet istituzzjonijiet tagħna rnexxielhom jaqblu dwar ġabra ta’ prijoritajiet komuni u mmirati. Dan hu sinjal ta’ għaqda li ma nenfasizzawx, jew ma nisfruttawx, biżżejjed. Nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet dwar il-kontenut tad-Dikjarazzjoni Konġunta. L-ewwel nett, huwa tajjeb li hemm inkluż il-pakkett ta’ miżuri għas-settur awtomobilistiku, ħaġa li l-Parlament Ewropew ilu jistenna bil-ħerqa u li se jaħdem b’intensità fuqha. Fuq livell aktar ġenerali, rigward il-ħidma tagħna biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva, iva, is-semplifikazzjoni tar-regoli għall-impriżi hija importanti. L-aħħar projezzjonijiet jindikaw tkabbir tal-PDG ta’ 1.4% fl-UE. L-inflazzjoni niżlet għal 2%, filwaqt li l-pagi, bħala medja, qed jiżdiedu b’ritmu aktar mgħaġġel. Is-settur teknoloġiku tagħna qiegħed jerġa’ joħloq l-impjiegi, u din is-sena l-impjiegi l-ġodda kienu 1.6 miljun. L-esportazzjonijiet tal-UE rreġistraw irkupru qawwi u l-industrija bdiet turi sinjali ta’ fiduċja, speċjalment bis-saħħa tal-ħidma tagħna li qed tagħti nifs lill-impriżi. Iżda s-semplifikazzjoni hija biss wiċċ wieħed tal-midalja. Hemm bżonn ukoll li nagħmlu aktar, ferm aktar, biex ninċentivaw l-investimenti u nlestu s-suq uniku. Dawn huma l-partijiet l-oħra tar-Rapport Draghi li forsi ma nenfasizzawx biżżejjed. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, jekk irridu nibqgħu ngħixu kif qed ngħixu, jeħtieġ nagħtu lill-impriżi tagħna l-ispazju biex jikbru. Nixtieq nikkonkludi billi nfakkarkom li l-Att Elettorali tal-UE ġie emendat b’mod immirat biex il-Membri nisa tal-Parlament Ewropew li jkunu tqal jew li jkunu għadhom kif welldu jingħataw l-għażla li jiddelegaw il-vot tagħhom. Naf li ħafna minnkom esprimew l-appoġġ tagħhom, iżda jeħtieġ li din l-emenda tiġi approvata. Dan ifisser ħafna għall-Parlament Ewropew u għall-Membri tiegħu. U jibgħat messaġġ qawwi li juri li meta ngħidu li nappoġġjaw lin-nisa, ma nkunux qed nagħmlu hekk bil-kliem biss iżda, fuq kollox, bil-fatti wkoll. Grazzi.
You may find here the transcriptions of her speech per language: