Hi u tindirizza l-Forum bejn l-UE u r-Renju Unit, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li għaxar snin wara l-Brexit, wasal iż-żmien li nibdew paġna ġdida fis-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Nirringrazzjak, Paul, tal-introduzzjoni, tal-istedina u tal-impenn. Huwa pjaċir tiegħi li qiegħda hawn. Ikolli ngħid, f’dinja fejn kostantement kollox qed jitpoġġa f’dubju, nieħu tassew ir-ruħ meta nkun qiegħda f’sala li fiha l-valur tal-kooperazzjoni Ewropea jinftiehem. Min kellu jgħidilna, fl-2016, li kont se nkun qed ngħid dan il-kliem quddiem sala nofsha mimlija b’rappreżentanti tal-UE u n-nofs l-ieħor bi Brittaniċi? Naħseb imxejna ħafna ’l quddiem. Il-messaġġ li nwasslilkom illum huwa l-istess bħal dak li wassalt Londra ftit ġimgħat ilu. Din is-sena nfakkru l-għaxar anniversarju tal-vot li bih il-Gran Brittanja ddeċidiet li toħroġ mill-Unjoni Ewropea. L-ex Prim Ministru Brittaniku Harold Wilson darba qal li, fil-politika, ġimgħa hija perjodu twil ħafna. Jekk dan hu minnu, mela deċennju huwa għomor sħiħ: żmien biżżejjed biex nindunaw li m’hemmx alternattiva għal relazzjoni b’saħħitha u kostruttiva bejn l-UE u r-Renju Unit. U t-tibdil li qed naraw fix-xenarju ġeopolitiku xejn m’għamel għajr dak li qawwa din il-konvinzjoni. Issa, għall-ewwel darba f’għaxar snin, qed naraw fiż-żewġ naħat ir-rieda li nagħfsu l-buttuna “reset” fir-relazzjoni tagħna. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea reġgħet daħlet fil-qalba tad-dibattitu pubbliku fir-Renju Unit irrikjeda kuraġġ politiku kbir min-naħa tal-Prim Ministru Keir Starmer u tal-gvern tiegħu – u naħseb li nagħmlu sew jekk naħtfu din l-okkażjoni. Mhux minħabba nostalġija ta’ dak li kien, iżda għal dak li huwa bħalissa u dak li jista’ jkun. Huwa imperattiv strateġiku għaż-żewġ naħat. U minn kif nifhimha jien, l-opportunità li għandna quddiemna hija reali.
M’iniex hawn illum biex ninnegozja kwistjoni speċifika. Dak hu xogħol il-Kummissarju Šefčovič, u qiegħed jagħmlu pjuttost tajjeb. Nixtieq però nispjega l-mod kif il-Parlament Ewropew biħsiebu jipproċedi f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp aktar ġenerali ta’ din is-sħubija. L-ewwel u qabel kollox, jeħtiġilna nitfgħu l-emozzjonijiet fil-ġenb waqt id-diskussjonijiet. Ma nistgħux inkomplu ndawru kull konverżazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħna fi kwistjoni eżistenzjali, u nirriduċuha għad-dibattitu li issa qdiem dwar il-fatt jekk ir-Renju Unit għandux jerġa’ jidħol jew le fl-Unjoni Ewropea. It-tnejn li aħna ħatja ta’ dan, u jeħtieġ li nieqfu nagħmlu hekk. Insomma, ippruvaw immaġinaw kieku kull darba li niddiskutu bidla politika fl-Unjoni Ewropea, ngħaddu minnufih għal dibattitu dwar il-bdil tat-Trattati. Kieku ma tantx nimxu ’l quddiem. Jeħtieġ nieqfu noħolqu ostakli emottivi u nsibu t-triq ’il quddiem li tirrispetta l-għażla tal-poplu Brittaniku, iżda li tkun tista’ twieġeb għall-isfidi tal-lum b’mod realistiku u pragmatiku. Din mhijiex kwistjoni li nagħżlu jekk nadottawx il-mudell “Żvizzeru” jew dak “Norveġiż” – spiss jistaqsuhieli din. Jeħtieġ minflok nitkellmu dwar mudell speċifikament “Brittaniku”. Ir-Renju Unit mhuwiex pajjiż terz bħall-oħrajn. Huwa ex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u bħala tali jeħtieġ li jitqies. L-attenzjoni għandha tkun fuq dak li jaħdem – u diġà hemm ħafna affarijiet li jaħdmu. Ejjew nieħdu bħala eżempju s-sigurtà u d-difiża. Il-kooperazzjoni Ewropea fl-ambitu tan-NATO ilha 76 sena tagħtina l-frott. Meta t-tensjonijiet dwar Greenland ħraxu, ir-risposta deċiża tagħna għenet biex tittaffa s-sitwazzjoni. U bis-saħħa tal-appoġġ tagħna – anki permezz tal-Koalizzjoni tal-Partijiet Disposti – l-Ukrajna għadha tirreżisti bil-qawwa. Għalhekk il-konklużjoni tas-Sħubija UE-Renju Unit għas-Sigurtà u d-Difiża fl-okkażjoni tal-ewwel Summit UE-Renju Unit tas-sena li għaddiet kienet pass importanti. Ma wrietx biss responsabbiltà imma sens ta’ tmexxija wkoll. U għall-Parlament Ewropew, dan kien biss punt tat-tluq. Hemm ħafna aspetti f’dak il-ftehim li fuqhom nistgħu – u jeħtiġilna– inkomplu naħdmu. Hemm ċertament lok għal kooperazzjoni f’oqsma bħall-akkwist konġunt, iċ-ċibersigurtà u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tagħna. Imma jekk irridu tassew nagħtu spinta ġdida lir-relazzjoni tagħna, jeħtieġ li nibdew minn fejn in-nies u l-impriżi tagħna jistgħu jħossuha l-aktar. Ilbieraħ ir-Renju Unit u l-UE ffirmaw ftehim li jippermetti lill-Gran Brittanja terġa’ tidħol fil-programm Erasmus+. Huwa proprju dan it-tip ta’ kooperazzjoni li ġġib riżultati konkreti, li jinħassu minn kulħadd. Juri dak li hu possibbli aħna u mexjin lejn it-tieni Summit UE-Renju Unit. Fil-fehma tiegħi, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit stabbilixxa l-qafas, imma dan ma jfissirx li xogħolna lest. Xorta waħda għandna r-responsabbiltà li nnaqqsu l-kostijiet u nagħmlu ħajjet in-nies aktar faċli fl-ambitu ta’ dak il-Ftehim. Il-Brexit għamel il-qafas regolatorju għall-impriżi aktar imċajpar minn kemm lesti nammettu. Dan l-aħħar iltqajt mal-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ kumpanija Ewropea li għażlet li tagħlaq l-attivitajiet tagħha fir-Renju Unit minflok milli tinnaviga f’sitwazzjoni tant kumplessa. Din mhijiex dikjarazzjoni politika, hija realtà prattika. U hu proprju dan it-tip ta’ sitwazzjoni li jeħtiġilna nsolvu. Ftehim sanitarju u fitosanitarju, pereżempju, ikun ifisser, fil-prattika, anqas trakkijiet maqbudin fil-fruntiera. Ikun ifisser kostijiet aktar baxxi. Jekk noħolqu rabta bejn is-swieq tal-karbonju tagħna, inkunu nagħtu lill-impriżi regoli aktar ċari qabel ma jiddeċiedu li jibnu fabbrika ġdida jew jimmodernizzaw stabbiliment li diġà jeżisti. Barra minn hekk, ftehim fil-qasam tal-enerġija u l-elettriku jkun jgħin biex tiġi garantita provvista ekonomikament aċċessibbli, stabbli u prevedibbbli: proprju dak li għandna bżonn biex inħaddmu t-tranżizzjoni lejn l-intelliġenza artifiċjali. Is-sitwazzjoni fl-Istrett ta’ Hormuz tagħmel lil din il-kwistjoni partikolarment urġenti. Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ waħda mill-kostitwenti tiegħi u apprezzajt iċ-ċarezza li biha esprimiet il-kunċett. Qalet li m’għadux biżżejjed li niddeskrivu s-sitwazzjoni: issa għandna bżonn is-soluzzjonijiet. Soluzzjonijiet li jaħdmu biss jekk ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jiġbdu l-istess ħabel. Nilqa’ l-koalizzjoni li r-Renju Unit u Franza qed jibnu biex jerġgħu jġibu l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta’ Hormuz. Huwa proprju dan it-tip ta’ kollaborazzjoni li għandna bżonn – u iva, dan jgħodd ukoll għall-kwistjonijiet aktar kontroversjali bħall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-azzar, is-sajd u l-mobbiltà tal-istudenti. Wasal il-mument li nindirizzaw il-kwistjonijiet fundamentali u nitfgħu l-pedamenti għal fiduċja dejjiema. Qasam ieħor li fih il-kooperazzjoni tagħmel sens huwa t-teknoloġiji, speċjalment diġitali, il-ġodda. L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fil-livell dinji fir-riċerka dwar l-intelliġenza artifiċjali. Ir-Renju Unit wera kif inbiddlu dak kollu f’suċċess kummerċjali, billi ħoloq ekosistema ta’ kapital ta’ riskju u start-ups soda ħafna. Imma l-potenzjal tas-suq tal-Unjoni Ewropea huwa enormi u ma għandux jiġi sottovalutat. Se jikber saħansitra aktar ladarba l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u s-suq uniku diġitali jsiru totalment realtà. Il-biża’ tiegħi huwa li, f’settur diġà ddominat miċ-Ċina u mill-Istati Uniti, jekk ma nikbrux flimkien nissugraw li nibqgħu lura waħedna. Ovvjament, illum għandna strutturi u dinamika politika differenti: dan għalkollox normali. Lanqas m’jien biħsiebni nagħmilha tabirruħi li l-Unjoni Ewropea hija perfetta – altru li mhijiex. Qattajna wisq żmien ngħaddu liġijiet dwar kwistjonijiet li, għad li b’intenzjonijiet tajba, xi kultant insew il-kuntest ġenerali. F’din l-aħħar sena kkalibrajna mill-ġdid l-objettivi tagħna. Bħalissa, infatti, qegħdin fil-milja ta’ rieżami importanti tal-leġiżlazzjoni biex nissemplifikaw ir-regoli. Is-sena d-dieħla, aktar minn nofs il-proġetti li se naħdmu fuqhom se jkun orjentat lejn dan l-objettiv. Dan diġà semmejtu qabel, imma qegħdin naħdmu wkoll biex innaqqsu l-frammentazzjoni fis-settur tas-swieq kapitali, bankarju, diġitali u enerġetiku tagħna. Proposta li qiegħda b’mod partikolari timliena b’entużjażmu hija dik imsejħa “EU Inc.”, li se ddaħħal ġabra unika ta’ regoli għall-kumpaniji, li biha se jkun aktar faċli għalihom biex jikbru u jagħmlu negozju fl-Ewropa. Il-Parlament impenja ruħu jlesti dan il-proġett u l-proposti dwar l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti sa tmiem is-sena. L-istess spinta testendi ruħha anki għas-setturi tas-sigurtà u tad-difiża. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-pajjiżi tal-UE membri tan-NATO wiegħdu li jżidu l-infiq fuq id-difiża għal 5% tal-PDG tagħhom. Biss biss, f’dawn l-aħħar erba’ snin, l-infiq tal-UE għad-difiża żdied b’aktar minn 60%. Dan minn perspettiva ta’ finanzjament biss. Qed nagħmlu wkoll aktar biex innaqqsu l-burokrazija bla bżonn b’tali mod li l-produzzjoni timxi aktar malajr. Qed ninċentivaw l-akkwist konġunt. U qed niżguraw li t-truppi u t-tagħmir ikunu jistgħu jiċċaqalqu malajr u b’mod sikur bejn il-fruntieri. Għaliex id-differenza bejn il-falliment u s-suċċess – u dan tgħallimnieh fuq medda ta’ snin – ħafna drabi tiddependi mil-loġistika. Fil-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà, il-Prim Ministru Keir Starmer qal: “Ir-Renju Unit m’għadux l-istess wieħed li kien fis-snin tal-Brexit.” Lanqas mhi l-Unjoni Ewropea. Qlibna l-folja fuq dak kollu. Nafu li, f’dinja dejjem aktar kompetittiva u imprevedibbli, il-ġirien li għandhom l-istess valuri u l-istess interessi jiksbu riżultati aħjar meta jikkollaboraw. Dan ma għandux x’jaqsam ma’ li niftħu diskussjonijiet qodma. Għandu x’jaqsam ma’ li nħabbtu wiċċna mad-dinja kif inhi. Naħtfu dak li hu possibbli – u tassew hemm ħafna aktar li huwa possibbli llum, li ma kienx hemm ilbieraħ, u jaf ma jkunx hemm għada. Grazzi.