L-Ukrajna qatt mhu se tkun waħedha fit-triq lejn il-paċi - Il-President Metsola f'Kiev  

 

L-Ukrajna qatt mhu se tkun waħedha fit-triq lejn il-paċi - Il-President Metsola f'Kiev  

Kiev  
 
 

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Robert Metsola tinsab f'Kiev bil-messaġġ qawwi ta' appoġġ tal-Parlament. Waqt li kienet qed tindirizza lill-Verkhovna Rada, hija qalet li hekk kif l-Ewropa kienet mal-Ukrajna mill-ewwel jum, aħna se nibqgħu magħkom.

       

Onorevoli President, Onorevoli Membri,
 
Huwa unur kbir ħafna għalija li ninsab preżenti hawn f’mandat ġdid tal-Parlament Ewropew.
 
Nixtieq nibda billi nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lilkom kollha wara l-qtil tal-ex President tagħkom Andriy Parubiy. Kien parti minn din l-istituzzjoni parlamentari kbira u n-nuqqas tiegħu se jinħass. It-telfa tiegħu tfakkarna fil-prezz f’termini umani ta’ din il-gwerra, u fl-urġenza kbira biex din il-gwerra tiġi fi tmiemha.
 
Żort il-Ħajt ta’ Tifkira eżatt qabel ma ġejt hawn. L-impatt jinħass b’kull mewta, f’kull familja, f’kulħadd.
 
Naf li l-paċi se terġa’ tiġi u li l-Ukrajna se toħroġ rebbieħa. Iżda kemm se tasal malajr dik il-paċi, u b’liema kundizzjonijiet, jiddependi minnkom. Għax xejn ma jista’ jiġi, ma għandu jiġi jew mhu se jiġi deċiż dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna.
 
Ma għandkomx bżonn kliem ta’ empatija min-naħa tiegħi. Dak li għandkom bżonn u dak li l-Ewropa tat sa mill-bidu nett, u li se tkompli tagħti, huwa appoġġ reali. Appoġġ b’armi, b’munizzjon u b’taħriġ. Appoġġ b’għajnuna umanitarja għall-familji li tilfu djarhom u lill-għeżież tagħhom. Appoġġ permezz ta’ sanzjonijiet ħorox biex tiddgħajjef il-magna tal-gwerra tar-Russja u appoġġ permezz tad-diplomazija biex il-kawża tal-Ukrajna tibqa’ prijorità assoluta fl-aġenda tagħna. Appoġġ f’termini ta’ investimenti reali, anki fil-produzzjoni tal-Ukrajna stess.
 
B’dan il-mod, flimkien, niddefendu lill-Ukrajna, u nersqu aktar viċin il-paċi. B’dan il-mod naħdmu biex inġibu lura f’darhom kull tifel u tifla tal-Ukrajna li nħatfu. B’dan il-mod inġibu lura lil dawk iċ-ċivili kollha li għadhom maħtufa.
 
Jeħtiġilna nitkellmu ċar għal liema tip ta’ paċi qegħdin naħdmu. B’“paċi” falza ma nkunu qed nagħmlu xejn ħlief nipposponu l-gwerra bi ftit xhur jew snin, u warajha tfaqqa’ oħra b’konsegwenzi saħansitra agħar. Il-pożizzjoni tagħna hija ċara: il-paċi trid tkun permanenti, trid tkun ibbażata fuq il-ġustizzja u trid tkun ibbażata fuq id-dinjità. Paċi li tirrispetta s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.
 
L-Ewropa, bħall-Ukrajna, dejjem riditha l-paċi. Proprju għal din ir-raġuni twaqqfet l-Unjoni tagħna. Imma trid tkun paċi reali, paċi li ddum, paċi li żżommna lkoll sikuri. Għalhekk inkomplu ninsistu fuq garanziji ta’ sigurtà, u għalhekk qed naħdmu ma’ sħabna biex nittrasformawhom f’realtà. Ninsabu lesti, determinati u kapaċi, u dan hu wkoll il-messaġġ li bgħatna lil sħabna l-Istati Uniti.
 
Mill-ewwel ġurnata li fiha faqqgħet din il-gwerra, l-Ewropa baqgħet spalla ma’ spalla magħkom. Konna l-ewwel li ġejna Kiev meta l-bombi bdew jaqgħu, mal-President Zelenskyy u magħkom kollha, u qatt ma tlaqna. Fil-fatt id-determinazzjoni tagħna saret biss aktar qawwija. L-Unjoni Ewropea diġà mmobilizzat EUR 169 biljun, fosthom EUR 63 biljun f’appoġġ militari. Qed nimxu ’l quddiem f’dawk li huma l-assi ffriżati Russi. Qed inżidu l-investimenti fl-industrija tad-difiża tal-Ukrajna, qed inwessgħu l-akkwist mill-produtturi Ukreni u qed nagħmlu passi ’l quddiem f’dawk li huma inizjattivi konġunti ġodda bħall-Alleanza dwar id-Droni l-ġdida.
 
U nafu li hemm bżonn nagħmlu aktar, ferm aktar, biex inkomplu nagħtu l-appoġġ finanzjarju li jeħtieġ pajjiżkom.
 
Fl-istess ħin, qed inkomplu neżerċitaw pressjonijiet fuq ir-Russja. Qed nistennew li d-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet jiġi adottat f’qasir żmien, u qed nikkoordinaw b’mod strett mal-alleati tagħna biex niżguraw li l-impatt ikun kemm jista’ jkun kbir. U se nkomplu ninqatgħu mill-gass u miż-żejt tar-Russja, u b’ritmu aktar mgħaġġel. Se nindirizzaw il-flotot mistura li għadhom joperaw.
 
Dan għandu x’jaqsam mas-solidarjetà fl-azzjoni iżda, fl-aħħar mill-aħħar, għandu x’jaqsam mas-sigurtà kollettiva tagħna wkoll.
 
Parti minn dik is-solidarjetà u dik is-sigurtà tirrigwarda wkoll post l-Ukrajna fl-Unjoni tagħna. L-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea hija garanzija ta’ sigurtà fiha nnifisha, u mexjin ’il quddiem flimkien f’din it-triq. Il-progress tal-Ewropa jrid ikun daqs il-progress li diġà għamiltu, bil-pass li jmiss ikun il-ftuħ formali tal-hekk imsejħa “ġabra tal-elementi fundamentali”. Jien fiduċjuża li se nsibu t-triq ’il quddiem. U ppermettuli nserrħilkom raskom li għandkom l-appoġġ totali tal-Parlament Ewropew f’dan ir-rigward.
 
L-integrazzjoni Ewropea mhijiex kunċett astratt, iġġib magħha riżultati reali u tanġibbli. Il-ftehim dwar ir-roaming li tħabbar f’Lulju diġà qed jgħin liċ-ċittadini u lill-impriżi. Il-Faċilità għall-Ukrajna diġà żburżat EUR 22.7 biljun, u l-appoġġ ulterjuri huwa marbut mar-riformi li jagħmlu lill-istituzzjonijiet tagħkom aktar b’saħħithom u aktar reżiljenti. Huwa fundamentali li r-Rada tkompli tagħmel progress f’dawn ir-riformi u li tuża proċeduri rapidi għal-leġiżlazzjoni ta’ importanza kritika.
 
U dawk ir-riformi huma importanti, b’mod partikolari dawk marbuta mal-Pjan Ukren. Kien sinjal importanti l-fatt li rġajtu tajtu l-poteri lill-organi tagħkom kontra l-korruzzjoni, u l-Verkhovna Rada tat xhieda ta’ determinazzjoni kbira meta adottat leġiżlazzjoni biex tkun allinjata mal-istandards tal-Unjoni Ewropea. Din mhijiex kwistjoni li tissodisfaw rekwiżiti purament formali, għandha x’taqsam mal-bini ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom u trasparenti li jistħoqqilhom l-Ukreni, u dan se jkun il-pedament tal-futur tal-Ukrajna bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
 
Rigward il-kummerċ, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles li ntlaħaq f’Ġunju jwitti t-triq għal qafas stabbli u prevedibbli li jsostni l-perkors ta’ adeżjoni tal-Ukrajna, u dak ifisser opportunitajiet reali għall-familji tagħkom, għaċ-ċittadini tagħkom u għall-industrija tagħkom.
 
Xejn minn dan il-progress ma jiġi b’kumbinazzjoni. Huwa r-riżultat ta’ kooperazzjoni mill-qrib u ta’ kuljum bejn il-parlamenti tagħna. Il-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada bnew waħda mill-aktar relazzjonijiet interparlamentari b’saħħithom fid-dinja. U b’dan naħseb għandna nkunu kburin.
 
Ruslan, għażiż President, l-impenn tiegħek mal-Unjoni Ewropea u mal-G7 huwa fundamentali, fuq livell politiku. U ppermettuli nenfasizza r-rwol tas-Segretarju Ġenerali u tal-amministrazzjoni tar-Rada biex jiżguraw appoġġ loġistiku u prattiku.
 
Is-sħubija tagħna saret aktar b’saħħitha ma’ kull żjara, ma’ kull skambju u ma’ kull laqgħa. L-għeruq tagħha jinsabu fir-rispett reċiproku u fil-fiduċja ġenwina, u hija wkoll ta’ natura prattika, inkwantu l-parlamenti tagħna jikkollaboraw, jitgħallmu minn xulxin, jiżguraw li l-liġijiet tal-Ukrajna jkunu lesti għall-adeżjoni mal-UE u li l-appoġġ tal-Ewropa jagħti riżultati reali f’dan ir-rigward.
 
Nixtieq nerġa’ nirringrazzjak, għażiż President Stefanchuk, għas-sens ta’ tmexxija tiegħek u għall-ħbiberija tiegħek. Ma ġejtx hawn biss bħala kollega, iżda ġejt hawn għax għamilt ħbieb ta’ vera f’dawn l-aħħar snin, u dan ngħidu b’wiċċi minn quddiem. U f’dawn l-aħħar snin sirt naf lil ħafna minnkom, u ħafna minnkom saru jafu lil ħafna Membri tal-Parlament Ewropew tiegħi. Huma wkoll jistennew b’ħerqa kbira l-passi li jmiss biex indaħħlukom fl-Unjoni Ewropea. Huma konvinti ferm minn dan u jappoġġjawh bil-kbir.
 
Nixtieq nirrikonoxxi l-impenn tagħkom, iżda wkoll il-fatt li tiddefendu l-parlamentariżmu. Naf li taħdmu f’kundizzjonijiet li l-biċċa l-kbira tal-parlamenti l-oħra lanqas jimmaġinaw, f’periklu kostanti, bil-binja tagħkom stess mhedda u b’nieskom taħt attakk. Minkejja dan, tibqgħu għaddejjin. Turu lid-dinja xi jfisser li tiddefendi d-demokrazija fl-aktar ċirkostanzi ibsin. Ta’ dan nirringrazzjakom. Naf li tħossukom eżawriti, naf kemm hu diffiċli. Imma ppermettuli ntennilkom li r-reżiljenza tagħkom, il-kuraġġ tagħkom u d-determinazzjoni tagħkom huma ta’ ispirazzjoni għad-dinja.
 
Kunu afu li l-Parlament Ewropew se jibqa’ b’konvinzjoni spalla ma’ spalla magħkom, ma kull pass li tagħmlu, sakemm tinkiseb il-paċi, sakemm terġa’ tinġieb il-libertà u sakemm l-Ukrajna tieħu l-post li bi dritt għandha fil-familja Ewropea tagħna. Għalhekk qiegħda hawn din il-ġimgħa: biex insaħħaħ il-kooperazzjoni saħansitra aktar. Se niftħu uffiċċju ta’ rappreżentanza permanenti tal-Parlament Ewropew proprju hawn f’Kiev, biex inkunu preżenti fuq il-post, naħdmu flimkien magħkom kuljum. Dan kien l-impenn tagħna fil-konfront tagħkom, u żammejnieh. Ninsabu hawn magħkom u hawn se nibqgħu. U kif ngħidu wkoll, “You will never walk alone”.
 
U meta dik il-paċi tasal tassew, u meta dan il-kapitlu mudlam fl-aħħar jingħalaq, se nkunu magħkom hekk kif terġgħu tibnu pajjiżkom. U mhux se jgħaddi ħafna żmien qabel ma tingħaqdu mal-familja ta’ nazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Nirringrazzjakom talli wrejtu kemm għandu raġun dak il-qawl famuż Ukren: “Qalb kuraġġuża hija aktar b’saħħitha minn par dirgħajn b’saħħithom”. U l-qalb tal-Ukrajna tħabbat b’biżżejjed qawwa biex id-dinja tismagħha.
 
Kif qal fl-1 ta’ Marzu 2022 il-President Zelenskyy meta indirizza lill-Parlament Ewropew: “Id-dawl se jirbaħ fuq id-dlam, il-ħajja se tirbaħ fuq il-mewt”. Dan kien minnu dak iż-żmien u għadu minnu llum.
 
Slava Ukraini.