Għaqda, kooperazzjoni, libertà: 40 sena mill-iffirmar tal-Ftehim ta’ Schengen  

 

Għaqda, kooperazzjoni, libertà: 40 sena mill-iffirmar tal-Ftehim ta’ Schengen  

Strasburgu  
 
 

Waqt li mmarket 40 sena mill-iffirmar tal-Ftehim ta’ Schengen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jaħdem biex jimmodernizza u jsaħħaħ iż-Żona ta’ Schengen, biex jibqa’ f’kundizzjoni tajba għall-futur, u skont l-għanijiet tiegħu.

       

Nhar is-Sibt 14 ta’ Ġunju li għadda fakkarna l-40 anniversarju mill-iffirmar tal-ftehim li stabbilixxa ż-żona Schengen – kisba li hija simbolu ta’ għaqda, kooperazzjoni u libertà fl-Ewropa.

Dak li beda fl-1985 b’ħames pajjiżi biss kiber fl-akbar żona ta’ vvjaġġar ħieles fid-dinja, u ssemplifika l-ħajja għal aktar minn 400 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.

Din is-sena, ilqajna b’dirgħajna miftuħa lill-Bulgarija u lir-Rumanija fil-familja tagħna ta’ Schengen, li issa hija magħmula minn 29 pajjiż. Dan kien pass mistenni għal ħafna żmien fit-triq lejn Unjoni aktar magħquda, prospera u sigura. U l-ħidma tkompli biex dawk l-istess vantaġġi jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha.

Illum, iż-żona Schengen tippermetti lil 3.5 miljun ruħ jaqsmu kuljum il-fruntieri interni b’mod ħieles – jgħixu, jinħabbu, jaħdmu fl-Ewropa u jiskopruha mingħajr ostakli. Tistimola lill-ekonomija tagħna billi taġevola l-kummerċ bejn il-pajjiżi, tnaqqas il-formalitajiet amministrattivi għall-impriżi u tgħin lis-suq uniku tagħna jaħdem aħjar.

Iż-żona Schengen tgħinna wkoll nibqgħu f’sigurtà, permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, tad-dwana u tal-fruntieri biex jipproteġu l-fruntieri tagħna u jiġġieldu kontra l-kriminalità.

Id-dinja kollha tammiraha liż-żona Schengen. Hija eżempju ċar u ferm konkret ta’ x’tista’ tikseb il-kooperazzjoni Ewropea.

Iżda qatt ma għandna nagħmluha fatta. Il-preservazzjoni u t-tisħiħ taż-żona Schengen jirrikjedu impenn u sforzi kostanti minna lkoll.

Dan il-Parlament se jkompli jaħdem mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jimmodernizza u jsaħħaħ liż-żona Schengen, biex tibqa’ adatta għall-futur u fidila għall-wegħda tagħha: li dejjem nilħqu aktar meta naġixxu flimkien milli kulħadd għal rasu.