Il-vjolenza kontra n-nisa – kemm online kif ukoll offline – hija inaċċettabbli  

 

Il-vjolenza kontra n-nisa – kemm online kif ukoll offline – hija inaċċettabbli  

Strasburgu  
 
 

Il-Parlament Ewropew jieħu pożizzjoni soda kontra l-prattika fejn in-nisa jispiċċaw fil-mira ta’ siti tal-pornografija deepfake, li jippubblikaw immaġini foloz u manipulati ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma nisa.

       

Għeżież kollegi, 

Ikolli ngħarrafkom ukoll li ġejt infurmata li madwar 60 Membru mill-iskjeramenti politiċi kollha sfaw fil-mira ta’ siti web ta’ pornografija deepfake li jippubblikaw stampi foloz u alterati, fil-biċċa l-kbira ta’ Membri nisa. 

Nibda billi ngħid b’mod kategoriku: il-vjolenza kontra n-nisa, kemm online kif ukoll offline, hija intollerabbli u deplorevoli. Din il-Kamra tibqa’ kontriha b’kull mezz għad-dispożizzjoni tagħha. 

Din il-kwistjoni ma tirrigwardax biss l-istampi, anki jekk huma ferm xokkanti għalina lkoll. Għandha x’taqsam ma’ tentattiv biex politiċi eletti li qed jaqdu dmirhom jisfaw fil-mira u jiġu attakkati. 

Imma se jfalli: 
-    minflok ma jumiljana, dan se jagħtina s-saħħa, 
-    minflok ma jsikkitna, dan se jġegħilna ngħollu aktar leħinna,
-    minflok ma jbeżżagħna, dan se jagħmilna aktar determinati. 

Dan ma jistax isir in-normalità l-ġdida, u se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nimpeduh.

Mit-2 ta’ Diċembru, l-applikazzjonijiet nudifikanti se jkunu pprojbiti fl-Unjoni Ewropea kollha. Jiena kburija li l-Parlament Ewropew insista biex dan iseħħ. Iżda l-liġi ma tiswa lanqas il-karta li fuqha hija miktuba, jekk ma tiġix infurzata.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jippreparaw ruħhom minn issa. Jeħtiġilhom jinfurzaw il-projbizzjoni, isaħħu l-infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u jittrasponu d-direttiva tagħna dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa, li tikkriminalizza l-kondiviżjoni pubblika mhux kunsenswali ta’ deepfakes sesswalizzati. 

Aħna obbligati lejn kull min safa fil-mira. U lejn kull tfajla li qed tarana, kull tfajla li qed taqbad it-triq tal-politika u tistaqsi bejnha u bejn ruħha jekk hemmx post għaliha fil-politika u x’inhu l-prezz li trid tħallas.

It-tweġiba tagħna trid tkun ċara. Postkom huwa hawn. Leħinkom postu hawn. U aħna se nibqgħu nappoġġjawkom.