Hi u tindirizza lill-Ambaxxaturi tal-UE, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li f'din id-dinja ġdida, l-Ewropa m'għadhiex għandha l-lussu tal-ħin biex tieħu deċiżjonijiet, u appellat għal deċiżjonijiet aktar mgħaġġla u azzjonijiet deċiżivi.
Rappreżentant Għoli, għażiża Kaja, Ambaxxaturi, Għeżież kollegi,
Nirringrazzjakom talli ddedikajtuli ftit minuti tal-ħin tagħkom dalgħodu. Nixtieq nibda billi ngħid li ma għandniex nissottovalutaw il-gravità tas-sitwazzjoni, l-importanza kruċjali tal-passi li jmiss tagħna jew ir-rwol fundamentali li l-Ewropa se jkollha tiżvolġi.
Kull ġimgħa qisna qegħdin quddiem sfida ġeopolitika ġdida u aħna, bħala Tim Ewropa, ma nistgħux ninqabdu mhux ippreparati.
Jien u Kaja xi kultant niltaqgħu filgħodu kmieni u nistaqsu bejna u bejn ruħna x’jista’ jinqala’ din il-ġimgħa u kemm hu importanti li aħna li ninsabu f’dawn il-pożizzjonijiet naħdmu flimkien.
Ninsabu f’dinja ġdida, aktar imprevedibbli, aktar perikoluża. U għal Unjoni li taħdem tajjeb bis-saħħa tal-prevedibbiltà u taċ-ċertezza, dawn l-aħħar xhur kienu diffiċli, biex nuża ewfemiżmu. F’din id-dinja l-ġdida m’għadx għandna l-lussu taż-żmien biex nieħdu deċiżjonijiet kif dejjem għamilna u nistennew li d-dinja tifhimna. Jeħtieġ li d-dinja nibdew narawha kif inhi, pjuttost milli kif nixtiquha tkun.
Dan ifisser li meta jeħtieġ nieħdu deċiżjonijiet aktar malajr, jeħtieġ li neħduhom aktar malajr. U meta jeħtieġ nieħdu pożizzjoni jew azzjoni deċiżiva, jeħtieġ nagħmlu hekk mingħajr ma noqogħdu ntellgħu u nniżżlu. Għandna bżonn il-kuraġġ biex ninħelsu mid-drawwiet li spiss wisq iżommuna lura u jiġbduna fl-istess direzzjoni.
Il-messaġġ tagħna lid-dinja huwa li ma għandhiex tissottovaluta d-determinazzjoni, il-forza u r-rieda tal-Ewropa biex taġixxi. Jeħtieġ nippermettu li l-Ewropa titqies dak l-attur kredibbli li hi.
Fl-ebda ambitu ieħor mhi l-aktar evidenti dik l-urġenza milli hi fl-appoġġ kostanti u konsistenti tagħna lill-Ukrajna. Nifhmu li l-impenn tal-Ewropa – hekk kif deħlin fil-ħames sena mill-invażjoni illegali tar-Russja – għandu jkun jaqbel mal-livell ta’ theddid, li jibqa’ ċar, preżenti u ferm reali. L-Ukrajna taf li tista’ torbot fuq l-Ewropa waqt li tkompli tiġġieled b’kuraġġ u bi kburija enormi. U aħna u nippruvaw insibu perkorsi lejn il-paċi, il-pożizzjoni tagħna tibqa’ dik li kienet: trid tkun paċi reali, ibbażata fuq l-integrità u fuq id-dinjità, imsejsa fuq il-prinċipju “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna” u, ċertament, xejn dwar l-Ewropa mingħajr l-Ewropa.
Iżda l-forza tagħna tiddependi mill-kobor tal-kriżi li jmiss u, għalhekk, il-mod kif l-Ewropa tkompli tirreaġixxi għall-iżviluppi fl-Iran huwa daqshekk importanti. L-Ewropa ma tistax tfalli f’dan l-objettiv.
Dak li ġara f’dawn l-aħħar disat ijiem sa fl-aħħar fetaħ tieqa ta’ opportunità għall-bidla. Iżda ħareġ fid-dieher ukoll sa liema punt lest li jasal reġim iddisprat li jiggranfa ma’ dak li fadal mill-poter.
L-attakki tal-Iran fil-Golf, inklużi dawk fl-Istrett ta’ Hormuz u fil-Golf tal-Oman, huma kundannabbli, inġustifikabbli u jridu jieqfu immedjatament. Kif ukoll kull Stat Membru jeħtieġlu jkun jaf biċ-ċert li se nibqgħu magħqudin biex naffrontaw kwalunkwe theddida.
Jeħtiġilna nkomplu nieqfu mal-poplu Iranjan. Il-ġlieda tiegħu għal-libertà u l-possibbiltà li jagħżel id-destin tiegħu mhumiex ta’ natura politika iżda eżistenzjali. U ppermettuli niġbdilkom l-attenzjoni għall-fatt li huwa rari li naraw unanimità fil-Kamra tagħna, iżda r-riżoluzzjonijiet tagħna dwar il-protesti Iranjani, f’dawn l-aħħar snin, dejjem waslu viċin kemm jista’ jkun għal din l-unanimità.
Il-pajjiżi tal-Golf huma sħab strateġiċi importanti f’dawn l-isforzi. Meta s-sena li għaddiet żort l-Emirati Għarab Magħquda għal-laqgħa tal-Presidenti tal-Parlament tal-UE u tal-GCC, iddiskutejna proprju r-riskji li issa qegħdin ifeġġu fir-reġjun kollu. U biex tiġi ssottolinjata l-urġenza ta’ dawk il-konverżazzjonijiet, matul dik iż-żjara r-reġim Iranjan attakka lill-Qatar. Dan hu l-mod kif, f’ħakka t’għajn, it-theddid li qabel kien teorija, isir realtà.
Din hi l-istess konverżazzjoni li kellna dwar il-viċinat Ewropew tagħna. Ma naħsibx li tkellimt ma’ Kap ta’ Stat, Kap ta’ Gvern jew ambaxxatur wieħed li ma jaqbilx mal-fatt li tkabbir ibbażat fuq kriterji oġġettivi u fuq il-mertu huwa neċessità ġeopolitika. Iżda madankollu, il-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna, il-Moldova ilhom snin sħaħ iħarsu lejn l-Ewropa. Uħud laħqu tragwardi importanti u jistennew li aħna nwieġbu b’mod adegwat għar-riformi tagħhom. Dan diġà għedtu fil-passat, iżda jixraq li nirrepetih: aktar ma naħlu l-ħin, aktar spazju nħallu lill-oħrajn biex jimlew il-vojt.
Il-Parlament jiżvolġi rwol fundamentali f’dan is-sens, billi jagħti leġittimità lid-deċiżjonijiet li nieħdu, fil-kuntesti kollha u fid-dinja kollha.
Ovvjament, ma nistgħux nibdew diskussjoni serja dwar it-tisħiħ tal-viċinat immedjat tagħna mingħajr ma qabel nagħfsu l-buttuna “reset” għar-relazzjonijiet tagħna mar-Renju Unit. Ftit ġimgħat ilu kont Londra u mil-laqgħat tagħna mal-Prim Ministru, mal-Ispeaker u mal-Membri tal-Parlament nista’ ngħid li l-atmosfera kienet estremament pożittiva.
Għall-ewwel darba f’għaxar snin, hemm għarfien komuni li dan huwa l-mument propizju biex nibnu pontijiet ġodda. Rieda reali biex insibu soluzzjonijiet pragmatiċi li jirrispettaw id-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku u fl-istess ħin jirrispondu għar-realtajiet li għandna quddiemna llum.
Hemm tieqa ta’ opportunità biex insibu t-triq ’il quddiem li jaf ma teżistix għal żmien perpetwu, għalhekk jaqblilna naħtfuha.
Huwa dan l-ispirtu li jeħtieġ jiggwida wkoll ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi l-ġodda. Għandna d-diverġenzi tagħna, xi kultant anki mqanqla, iżda l-alleanza se tibqa’ s-sinsla tas-sigurtà komuni u tal-kummerċ tagħna.
Kif qal Thomas Jefferson, “kull differenza ta’ opinjoni mhijiex differenza ta’ prinċipju”. Dan, fil-fehma tiegħi, huwa s-sens tal-alleanza trans-Atlantika tagħna. Għalhekk tibqa’ teżisti maż-żmien. Dan ma jfissirx li għandna nkunu inġenwi jew li ma għandniex nibqgħu b’għajnejna miftuħin beraħ quddiem ir-realtà tal-lum. Jeħtiġilna nkomplu nadattaw ruħna fl-aħjar interess tal-Ewropa, u se nkomplu nagħmlu hekk.
Meta indirizzajt lil din il-Konferenza s-sena li għaddiet, kont għedt li fil-Parlament Ewropew se ssibu sieħeb affidabbli. Dan ma nbidilx.
Iltqajt ma’ ħafna minnkom fil-jiem qabel illum u lill-ħafna minnkom wegħidthom li se nkun sinċiera, u se nkompli f’din il-linja: il-passi li jmiss huma wisq importanti biex inħallu lilna nfusna maqbuda fil-firdiet istituzzjonali Nifhem li kulħadd fostna għandu l-mezzi tiegħu, iżda Tim Ewropa reali jaġixxi f’sintonija, mhux b’mod parallel.
Ma rridx li l-Membri tal-Parlament Ewropew joqogħdu jiġru warajkom. Irrid li jkunu maġenbkom, b’hekk nuru lid-dinja kollha l-vera forza Ewropea.
Kienu l-Membri tal-PE li ggwidaw il-perkors diffiċli biex il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika jiġi ddeżinjat bħala organizzazzjoni terroristika. Li sostnew l-idea tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE. Bnew pontijiet kullimkien: mal-Moldova u mal-Balkani tal-Punent. Huma impenjati fl-Amerka Latina, fl-Asja u fl-Afrika.
Permezz tan-networks parlamentari tagħna ma’ 160 parlament nazzjonali, inwasslu l-messaġġi u niftħu l-bibien. Il-ftehimiet kummerċjali jgħaddu mill-parlamenti nazzjonali – parlamenti li magħhom ninnegozjaw u nikkollaboraw kuljum. L-inizjattivi tagħna ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-ħidma tagħna għas-sostenn tad-demokrazija, l-isforzi ta’ djalogu interreliġjuż u l-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fid-dinja kollha jagħtu lill-Ewropa kredibbiltà u rispett. Fil-fora internazzjonali bħall-G7 u l-G20, ir-relazzjonijiet tagħna mal-leġiżlaturi jgħinu biex timxi ’l quddiem l-aġenda Ewropea.
U l-impenn tagħna fid-diplomazija parlamentari qed isir dejjem aktar b’saħħtu. Għalhekk iddeċidejna strateġikament li nsaħħu l-preżenza tagħna f’Washington, fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. U għalhekk għandna antenni fl-Amerka Latina, fl-Asja, fl-Afrika u fin-Nazzjonijiet Uniti. Mhumiex aċċessorji, huma fundamentali u jeħtieġ li jitqiesu hekk. Meta l-ambaxxaturi jirrikonoxxu l-valur tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jiftħu bibien ġodda, huwa hemm li l-Ewropa tikseb l-aqwa riżultati u dan rajtu b’għajnejja stess fuq il-post: kemm jista’ jkun pożittiv meta niksbu l-aqwa riżultati u meta aħna l-aktar apprezzati.
Nixtieq nagħlaq b’nota ta’ tama. M’għandi l-ebda dubju mill-kapaċità kollettiva tagħna biex naffrontaw dan il-mument storiku. Li nħaddnu dak li l-Ewropa biss tista’ tagħmel fid-dinja. Li nifhmu s-setgħa tagħna biex nippromwovu tmexxija bbażata fuq il-valuri. Biex insostnu l-libertà, l-opportunitajiet indaqs, l-istat tad-dritt u l-fatt li meta nikkooperaw igawdi kulħadd. Li nuru lill-persuni fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni li t-tama tagħhom mhijiex għal xejn. Li t-12-il stilla tagħna jfissru ħafna kemm għalina kif ukoll għalihom.
Hemm raġuni għala dejjem aktar pajjiżi jixtiequ jsiru membri tal-UE. Hemm raġuni għala l-għedewwa tagħna investew tant biex jimminaw il-mod kif naġixxu. Hemm raġuni għala n-nies fit-toroq tal-Iran iħarsu lejna, għala l-elezzjonijiet fil-Balkani tal-Punent jintrebħu u jintilfu abbażi tal-wegħdiet tal-Ewropa. In-nies jemmnu fl-Ewropa. L-Ewropa għadha tfisser tama. Xi kultant għandna bżonn biss li dan narawh fina nfusna u niftakru li, lil hinn mir-riżoluzzjonijiet, mill-konklużjonijiet, mir-rapporti u mir-relazzjonijiet istituzzjonali, aħna importanti għan-nies.
Tissottovalutawx l-importanza u l-impatt ta’ dak li tagħmlu għan-nies.
Grazzi talli xxejru l-bandiera tagħna fid-dinja. Ejjew inkomplu nibnu flimkien.