Hi u tindirizza l-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin fi New York, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li r-rabta transatlantika hija aktar importanti minn qatt qabel. "Meta nmexxu flimkien, nbiddlu l-istorja. Xi ħaġa li mill-ġdid, nistgħu nagħmluha issa," qalet il-President Metsola.
Nirringrazzja lill-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin talli stedinni hawn illum u talli qed jerġa’ jappoġġja, bħalma għamel dejjem, dibattitu miftuħ u infurmat.
Il-Parlament Ewropew huwa impenjat bis-sħiħ li jsaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika. U xtaqt nibda b’dan il-punt għaliex din hija l-mistoqsija li ssirli l-aktar, kull darba li niġi hawnhekk. Aħna nikkondividu storja, il-valuri komuni tagħna sawru lid-dinja, u l-prospettivi għall-futur ta’ xulxin għandhom jimxu id f’id.
Din hija dikjarazzjoni li, ftit taż-żmien ilu, ma kienx ikolli għalfejn nagħmilha. Għax kienet fatt magħruf, xi ħaġa tant ovvja li bilkemm kellha għalfejn tissemma. Iżda d-dinja nbidlet. L-affarijiet li għalina kienu fatta issa qed jitqajmu dubji dwarhom. Il-veritajiet li ħsibna li kienu evidenti minnhom infushom issa qed isiru diskussjonijiet dwarhom. Is-sinjali qegħdin hemm, u jeħtiġilna nkunu lesti naffrontawhom.
Fid-dinja kollha, se nkomplu naraw lil dawk li għandhom setgħa kbira jimpikaw ma’ elezzjonijiet b’saħħithom. Naraw lil istituzzjonijiet sodi jitqiesu bħala xkiel, pjuttost milli bħala xi ħaġa pożittiva. Il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni jitqiesu bħala dgħufija, minflok bħala l-forza li nafu li huma.
Il-mod li bih il-Punent u r-relazzjoni trans-Atlantika tagħna tmexxew għal dawn l-aħħar 80 sena qed jinbidel, u assolutament ma nistgħux nagħlqu għajnejna u ma nagħtux kas.
Għall-kuntrarju, jeħtiġilna niddefendu u nuru l-valur tad-demokrazija biex jinkisbu bidliet tanġibbli għan-nies li jħossuhom diżinteressati u diżaffezzjonati u diżappuntati mill-politika. Dan huwa parti mir-rwol tal-Parlament Ewropew, li mmexxi jien, fid-dinja tal-lum. Hija l-istess kwistjoni li qed jiffaċċja l-Kungress tagħkom. Hija sfida li nifhmu, sfida li aħna determinati li negħlbuha.
Għax il-verità hi li aktar nies qed jgħixu f’pajjiżi fejn ma jistgħux jagħżlu lill-mexxejja tagħhom milli f’pajjiżi fejn jistgħu jagħżluhom. Illum, kwart biss tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix f’demokrazija, l-aktar livell baxx f’ħamsin sena. Dik hija r-realtà.
Wara li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin, ħsibna li d-demokrazija liberali kienet rebħet. Forsi konna ċerti wisq minna nfusna, sodisfatti wisq. Ħsibna li ma kellniex għalfejn inkomplu niddefendu d-demokrazija. Li, b’xi mod, konna mxejna lil hinn minn dik il-parti tal-istorja.
Fuq kollox, naħseb li ma bqajniex ngħallmu lin-nies b’dik l-urġenza li kienet meħtieġa.
Iżda meta, fl-24 ta’ Frar 2022, it-tankijiet Russi daħlu fl-Ukrajna sovrana u indipendenti, dik l-illużjoni tfarrket. Saret eżistenzjali.
Ġejna mfakkra, b’mod brutali, li l-paċi qatt ma tista’ titqies bħala fatta u li l-libertà jeħtiġilna niddefenduha. Li jekk ma niddefendux l-istil ta’ ħajja tagħna, ħaddieħor se jiddeċiedi għalina, b’viżjoni differenti ħafna bbażata fuq valuri differenti ħafna.
Dik il-ġurnata, għalina, biddlet kollox. U l-Ewropa u l-Istati Uniti wieġbu bħala entità waħda.
Iżda nhar l-24 ta’ Frar ma kienx biss mument ta’ għaqda, kien ukoll sinjal ta’ twissija kbir ħafna. L-Ewropa ilha wisq tiddependi minn ħaddieħor għas-sigurtà tagħha. Mill-Amerka. Dan qed jinbidel.
Mill-2021, l-infiq fuq id-difiża tal-UE żdied b’aktar minn 30%. Kważi l-pajjiżi kollha fl-UE li huma membri tan-NATO llum jilħqu l-objettiv ta’ 2% tal-PDG, u ħafna minnhom diġà qabżuh. Proprju l-ġimgħa li għaddiet, il-Ministri tad-Difiża tan-NATO qablu li jaħdmu biex tintlaħaq il-mira ta’ 5% tal-PDG: 3.5% għall-infiq fuq id-difiża essenzjali u 1.5% għall-infrastruttura u r-reżiljenza.
B’mod regolari, insaqsu liċ-ċittadini tas-27 pajjiż tal-UE għall-opinjoni tagħhom, dwar id-direzzjoni fejn sejra l-Ewropa, f’liema oqsma jaħsbu li għandna nagħmlu aktar, f’liema oqsma jaħsbu li għandna nagħmlu anqas, x’inhuma l-isfidi tagħhom. Illum, fl-aħħar stħarriġ li għamilna, ir-riżultat huwa ċarissimu: żewġ terzi tal-Ewropej iridu li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol akbar fil-protezzjoni tagħhom. U l-Parlament Ewropew qed jieħu azzjoni billi jmexxi l-akkwist konġunt għad-difiża, billi jinvesti fil-kapaċità industrijali u billi jnaqqas il-burokrazija. Mhux biex jirreplika dak li qed tagħmel in-NATO, iżda biex isaħħaħha. Għax nafu li Ewropa aktar b’saħħitha tfisser Alleanza aktar b’saħħitha.
Naturalment, illum il-ġurnata, is-sigurtà ma tikkonċernax biss l-armi. Tikkonċerna d-diżinformazzjoni, tikkonċerna l-indħil barrani u tikkonċerna t-tnawwir deliberat tal-fiduċja. Dawn l-aspetti ormaj huma parti mir-realtà tagħna ta’ kuljum.
Id-diżinformazzjoni hija waħda mit-theddidiet l-aktar serji li niffaċċjaw. Tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna u twessa’ l-firdiet. U qed issir aktar intelliġenti. Għalhekk m’għandniex għażla oħra għajr li nsiru aktar intelliġenti aħna wkoll. Huwa għalhekk li l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet bħall-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin hija tant siewja, mhux biss biex isawru d-dibattitu, iżda anki biex jagħmlu l-affarijiet aktar ċari u jqiegħdu f’dubju s-suppożizzjonijiet tagħna.
Imma, m’għandniex xi ngħidu, il-politika ma tistax tikkonċerna biss il-ġestjoni tat-theddid. Trid ukoll tagħti t-tama. It-tama lil dawk li għadhom jgħixu taħt oppressjoni, li jqisu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti bħala simboli tal-libertà.
Il-Parlament Ewropew minn dejjem kien il-vuċi ta’ dawk li jemmnu fil-kapaċità tal-Ewropa li tbiddel il-ħajja tan-nies. Qatt ma ried li lkoll inkunu bħal xulxin. Iżda ried li jinħolqu l-opportunitajiet u sens komuni ta’ appartenenza. U ngħaqadna fit-twemmin li huwa dan l-istess spirtu li jrid jiggwidana llum.
Aħna kburin li ddefendejna l-umanità, iżda xi drabi l-isforzi tagħna mhux dejjem intlaqgħu kif xtaqna. Dan jgħodd ukoll għal ħafna politiċi fl-Ewropa, fl-Istati Uniti u madwar id-dinja. B’mod partikolari meta nqisu l-Lvant Nofsani wara s-7 ta’ Ottubru.
Faċli nifhmu s-sens ta’ impotenza, ta’ rabja, ta’ diqa u wġigħ li jħossu ħafna nies. It-terrur tagħhom huwa reali. U assolutament ma nistgħux inħallu d-distakk jikber bejn it-tweġibiet li jitolbu u s-soluzzjonijiet li l-politika tista’ toffri.
Mhuwiex dejjem faċli li nispjegaw il-passi żgħar, u xi kultant diffiċli, li nieħdu biex insalvaw il-ħajja tan-nies, li aħna l-akbar fornitur ta’ għajnuna umanitarja, li l-UE, permezz tal-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM) kuraġġuża tagħna, kienet fundamentali biex jingħata appoġġ lill-aħħar waqfien mill-ġlied, li wassal biex tant tfal morda u midruba jinħarġu minn Gaża.
Jeħtieġ li nitkellmu b’mod aktar ċar dwar x’nistgħu nagħmlu biex inwaqqfu l-bombi. Dwar l-urġenza li aktar għajnuna tidħol f’Gaża, u dwar l-iżgurar li din l-għajnuna titqassam. Dwar l-ostaġġi, li jinkludu ċittadini tal-UE, li għadhom jinżammu mill-Ħamas. Dwar ir-rwol tal-Iran. Dwar iż-żieda fl-antisemitiżmu kullimkien. Dwar il-mewġiet ġodda ta’ estremiżmu li naraw. Dwar x’se jiġri l-għada, dwar ir-rikostruzzjoni, u dwar il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-mexxejja leġittimi filwaqt li l-Ħamas jiżżarma u tiġi offruta s-sigurtà lil Iżrael.
Il-paċi mhijiex kunċett astratt. Spiss ħafna jsaqsuna: xi tfisser għalikom il-paċi? Fiex taħsbu meta tużaw il-kelma “paċi”? Xi kultant b’mod li ma jwassalx għall-paċi. Il-paċi taħdem biss jekk tkun aktar attraenti mill-gwerra. U jeħtiġilna nuru lin-nies li l-paċi mhux biss hija possibbli iżda hija sitwazzjoni li jixtieqha kulħadd. L-aqwa xprun kontra r-radikalizzazzjoni huwa t-tama.
Għalina, soluzzjoni ta’ żewġ Stati li toffri din il-perspettiva hija t-triq ’il quddiem. Hija dak li l-Parlament Ewropew dejjem talab. Nafu li l-Ħamas qatt ma jista’ jkun parti minn din is-soluzzjoni għax ma jipproponix soluzzjonijiet iżda jġib biss it-tixrid tad-demm. Għalhekk dejjem qgħadna attenti li t-terroristi tal-Ħamas ma nassoċjawhomx mal-Palestinjani kollha.
Bħala President tal-Parlament Ewropew, żort Kfar Azar, waħda mill-kibbutzim li tilfet ħafna mir-residenti tagħha. Żort il-post fejn sar il-festival ta’ Nova fejn kien għad hemm il-katavri mal-art. Dħalt f’Gaża mat-trakkijiet tal-għajnuna tagħna, waqt li fl-istess ħin insistejna biex tingħata aktar għajnuna. Kelli taħditiet mal-Iżraeljani f’Ġerusalemm u mal-Palestinjani f’Ramallah. Bkejt mal-ostaġġi li nħelsu u għannaqt lill-qraba ta’ dawk li ma setgħux jinħelsu. Għannaqt liż-żgħażagħ li raw lil djarhom jinqerdu u lil ħbiebhom jinqatlu.
Hemm nies li jridu jsibu soluzzjonijiet, u jien kburija li ngħodd lill-Parlament Ewropew fosthom. U dejjem se nkunu post ta’ djalogu li jgħaqqad lin-nies, u lesti nerġgħu niżvolġu dak ir-rwol illum.
Mhumiex il-“Likes” fuq Facebook jew ir-retweets li jagħtuna t-tweġibiet li neħtieġu, iżda huma l-ħidma bla heda, id-djalogu u d-diplomazija.
U anki b’dan il-mod jaf ma jirnexxilniex. Iżda jekk hemm imqar ċans wieħed li l-isforzi tagħna jistgħu jgħinu, żgħir kemm hu żgħir, inkunu qed nonqsu milli nagħmlu dmirna jekk ma nippruvawx. U jiena qiegħda fil-politika għal din ir-raġuni, biex nieħu dawk iċ-ċansijiet.
Ġimagħtejn ilu kont qiegħda Dayton, fl-Ohio, biex infakkru 30 sena mid-Dayton Accords – tfakkira ta’ dak li l-Ewropa u l-Amerka jistgħu jiksbu meta jmexxu flimkien. Meta n-nies jieħdu ċ-ċansijiet. Iżda dan l-avveniment evidenzja wkoll id-distanza li qed tikber bejn in-nies u l-politika.
Ħafna nies tilfu t-tama. Iridu l-bidla. U meta l-politika mainstream ma tipprovdix tweġibiet, in-nies jibdew ifittxu bnadi oħra.
Dak is-sens ta’ diżillużjoni ma jinsabx biss fl-Istati Uniti. Qed jikber fl-Ewropa kollha wkoll. Għadha kif għaddiet sena mill-aħħar elezzjonijiet Ewropej, li fihom ġew eletti 720 Membru tal-Parlament Ewropew. F’dawk l-elezzjonijiet, dik li nsejħulha “l-politika taċ-ċentru” żammet sod, iżda bilkemm. Il-votanti huma inkwetati u bir-raġun. Xogħolna huwa li nuru li d-demokrazija taħdem – mhux biss dakinhar tal-elezzjoni, mhux biss fil-prinċipju, iżda fil-prattika.
Dan ifisser li niksbu r-riżultati. Speċjalment għaż-żgħażagħ. Dawn ma għexuhiex il-Gwerra Bierda. Mhumiex qed isaqsu mistoqsijiet astratti. Qed isaqsu mistoqsijiet konkreti ħafna, dwar il-futur tagħhom: Nista’ nsib xogħol? Nista’ naffordja dar? Nista’ nibni ħajja?
U jekk is-sistema politika tagħna ma toffrix tweġibiet kredibbli għal dawk il-mistoqsijiet, soluzzjonijiet veri u li jistgħu jitwettqu, ebda diskors ma jista’ jikkonvinċihom li d-demokrazija hija t-tweġiba.
Huwa għalhekk li, biex nagħlaq, nixtieq ngħid li din ir-rabta trans-Atlantika li għandna, li qiegħda għal qalbna, li għożżejna u li emminna fiha, b’konvinzjoni, tul dawn is-snin kollha, tiswa aktar minn qatt qabel.
Għaliex, iva, aħna l-akbar żewġ ekonomiji tad-dinja. Integrati bis-sħiħ u interdipendenti. Iżda, aktar minn hekk, aħna żewġ partijiet minn komunità demokratika waħda, imsawra minn sagrifiċċji komuni, imsejsa fuq valuri komuni u impenjati li nibnu futur aħjar.
Meta mmexxu flimkien, inbiddlu l-kors tal-istorja. U dan nistgħu nerġgħu nagħmluh illum. Grazzi.