Roberta Metsola
Roberta Metsola ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew f'Jannar 2022.
Ġiet eletta fil-Parlament Ewropew għall-ewwel darba fl-2013 u b'hekk saret waħda mill-ewwel Membri nisa Maltin tal-Parlament Ewropew. Reġgħet ġiet eletta fl-2014 u għal darb'oħra fl-2019.
Fl-2020, ġiet eletta l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew u b'hekk saret l-ewwel persuna ta' ċittadinanza Maltija li okkupat din il-kariga. Kienet responsabbli mir-relazzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-parlamenti nazzjonali u mill-parteċipazzjoni tal-Parlament fid-djalogu interreliġjuż irregolat mill-Artikolu 17 tat-Trattati.
Fil-Parlament Ewropew, il-President Metsola kienet koordinatur tal-Grupp PPE fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern minn Jannar 2017 sal-2020. Fl-2019, il-President Metsola kienet ir-rapporteur tal-Parlament għar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Kienet responsabbli mir-relazzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-parlamenti nazzjonali u mill-parteċipazzjoni tal-Parlament fid-djalogu interreliġjuż u mhux konfessjonali (Artikolu 17 tat-TFUE).
Mil-lat professjonali, hija avukat speċjalizzata fil-liġi u l-politika Ewropej.
Qabel ma ġiet eletta Membru tal-Parlament Ewropew, il-President Metsola ħadmet fir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea u wara bħala l-konsulent legali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Fis-snin meta kienet studenta, ħadet sehem attiv fil-kampanja biex Malta ssir membru tal-UE u kellha rwol attiv f'diversi organizzazzjonijiet, fosthom bħala Segretarju Ġenerali tal-organizzazzjoni tal-Istudenti Demokratiċi Ewropej bejn l-2002 u l-2003.
Ħadet sehem fi skambju tal-Erasmus fi Franza u ggradwat mill-Università ta' Malta u mill-Kulleġġ tal-Ewropa ta' Bruges.
Roberta Metsola twieldet fl-1979. Hija miżżewġa lil Ukko Metsola u hija omm ta' erba' subien.