Iddefenduha. Sawruha. Għixuha. Ivvutaw. 

 

"Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, xahar qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nagħmel appell lill-aktar minn 350 miljun ċittadin Ewropew li għandhom id-dritt tal-vot biex ikunu responsabbli u jipparteċipaw f’wieħed mill-akbar eżerċizzji demokratiċi tad-dinja." - il-President Roberta Metsola

Bħal-lum xahar se jsiru l-elezzjonijiet Ewropej, l-akbar eżerċizzju demokratiku multinazzjonali tad-dinja. Żmien li fih nagħżlu, nagħtu direzzjoni u nġorru responsabbiltà. 
 
Madankollu, f’dawn l-aħħar xhur sirna nafu dejjem iżjed dawk li ma jixtiquniex nirnexxu. 

Ma tgħaddix ġimgħa mingħajr ma jinkixfu forzi malizzjużi, potenzi barranin, siti tal-internet u kontijiet tal-media soċjali li jxerrdu diżinformazzjoni u propaganda. 

Dawn it-tentattivi maħsuba biex jimminaw id-demokrazija tagħna u l-mod kif isiru l-affarijiet fl-Ewropa – fl-apert u fir-rispett tal-libertà tal-kelma – huma estremament gravi u inkwetanti. M’hemmx l-iċken dubju tal-fatt li r-risposta komuni tagħna trid tkun daqstant qawwija.
 
Nafu li hemm dawk li għalihom, sempliċement għax il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Ewropea jeżistu, dan ifisser theddida. Dawk li, fil-fehma tagħhom, l-awtokrazija hija risposta. Dawk li jagħmlu minn kollox biex jimminaw il-proċessi demokratiċi tagħna, jifqgħu l-kanali tagħna bil-propaganda, jew saħansitra b’manipulazzjoni ċara u tonda. Dawk li jiżirgħu d-dubju, anki fil-proċessi demokratiċi tagħna u fir-riżultati tal-elezzjonijiet. 
 
Għalhekk, l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed. F’sena li fiha se jmur jivvota kwart tal-popolazzjoni tad-dinja u f’dinja fejn huma aktar in-nies li ma jgħixux f’demokrazija milli dawk li jgħixu f’demokrazija, għandna r-responsabbiltà kollettiva li niddefendu l-istil ta’ ħajja tagħna, li nirreaġixxu għal dawk li qed jippruvaw jagħmlulna l-ħsara u li naħsbu b’mod kritiku dwar dak li naraw u naqraw, b’mod partikolari online. 
 
Dan nagħmluh billi nsemmgħu leħinna u billi nkunu onesti. Dawn l-elezzjonijiet huma importanti. Ir-riżultat tagħhom se jiddeċiedi d-direzzjoni tal-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin. Il-Membri tal-Parlament Ewropew li jiġu eletti se jirrappreżentaw lilkom u lil pajjiżkom fl-Unjoni Ewropea u se jadottaw liġijiet u politiki fl-oqsma bħall-migrazzjoni, is-sigurtà u l-klima, oqsma li se jolqtuna lkoll, kuljum. Din hi d-demokrazija fl-azzjoni u l-aħjar mod kif inħarsuha huwa billi mmorru nivvutaw. 
 
Id-demokrazija mhijiex stat ta’ fatt. Il-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna kellhom jiġġieldu għaliha. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, iċċelebrajna 20 sena mit-tkabbir tal-2004, li ġab miegħu l-libertà lil miljuni ta’ nies f’10 Stati Membri ġodda, għax għad hawn, fi nħawi kbar tal-Ewropa, min jiftakar kif kien li tgħix f’soċjetajiet totalitarji, bl-ebda drittijiet tal-vot. 
 
Id-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, huwa jum li fih inħarsu lura lejn l-1950 b’ispirazzjoni minn dik l-idea li riedet tibni komunità Ewropea ta’ libertà u drittijiet. Ewropa li fiha jkun inimmaġinabbli u materjalment impossibbli li tfaqqa’ gwerra, iżda Ewropa li fuqha nibbażaw dak li noħolmu bih u nibnu l-opportunitajiet b’għeruqhom fil-valuri fundamentali tal-libertà, tal-istat li fih isaltan id-dritt u tad-demokrazija. 
 
Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, xahar qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nagħmel appell lill-aktar minn 350 miljun ċittadin Ewropew li għandhom id-dritt tal-vot biex ikunu responsabbli u jipparteċipaw f’wieħed mill-akbar eżerċizzji demokratiċi tad-dinja:
 
l-Ewropa tagħmluhiex fatta. Iddefenduha. Sawruha. Għixuha. Ivvutaw.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: