L-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq id-destin tal-Mediterran: Metsola tkellem lid-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ppresediet il-laqgħa tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran. Fid-diskors tagħha, tkellmet ukoll dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-effetti ta' din tal-aħħar fuq ir-reġjun tal-Mediterran.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt id-diskors tagħha
fil-laqgħa mad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran

Diskors tal-ftuħ fl-okkażjoni tal-laqgħa mad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran

Għażiż President, għeżież kollegi, il-waranofsinhar it-tajjeb lilkom ilkoll.  Nagħtikom merħba għal din il-laqgħa tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran.

Il-laqgħa tal-lum hija l-ewwel waħda tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran mis-Summit tal-Ispeakers u mis-sessjoni plenarja ta' Diċembru li għadda, meta l-Presidenza tal-Assemblea għaddiet mill-Parlament Ewropew f'idejn il-Parlament Marokkin.

Għalhekk huwa bi pjaċir kbir tiegħi li nilqa' lill-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Rachid Talbi Alami, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Marokkina u President tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran. Flimkien se niddiskutu l-gwerra drammatika fl-Ukrajna, li tolqot liż-żewġt ixtut tal-Mediterran u, naturalment, il-prijoritajiet politiċi tal-presidenza Marokkina.

Għal darb'oħra, għażiż President Alami, merħba bik fostna!

Stedint ukoll lill-Presidenti tad-Delegazzjonijiet tar-reġjun tal-Mediterran jingħaqdu magħna f'dan id-dibattitu.

Għal din il-laqgħa, l-interpretazzjoni hija disponibbli bil-Franċiż, bl-Ingliż, bit-Taljan, bl-Ispanjol u bl-Għarbi. Sfortunatament, minħabba raġunijiet tekniċi, ma kienx possibbli li tingħata interpretazzjoni bil-Ġermaniż. Niskuża ruħi għal dan u nirringrazzjakom tal-komprensjoni.

Dalgħodu kelli laqgħa bilaterali mal-President Talbi Alami. Iddiskutejna diversi kwistjonijiet: il-prijoritajiet tal-presidenza Marokkina, il-kalendarju tal-attivitajiet tal-Assemblea kif ukoll ir-riperkussjonijiet tal-gwerra fl-Ukrajna fuq ir-reġjun tal-Mediterran.

Qabel ma nagħti l-kelma lill-mistieden tagħna, ippermettuli nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari.  

Minkejja l-kundizzjonijiet sanitarji imposti fuqna mill-pandemija, f'Diċembru li għadda, il-Parlament Ewropew irnexxielu jorganizza s-7 Summit tal-Ispeakers u s-16-il sessjoni plenarja tal-Unjoni għall-Mediterran kif ukoll il-laqgħat tal-kumitati parlamentari fi Brussell. Il-parteċipazzjoni attiva tal-Membri tal-PE, tal-Ispeakers tal-Parlamenti u tal-membri tad-delegazzjonijiet nazzjonali żgurat, biex ngħid hekk, dibattiti vivaċi, interessanti u – xi kultant – pjuttost imqanqla.

Il-plenarja adottat ir-rakkomandazzjonijiet ta' erba' kumitati. L-ispeakers u d-delegati preżenti għas-summit adottaw, b'kunsens, dikjarazzjoni konġunta dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-Mediterran. Matul il-presidenza tal-Parlament Ewropew, adottajna b'suċċess reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura, regolament finanzjarju ġdid u l-baġit għall-perjodu 2021-2022 u ħloqna wkoll segretarjat permanenti għall-Unjoni għall-Mediterran b'sede f'Ruma.

Dan ifisser li bis-saħħa tal-membri l-oħra tal-Bureau – il-Marokk u Spanja – ilħaqna l-objettiv li konna ffissajna fil-bidu tal-presidenza tagħna: li nagħtu impetu ġdid lill-Assemblea wara sena ta' inattività. F'dan il-kuntest, nixtieq nisħaq fuq l-impenn sod – u li tant inħossu n-nuqqas tiegħu – favur id-djalogu Ewro-Mediterranju tal-predeċessur ferm apprezzat tiegħi, il-President David Sassoli. Is-Summit tal-Ispeakers tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, li sar f'Diċembru tas-sena li għaddiet, kien waħda mill-aħħar laqgħat li ppresjeda fil-Parlament Ewropew, fejn niftakru fih b'għożża kbira tassew.

Għażiż President Talbi Alami,

qegħdin inħabbtu wiċċna ma' żminijiet ikkumplikati billi l-gwerra fl-Ukrajna qed ikollha effetti fuq id-destin tar-reġjun tal-Mediterran.

Il-Parlament Ewropew adotta pożizzjoni soda ħafna.  Nikkundannaw l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna bl-aktar mod qawwi possibbli u nitolbu appoġġ umanitarju kostanti favur l-Ukrajna u r-rifuġjati Ukreni. L-attakk Russu huwa attakk mhux biss fuq stat sovran, iżda wkoll attakk fuq id-demokrazija u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-parlamenti eletti. Jirrappreżenta ksur illegali tal-ordni internazzjonali kontemporanju tagħna.

Huwa evidenti li l-kunflitt jolqot lir-reġjun tal-Mediterran: il-baċir tal-Baħar l-Iswed sar żona ta' tensjonijiet kbar. L-ekonomija tiegħu għadha ssofri mill-konsegwenzi tal-pandemija u mill-interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista. Hemm implikazzjonijiet serji għas-sigurtà tal-enerġija tagħna fit-terminu medju u twil peress li ċerti Stati Membri jiddependu totalment mill-gass Russu. L-Ukrajna tesporta 95% taċ-ċereali tagħha mill-Baħar l-Iswed u, f'dawn l-aħħar sentejn, aktar minn 50% tal-esportazzjonijiet tagħha ta' qamħ marru fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq. Għaldaqstant, jekk ikun hemm interruzzjoni, din kieku jkollha, biex ma ngħidx sejjer ikollha, konsegwenzi diżastrużi għas-sigurtà tal-ikel f'bosta pajjiżi tal-Mediterran diġà fraġli.

Sur President,

l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran għandha tingħaqad fl-appell diplomatiku biex tittaffa t-tensjoni tas-sitwazzjoni bil-għan li jerġgħu jinġiebu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Ilkoll kemm aħna interessati nisimgħu l-fehmiet tiegħek, partikolarment liema inizjattivi qiegħed tippjana biex l-Assemblea tagħna tieħu azzjoni u, naturalment, liema huma l-prijoritajiet l-oħra li se jikkaratterizzaw il-presidenza tiegħek.