Il-President Metsola tilqa’ l-ftehim dwar il-fondi lill-Ukrajna 

 

Hi u tindirizza l-mexxejja Ewropej waqt il-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet il-ftehim dwar il-50 biljun ewro għall-Ukrajna. “Is-sigurtà tal-Ukrajna hi s-sigurtà tal-Ewropa,” qalet il-President Metsola.

Grazzi, Charles. 
Bonġu lil kulħadd. 

Nilqa’ b’sodisfazzjon l-ftehim li għadna kif ilħaqna dwar l-Ukrajna.

L-aħħar darba li ltqajna madwar din il-mejda, konna ħadna d-deċiżjoni storika li niftħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE kemm mal-Ukrajna kif ukoll mal-Moldova. Illum ħadna l-pass essenzjali li jmiss biex niggarantixxu appoġġ finanzjarju prevedibbli fuq terminu medju favur l-Ukrajna. Appoġġ li se jirfed l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u r-riforma tal-pajjiż. Appoġġ li se jgħin lill-pajjiż fi triqtu lejn l-adeżjoni mal-UE. U appoġġ li bis-saħħa tiegħu l-Ukrajna se tkun tista’ tkompli tgħix.

Appoġġ li l-Ukrajna teħtieġ iżda li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkonċerna wkoll is-sigurtà Ewropea tagħna. Illum dan kollu jinsab f’riskju. 

Kważi sentejn ilu, ħadna impenn li nagħtu appoġġ politiku, umanitarju, ekonomiku, diplomatiku, militari u finanzjarju b’saħħtu lill-Ukrajna sakemm ikollha bżonn. Dan l-impenn ħadnieh mhux biss għal raġunijiet morali iżda wkoll strateġiċi. Aħna u nagħmlu hekk, konna nafu li kien se jasal il-waqt meta l-kelma li tajna kienet se tkun taħt prova. 

Dak il-mument wasal.  Fir-rigward tal-assistenza militari, ilbieraħ il-ministri għad-difiża qablu li jfornu lill-Ukrajna aktar minn miljun balla tal-artillerija sa tmiem is-sena. Minkejja d-diffikultajiet biex nirrispettaw l-iskadenzi, nixtieq nirringrazzjakom għall-isforzi kollettivi tagħkom, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tad-difiża tal-UE. Nittama li fil-ġejjieni ma ndumux ma nilħqu ftehim dwar il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna. Jeħtieġ li niżguraw finanzjament sostenibbli u prevedibbli mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna. 

F’dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ finanzjarju, aħjar nitkellmu ċar u ma ndurux mal-lewża: l-Ukrajna qed jispiċċawlha l-fondi, u dan jirriskja li jkun ta’ vantaġġ għall-aggressur Russu jew ikompli jġiegħel lill-inflazzjoni tispara ’l fuq. Il-ftehim dwar il-Faċilità l-ġdida għall-Ukrajna ta’ €50 biljun ivvutat mill-Parlament Ewropew f’Ottubru li għadda kien urġenti, u daqstant ieħor kienet urġenti l-ħtieġa li jintlaħaq qbil dwar reviżjoni tal-baġit fit-tul tagħna. Dan huwa obbligu li għandna kemm lejn il-poplu tal-Ukrajna kif ukoll lejn il-poplu tal-Ewropa.

Qed ngħixu f’dinja kompletament differenti minn dik tal-2020, meta konna qed ninnegozjaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali tagħna. Il-pandemija, l-invażjoni tal-Ukrajna, it-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja – kollha kemm huma kellhom ir-riperkussjonijiet fuq il-baġit tagħna. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax għolliet l-ispejjeż tas-self fl-ambitu ta’ NextGenerationEU. 

Huwa minnu li rnexxielna nużaw kull flessibbiltà, kull possibbiltà ta’ riallokazzjoni ta’ fondi biex niffinanzjaw is-soluzzjonijiet li ntalbu minna. Iżda jibqa’ l-fatt li l-QFP tagħna qed jingħasar sal-aħħar qatra, u dan il-ftehim qed iċaħħad il-flus minn programmi li ċ-ċittadini tagħna jiddependu minnhom, minn uħud mill-aktar vantaġġi tanġibbli tal-UE, mill-Unjoni Ewropea tas-Saħħa tagħna jew Orizzont Ewropa, speċjalment meta ninsabu tant viċin l-elezzjonijiet Ewropej.

Il-bidliet lill-QFP tagħna, bi qbil mat-trattati tagħna u mal-prerogattivi tal-Parlament bħala awtorità baġitarja, iridu jiżguraw baġit li jkun adattat għall-iskop tiegħu, li jkun mgħammar b’biżżejjed flessibbiltà biex jgħinna nirreaġixxu għall-kriżijiet tal-lum u ta’ għada u biex iwettaq il-prijoritajiet politiċi tiegħu. Dan huwa dak li se jgħinna nsiru aktar b’saħħitna, aktar magħqudin u aktar kompetittivi f’dinja dejjem aktar ostili u differenti. Dan huwa dak li se jserraħ ras is-swieq u jiżgura l-kapaċità tagħna li nħallsu lura d-djun tagħna. Il-progress fir-riżorsi proprji jrid jkun ukoll parti minn din is-soluzzjoni.

F’dan il-proċess ippermettuli nassigurakom li l-Parlament Ewropew dejjem se ssibuh bħala sieħeb kostruttiv tagħkom. 

Jeħtiġilna nkunu magħqudin u koerenti fl-approċċ tagħna għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. 

L-Ewropa tista’ tgħin biex tmexxi ’l quddiem il-proċess ta’ paċi u tagħmilha ta’ medjatur biex jinsabu soluzzjonijiet. Il-Parlament Ewropew diġà għamel appell għal waqfien mill-ġlied permanenti f’Gaża. Huwa pass meħtieġ lejn paċi u stabbiltà dejjiema bħalma huwa r-ritorn tal-ostaġġi li nħatfu b’mod tant brutali minn Ħamas fis-7 ta’ Ottubru. Konxji wkoll li biex ikun hemm paċi reali, Gaża jeħtiġilha titmexxa minn rappreżentanti Palestinjani leġittimi.

Is-sitwazzjoni fuq il-post għadha terribbli għal wisq nies. Jeħtieġ li nippermettu l-aċċess ta’ aktar għajnuna umanitarja, kemm jista’ jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli. U minkejja li dan jidher diffiċli sforz l-inċertezzi li ġġib magħha l-gwerra, jeħtiġilna wkoll nitkellmu dwar dak li jiġi wara, dwar kif soluzzjoni ta’ żewġ Stati tista’ toffri sigurtà lil Iżrael u prospettiva lill-poplu Palestinjan.  Flimkien nistgħu nsibu r-rieda politika biex inwaqqfu l-istorja milli tkompli tirrepeti ruħha.

Din hija waħda mill-kwistjonijiet li jeħtiġilna nittrattaw fil-128 jum li ġejjin qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Fix-xhur li ġejjin, il-Parlament Ewropew se jikkonċentra fuq l-għeluq tal-fajls leġiżlattivi pendenti. Se nivvotaw dwar fajls bħall-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, il-Pakkett Farmaċewtiku, id-Direttiva dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa u, naturalment, il-Patt dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni. 

Se nkun qed inżur ukoll Stati Membri fejn, flimkien mal-kollegi tiegħi, il-Membri tal-Parlament Ewropew mill-pajjiżi tagħkom, se nidħlu fi djalogu maċ-ċittadini u nqajmu kuxjenza dwar l-elezzjonijiet Ewropej, billi nisimgħuhom, nispjegawlhom u ngħinuhom jivvotaw.  Nistenna bil-ħerqa l-bqija taż-żjarat tiegħi u nafda fikom biex tgħinu tgħollu l-livelli ta’ parteċipazzjoni. Ninsab fiduċjuża li, flimkien, nistgħu nkomplu nuru dak li l-Ewropa hija kapaċi toffri.

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: