L-Ewropa ma tistax tkun sħiħa jekk Ċipru tkun maqsuma 

 

Waqt iż-żjara tagħha Ċipru, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet mistiedna biex tindirizza laqgħa speċjali tal-Plenarja tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Fid-diskors tagħha, l-President Metsola salet li fil-Parlament Ewropew, Ċipru għandu jsib ħabib ta' veru, u li t-triq 'il quddiem, filmait li diffiċli, mhix impossibbli.

© Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza Laqgħa Speċjali tal-Plenarja tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta' Ċipru

Għeżież ħbieb, 

Huwa unur għalija llum li ninsab f'Ċipru, dan il-pajjiż sabiħ, id-dar tad-demokrazija. Ninsab onorata li ninsab qalb il-ħbieb, fost l-Ewropej li jifhmu l-poter tal-Ewropa li tittrasforma, li tfejjaq. 

Ċipru huwa u se jkun dejjem qrib qalbi. Mhux biss għax jien, bħalkom u bħal ħafna, Madam Speaker, mara Mediterranja kburija, iżda għax nifhmu lil xulxin. Nafu l-possibbiltà tal-Ewropa. Nafu li għandna nkunu magħqudin. U nafu li aħna aħjar, aktar b'saħħitna, aktar sikuri, meta naġixxu flimkien. 

L-Ewropa hija Ċipru, hekk kif Ċipru hija l-Ewropa. Se ssib qalb l-Ewropa tħabbat f'kull belt u raħal hawnhekk.

L-istorja ta' Ċipru tirrakkonta eżempju ta' reżiljenza, ta' kif wieħed jisfida sitwazzjonijiet impossibbli iżda xorta waħda jirnexxilu joħroġ aktar b'saħħtu. Dwar kif l-isfidi ffaċċjati minn gżira f'nofs baħar volatili, li min-natura tinsab f'salib it-toroq taċ-ċivilizzazzjonijiet, nibdluhom f'sur ta' valuri Ewropej, ta' demokrazija, ta' dinamiżmu, ta' opportunità. Is-sagrifiċċji magħmula mill-poplu tagħkom ifissru li Ċipru – minkejja x-xitwa globali diffiċli li qed niffaċċjaw ilkoll kemm aħna – jinsab fit-triq it-tajba lejn it-tkabbir, il-prosperità u s-sostenibbiltà. Dan ma kienx faċli, iżda għamiltuh.    

L-istorja tal-poplu tagħkom hija tabilħaqq ta' ispirazzjoni, iżda huwa l-futur ta' din il-gżira nazzjon li jispira aktar. U jekk iċ-Ċiprijotti jistgħu jgħallmu lid-dinja xi ħaġa, din hija li l-futur huwa mimli possibbiltajiet. 

Fl-ewwel diskors tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew, f'Jannar, tkellimt dwar pajjiżkom, dwar it-taqbida li qed tiffaċċjaw u s-setgħa li għandha l-Ewropa biex tgħin. Kien importanti għalija li nagħmel dan. Xtaqt nibgħat messaġġ minnufih li Ċipru mhuwiex f'parti minsija tal-Unjoni, li fil-Parlament Ewropew dejjem se ssibu ħabib veru u alleat li ma jaqtax qalbu u li minkejja li t-triq 'il quddiem hija diffiċli, mhijiex impossibbli. 

L-Unjoni Ewropea ssawret mill-istorja mimlija tbatija tal-kontinent tagħna. Il-ħitan li kienu jidhru indistruttibbli tħattew, l-għedewwa għall-mewt saru sħab, fejn darba kien hemm gwerra, uġigħ u tixrid tad-demm issa qed isiru laqgħat fl-ispirtu ta' kooperazzjoni. 

L-Ewropa għandha s-setgħa li tfejjaq u hawnhekk fl-aħħar belt kapitali maqsuma fil-kontinent tagħna, l-Ewropa għandha tuża l-esperjenza tagħha biex tlaqqa' lin-nies flimkien, biex tiżgura Ċipru wieħed taħt l-awspiċji tal-pjan tan-NU għall-paċi u f'konformità mal-valuri komuni Ewropej tagħna.  

U ħalli nkun ċara: L-unika triq 'il quddiem hija li jkun hemm Stat uniku sovran, Ewropew; federazzjoni b'żewġ komunitajiet, b'żewġ żoni f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. 

Ninsab hawn biex ngħid li l-Ewropa mhux se titbiegħed minn Ċipru jew mill-ambizzjoni komuni tagħna li naraw ir-riunifikazzjoni ta' din il-gżira bi storja kbira. Li aħna ħaġa waħda. Li l-isfidi tagħkom huma l-isfidi tagħna, u li – ippermettuli nerġa' ngħid – l-Ewropa qatt mhi se tkun sħiħa waqt li Ċipru jibqa' maqsum.

Għaliex din id-diviżjoni furzata ta' Stat Membru tal-UE, mhijiex kwistjoni ta' Ċipru, iżda kwistjoni Ewropea u għandna nirreaġixxu għaliha b'metodu Ewropew.

U ħbieb, ippermettuli ngħid li t-theddid li għandu l-għan li jfixkel l-istatus quo – bħal f'Famagusta – jipperikola serjament l-isforzi biex terġa' tinkiseb il-fiduċja u jinstabu soluzzjonijiet fattibbli. Għandna nibnu l-fiduċja.

Hawnhekk jista' jkun hawn, u għandu jkun hawn, riżultat li bih jirbaħ kulħadd, li joħloq fiduċja bejn il-komunitajiet. Minn dan ninsab konvinta – u r-riżorsi kollha tal-Parlament Ewropew huma għad-dispożizzjoni tagħkom biex nagħmlu l-passi lejn il-progress, lejn il-paċi, lejn ir-riunifikazzjoni. 

Għeżież Sinjuri, 

Dan jinsab fil-qalba tal-missjoni tal-Parlament Ewropew u huwa dan l-ethos li mexxa r-rispons tagħna għall-invażjoni tal-Ukrajna. 

Għandna nitgħallmu l-lezzjonijiet ibsin tal-istorja, u għandna nkomplu nappoġġjaw lill-Ukrajna – politikament, b'għajnuna militari, b'appoġġ loġistiku u bit-tama u s-solidarjetà li l-Ewropa biss tista' tipprovdi. 

Il-jum li fih l-Ukrajna ngħatat l-istatus ta' kandidat tal-UE kien jum meta l-Ewropa ċċaqalqet biex tagħti tama lil persuni taħt attakk. Nafu xi jfisser dan għan-nies. Niftakru dak il-jum fl-2004 meta fl-aħħar il-pajjiżi tagħna ssieħbu u l-impatt li dan kellu fuq is-soċjetajiet tagħna. 

Wasal iż-żmien li nimxu 'l quddiem mal-Ukrajna, mal-Moldova, mal-Balkani tal-Punent, mal-Georgia. Wasal iż-żmien li nimxu 'l quddiem bil-proġett tagħna Ewropew. 

Din hija mistoqsija li jagħmluli ta' spiss: Wasal iż-żmien? Meta? Huwa possibbli? It-tweġiba hija: L-Unjoni Ewropea tagħna qatt ma tista' tkun statika. Għandna nibqgħu nevolvu, u huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew irid konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Għandna niżguraw li jkollna l-għodod biex nindirizzaw it-tħassib li qed jiffaċċjaw in-nies. Li niffaċċjaw il-futur flimkien. Għandna nkunu kapaċi nadattaw. Li ninbidlu.

Għeżież ħbieb, 

Bħalissa n-nies verament huma inkwetati ħafna. L-inflazzjoni qed tikkawża tnaqqis drastiku fis-setgħa tan-nefqa, il-prezzijiet tal-elettriku qed jisparaw 'il fuq, l-ikel huwa ħafna inqas sigur milli kien sitt xhur ilu. L-affarijiet normali ta' kuljum – li nsuqu karozza, nixegħlu djarna u nħaddmu l-industriji tagħna, li nixegħlu l-air conditioners u l-ħiters tagħna – se jsiru aktar diffiċli. 

U meta n-nies iduru lejn l-Ewropa għal tweġibiet — għall-għajnuna biex jindirizzaw is-sitwazzjoni jum wara jum — għandna nkunu kapaċi nirreaġixxu b'soluzzjonijiet li jkollhom impatt tanġibbli fuq ħajjet in-nies. Dan huwa dak li n-nies jistennew mingħandna u dan huwa dak li għandna nkunu nistgħu nwettqu.  U hemm deċiżjonijiet li nistgħu nieħdu issa. Dan sempliċement ma jistax jistenna. 

Neħtieġu "aktar Ewropa" biex nindirizzaw il-kriżi tal-enerġija: Nistgħu naġixxu flimkien biex nillimitaw l-impatt: kemm jekk noħolqu limitu massimu għall-kontijiet, kemm jekk niffissaw is-sistemi tal-prezzijiet tagħna, jew nifirdu l-prezz tal-elettriku minn dak tal-gass – hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu issa, anke temporanjament biex inpattu għall-pressjoni immedjata. Dan ivarja minn pajjiż għal ieħor, dan ivarja skont ir-realtajiet li kull pajjiż jiffaċċja, inkluż dan, dan ivarja f'termini tal-pressjonijiet immedjati li jinħassu u dan irid jiġi indirizzat filwaqt li nimplimentaw strateġiji fit-tul. Ir-riżorsi tal-gass fl-ilmijiet tagħkom ifissru li Ċipru se jkollu rwol importanti u strateġiku fis-soluzzjoni tal-problema tal-enerġija tal-Ewropa. 

Neħtieġu "aktar Ewropa" biex niffaċċjaw l-isfidi tas-sigurtà reali u komuni tagħna: jeħtieġ li ntejbu l-infrastruttura komuni tad-difiża tagħna kemm jekk qed nittrattaw id-determinazzjoni tar-Russja li tibni purtiera ġdida tal-ħadid madwar l-Ewropa jew jekk hux qed nittrattaw tensjonijiet akbar fil-Lvant tal-Mediterran. 

Neħtieġu "aktar Ewropa" jekk irridu nsibu triq komprensiva 'l quddiem dwar il-migrazzjoni li tkun ġusta u umana ma' dawk li qed ifittxu protezzjoni, soda ma' dawk li mhumiex eliġibbli u b'saħħitha ma' dawk it-traffikanti li jisfruttaw uħud minn dawk l-aktar vulnerabbli fil-pjaneta tagħna. L-ebda Stat ma jista' jitħalla waħdu, u Ċipru mhux se jitħalla waħdu biex jiffaċċja kwalunkwe mewġa ta' migranti. 

Neħtieġu "aktar Ewropa" biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima u nieħdu d-deċiżjonijiet ibsin għax jeħtieġ li nħallu pjaneta b'saħħitha għall-ġenerazzjoni li jmiss. Dan huwa partikolarment importanti fil-Mediterran tagħna fejn it-temperaturi qed jogħlew 20 % b'rata aktar mgħaġġla mill-medja globali. 

Neħtieġu "aktar Ewropa" biex niżguraw li d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-libertà jsiru aktar minn sempliċi kliem sabiħ użat fil-kampanji elettorali jew kunċetti teoretiċi.  Rajt dan kollu u ħafna iżjed fil-livell Ewropew, anke f'ħafna pajjiżi.

Neħtieġu "aktar Ewropa" li tippermettilna noħolqu unjoni tas-saħħa reali li tippermettilna negħlbu l-pandemiji u naqsmu l-vaċċini u l-ventilaturi bejnietna. 

Neħtieġu "aktar Ewropa" jekk għandna noħolqu l-impjiegi, nissalvagwardjaw id-drittijiet u niżguraw li n-nies ikollhom id-dinjità komuni għalina lkoll.

Neħtieġu "aktar Ewropa", Madam Speaker, jekk irridu li n-nisa bħalek u bħali jsiru aktar ir-regola milli l-eċċezzjoni. 

Iżda ħbieb, "Aktar Ewropa" tfisser li niddefendu l-Ewropa. Li nirreżistu t-tentazzjoni li nitfgħu t-tort u l-frustrazzjonijiet kollha tagħna fuq "Brussell", li nirreaġixxu kontra ċ-ċiniżmu faċli, il-populiżmu perikoluż u l-miżinformazzjoni li qed tifqa' l-aħbarijiet li nikkunsmaw. Għandna nispjegaw il-benefiċċji tal-Ewropa – u Ċipru għandu jkun fiċ-ċentru ta' dik il-konverżazzjoni.

U kif tafu tajjeb wisq, Aktar Ewropa għandha tfisser ukoll li nifhmu li ħafna drabi approċċ wieħed li jkun tajjeb għal kulħadd mhuwiex fattibbli minħabba l-insularità li jħabbtu wiċċhom magħha xi wħud mill-Istati Membri tagħna. 

Dan huwa preċiżament kif jista' jkun hemm aktar Ewropa. 

Ħbieb, m'iniex hawn biex ngħidilkom biss dwar kif il-Parlament Ewropew jista' jgħin. Qiegħda hawn għal ftit jiem biex nisma', nitgħallem, nifhem. Irrid nieħu lura ftit minn Ċipru miegħi bħala għajnuna li tiggwida d-diskussjonijiet tiegħi fi Brussell u fi Strażburgu.

Għax jekk hemm ħaġa waħda li hija vera dwar l-Ewropa tagħna, din hija li r-realtajiet ġeografiċi huma ferm inqas importanti mill-ideat. Li huwa d-daqs tal-ħsieb li dejjem se jkollu prevalenza fuq il-massa tal-art. Dan huwa dak li fl-aħħar mill-aħħar jagħmel l-Ewropa unika. 

Il-futur tal-Ewropa jista' jiġi deċiż biss jekk naħdmu id f'id. L-appell tiegħi lil Ċipru huwa li jgħin fit-tmexxija ta' dak il-futur. Flimkien. 

Grazzi.