Hekk kif l-Ewropa qed tiffaċja inflazzjoni u żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, ċ-ċittadini jistennew tmexxija b'saħħitha u deċiżjonijiet deċiżivi. Tilqa' lill-Prim Ministru tal-Fillandja Sanna Marin għal dibattitu 'Din hi l-Ewropa' fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Fillandja għandu jkollha rwol ċentrali fit-tfassil tal-futur ta' Ewropa aktar reżiljenti u magħquda.
© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Prim Ministru tal-Finlandja Sanna Marin
Illum għandna magħna lill-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin.
Prim Ministru, għażiża Sanna, grazzi talli aċċettajt l-istedina tagħna biex tindirizza lill-Parlament u lill-poplu tal-Ewropa bħala parti mis-sensiela ta' dibattiti "Din hija l-Ewropa".
Id-dinja ta' madwarna qed tinbidel aktar malajr milli bosta ħasbu possibbli. Bosta minna qatt ma kienu jimmaġinaw li l-Ewropa kienet se terġa' tesperjenza gwerra fuq l-għatba tagħha. U fl-24 ta' Frar, meta t-tankijiet tal-President Putin daħlu f'Ukrajna indipendenti u sovrana, bosta minna qatt ma kienu jimmaġinaw li l-aggressjoni tar-Russja kienet se ddum aktar minn 200 jum.
Is-sinjali ta' twissija kienu hemm. Rajna dak li ġara fil-Krimea, dak li għamlu lil Navalny, kif ippruvaw ikissru d-demokrazija fil-Belarussja, u t-theddid immirat kontra l-Finlandja – il-pajjiż tal-UE bl-itwal fruntiera mar-Russja.
Issa wasal iż-żmien li nirreaġixxu. Li niddefendu l-valuri li jagħtu lill-Ewropa l-vantaġġ sostenibbli tagħha. U meta nagħmlu dan, irridu nkunu lesti nadattaw għar-realtajiet ġeopolitiċi li qed jinbidlu.
Bħalissa n-nies huma inkwetati dwar il-prezzijiet li qed jogħlew malajr ħafna tal-gass u l-elettriku. Hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu flimkien – anke temporanjament – biex nillimitaw l-impatt filwaqt li nimplimentaw strateġiji fit-tul. Ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq atturi mhux affidabbli.
U biex niffaċċjaw l-isfidi tas-sigurtà reali u kondiviżi tagħna, il-ħidma biex tinbena Unjoni reali ta' sigurtà u difiża trid tibda minnufih. Hawnhekk, nixtieq nilqa' d-deċiżjoni storika tal-Finlandja li tingħaqad man-NATO. Nafu li l-Finlandja ilha sieħeb tan-NATO għal żmien twil, u se tkun kontributur ewlieni għas-sigurtà fit-Tramuntana tal-Ewropa u fir-reġjun tal-Baħar Baltiku.
Iż-żieda fl-isforzi se jkollha prezz. Imma jekk qatt kien hemm mument għal "aktar Ewropa", il-mument huwa dan u huwa issa.
Għada, il-Parlament Ewropew se jospita lill-President tal-Kummissjoni Ewropea għad-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, fejn se jkollna l-opportunità li nitkellmu dwar dawn ir-riformi. It-tama tiegħi hija li l-Finlandja jkollha rwol ċentrali fit-tiswir tal-futur ta' Ewropa aktar reżiljenti u aktar magħquda.
Prim Ministru, għażiża Sanna, nagħtik il-kelma.