Jiena konvinta li l-politika tibqa’ l-aqwa aġent għal bidla pożittiva fis-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna - Il-President Metsola tindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-KESE 

 

“Fix-xhur li ġejjin, il-Parlament Ewropew se jiġi msejjaħ biex jiddefendi l-Ewropa. Mhux se tkun faċli jew sempliċi. Imma jien konvinta li nistgħu nagħmlu dan u nuru kif il-politika tibqa’ l-aqwa aġent għal bidla pożittiva fis-soċjetajiet u fil-komunitajiet tagħna.” Il-President Metsola qalet dan waqt is-Sessjoni Plenarja tal-KESE, hi u tindirizza r-rappreżentanti ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u tas-soċjetà ċivili.

Grazzi ħafna President Röpke, għażiż Oliver,
Għeżież ħbieb,
Onorevoli kollegi Membri tal-Parlament Ewropew,
Ex Membri tal-Parlament Ewropew,
Qed nara ħafna kollegi, uċuħ familjari,

Huwa sabiħ li qegħdin fl-Emiċiklu. Ilna ma nkunu hawn minn qabel l-elezzjonijiet Ewropej u tajjeb li erġajna qegħdin hawn hekk kif qegħdin nippreparaw għas-sessjoni kostituttiva tal-Parlament Ewropew tal-ġimgħa d-dieħla fi Strażburgu biex nibdew l-10 leġiżlatura.

Merħba bikom ilkoll fi Brussell. Nirringrazzjakom talli stedintuni hawn illum biex inkellimkom. 
Ilu biss xahar li ċ-ċittadini Ewropej intalbu jsemmgħu leħinhom fl-akbar eżerċizzju demokratiku multinazzjonali tad-dinja: l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 

Iċ-ċittadini eleġġew is-720 Membru l-ġdid tal-Parlament Ewropew, u bagħtulna messaġġ ċar dwar dak li jistennew mingħandna – mill-Ewropa tagħhom. 

Quddiemna għandna sfidi kbar u l-mandat li jmiss mhux se jkun wieħed faċli. Iżda ppermettuli ngħid dan ċar u tond: huwa ċar li l-oneru u r-responsabbiltà jinsabu fuq spallejna lkoll biex nisimgħu dawk il-messaġġi elettorali u nsarrfuhom f’azzjoni għall-Unjoni Ewropea. 

Kemm jekk dan ikollu x’jaqsam mad-difiża tal-valuri komuni Ewropej tagħna, mal-urġenza meħtieġa ħalli nuru s-setgħa tal-Ewropa biex tħalli impatt pożittiv fuq ħajjet in-nies, mal-bżonn li nirrispettaw l-impenji tagħna u nżommu l-kontinent tagħna fir-rwol ta’ tmexxija dinjija f’dawk li huma drittijiet, sigurtà, ugwaljanza, sostenibbiltà, opportunitajiet u swieq kompetittivi, soċjali, ħielsa u ġusti jew mal-fatt li niżguraw li nkunu spazju fejn intejbu l-komunitajiet tagħna, iċ-ċittadini qed jistennew ir-riżultati. 

Kif nistgħu niksbuhom dawk ir-riżultati? Billi nsibu r-risposta politika u leġiżlattiva li ċ-ċittadini jridu minna. Għax jekk dan ma nagħmluhx, allura tassew inkunu qed nissugraw li ċ-ċittadini jistkennu għall-irdoss komdu tal-pożizzjonijiet estremi. 

Fil-mandat li jmiss, forsi aktar minn kwalunkwe żmien ieħor, dan il-Parlament, aħna lkoll, se nintalbu niddefendu l-Ewropa. Din la se tkun biċċa xogħol faċli u lanqas sempliċi.  

Imma ninsab konvinta li jista’ jirnexxilna u li nistgħu nuru li l-politika għadha l-aqwa aġent tal-bidla pożittiva fis-soċjetajiet tagħna u fil-komunitajiet tagħna. 

Jekk tgħallimt ħaġa waħda waqt din il-kampanja, kienet li tassew jista’ jerġa’ jkollna r-riedni ta’ dik in-narrattiva. Nistgħu nerġgħu nsibu dak l-entużjażmu għall-Ewropa li rajna f’kull Stat Membru matul il-kampanja elettorali, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, li vvutaw għall-ewwel darba. Dawk li ma kinux isibu partit politiku ħaqqu l-vot tagħhom, li ma kienu jsibu l-ebda kandidat biex jidentifikaw ruħhom miegħu, li kienu jaħsbu li l-Parlament Ewropew jinsab wisq ’il bogħod. 

L-ewwel ħsieb li għaddielna minn moħħna dak il-lejl tal-Ħadd, meta bdew deħlin ir-riżultati kollha, kien li l-maġġoranza Ewropeista tista’ żżomm sod. U dan il-ħsieb għandu jiggwidana f’dawn is-snin li ġejjin.

Biex nagħmlu dan, hemm bżonn li nsibu tweġibiet; tweġibiet kollettivi f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà, ma’ li niżguraw il-kompetittività globali u t-tkabbir tal-Ewropa, mat-tlestija tal-unjoni bankarja u tal-unjoni kapitali,  ma’ li nsaħħu l-awtonomija strateġika tagħna, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-faqar u s-solitudni, ma’ li niżguraw li l-politiki tagħna jaħdmu sew kemm għall-familji, għall-bdiewa kif ukoll għall-industrija. Ifisser li nirriflettu dwar il-mod kif nistgħu nindirizzaw kwistjonijiet li ma ridniex, fuq livell nazzjonali jew għal żmien twil, nindirizzaw fil-livell Ewropew, pereżempju d-djar. Jekk hemm kwistjoni waħda li f’kull Stat Membru semmewlna kemm-il darba hija dik li qed jinbet serjament bżonn ta’ djar aktar aċċessibbli fl-Unjoni Ewropea kollha. 

Allura nistaqsi jekk aħniex – u biex niksbu dan qed nafdaw fikom bħala sħabna – kapaċi nagħtu tama lill-ġenerazzjonijiet li jmiss li se jkollhom il-kundizzjonijiet u l-oqfsa li jippermettulhom jikbru fis-soċjetajiet tagħna, jistagħnew, ikunu kapaċi jinvestu, jibqgħu fl-Ewropa, ikunu jistgħu jsiru s-sidien ta’ darhom u jifilħu jixtruha. 

F’dawn l-aħħar xhur, aħna u nivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor biex nistaqsu lin-nies xi jridu minna, mil-leġiżlatura li jmiss, konna nitolbuhom l-ewwel biex jivvutaw, iżda mbagħad konna nitolbuhom ukoll jgħidulna x’inhu importanti għalihom. U hawn miegħi hawn ħafna kollegi – waqt il-kampanja dan għamilnieh flimkien – u l-ħaġa waħda li rrealizzajna hija li hemm bżonn inħeġġu lil dawk in-nies u nikkonvinċuhom biex ma jagħmluhiex fatta d-demokrazija. U li nħeġġuhom jivvutaw. Issa huma vvutaw u sta għalina li niksbu r-riżultati. 

F’din l-era ta’ diżinformazzjoni, populiżmu u ċiniżmu faċli, ir-responsabbiltà qiegħda wkoll fuq spallejna, fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi, fuq il-Parlament Ewropew u fuq il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, biex inkunu lesti niksbu dak li ċ-ċittadini jistennew mingħandna u nuru li d-demokrazija hija denja tal-fiduċja u tal-appoġġ tan-nies. 

Biex nagħmlu dan, hemm bżonn li niġġieldu l-politika identitarja, nopponu l-idea tal-populiżmu u tan-nazzjonaliżmu.  

Bħala Ewropej, m’aħniex kulħadd xorta. Intom stess tafuh dan bħala kollegi, u f’din il-Kamra lkoll kemm aħna nafuh: għandna tradizzjonijiet, lingwi u kulturi differenti, iżda l-ġmiel tal-proġett Ewropew jikkonsisti eżattament mill-fatt li huma dawn id-differenzi li jagħtuna l-forza biex nilħqu l-iskop tagħna. Huma dawn id-differenzi li l-awtokrati kien mingħalihom li jfissru dgħufija. Urejniehom kemm ma kellhomx raġun bir-risposta tagħna għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u se nibqgħu nuruhom kemm qed jarralhom.

Fl-aħħar mill-aħħar, meta naraw ir-riżultati u l-mod kif dan il-Parlament se jaħdem, dik id-demokrazija għadha estremament ħajja fl-Ewropa. Id-demokrazija tfisser li nifhmu li flimkien nistgħu nkunu aktar sikuri. Hija konvinzjoni, hija Realpolitik. Id-demokrazija hija dik it-tama li tassew iggwidat il-proġett Ewropew sa mill-bidu nett, li tiggwidana llum u li se tkompli tiggwidana.

Din is-sena, fl-eqqel tal-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew, iċċelebrajna l-20 anniversarju tal-adeżjoni ta’ 10 pajjiżi, fosthom tiegħi. U lilna li ġejjin minn dawk l-10 pajjiżi, aspett li jgħaqqadna lkoll huwa l-effett trasformattiv li l-adeżjoni mal-UE għandha fuq il-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej. M’hemmx l-iċken dubju dwar dan. Anki dawk li 20 sena ilu kellhom dubji, illum m’għadx għandhom dawk id-dubji. 

U għalhekk huwa importanti li jkollna hawn magħna ħbieb mill-pajjiżi kandidati. Konna anki qed niddiskutu din il-kwistjoni: kif nistgħu nqarrbuhom lejn il-Parlament Ewropew biex isiru r-rappreżentanti tiegħu f’pajjiżhom. Din hija t-tama tal-adeżjoni. It-tkabbir tal-Unjoni huwa proċess li fih kulħadd joħroġ rebbieħ, kemm l-Ewropa kif ukoll il-pajjiżi li qed jistennew li jsiru membri. U ma jirrigwardax biss l-opportunitajiet. Jirrigwarda l-protezzjoni, id-drittijiet, li naċċertaw li ma jkunx hemm rigress f’dak li jgħid l-Artikolu 2 tat-Trattat li naqtgħuh bħala n-normalità. 

F’dan il-każ nitkellmu dwar drittijiet eżegwibbli konċessi liċ-ċittadini, opportunitajiet offruti lil kulħadd. Jirrigwarda s-suq uniku billi nżewquh mal-politika ta’ koeżjoni tagħna, b’hekk jissaħħu l-ekonomiji tagħna. L-Unjoni Ewropea mhijiex biss l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni u t-traspożizzjoni tagħha. Tmur ferm aktar fil-fond u fil-bogħod minn hekk.

U għal aktar minn 65 sena issa – dan fakkarnieh meta ffirmajna l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – dan wera kemm dan kollu seħħ bis-saħħa tagħkom. Bis-saħħa ta’ dawk li ġew qabilkom u bla dubju ta’ dawk li se jiġu warajkom. Urejtu u żvolġejtu rwol fundamentali fil-proċess demokratiku. Kontu l-organu li esprima t-tħassib tal-varji organizzazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, okkupazzjonali u ċiviċi li jikkomponu s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri kollha tagħna.  

L-importanza ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, tas-soċjetà ċivili hija essenzjali għall-kostruzzjoni Ewropea tagħna, fil-bliet, fl-irħula u fir-reġjuni tagħna. Minn hawn tibda l-Ewropa u minn hawn id-demokrazija tidħol fl-azzjoni.

Fl-immedjat, l-isfida tikkonsisti fil-mod kif inżommuha b’saħħitha, kif niddefenduha mit-theddid estern, intern iżda wkoll diġitali, kif niġġieldu għaliha u kif inrawmuha.

Fi żmien ta’ polarizzazzjoni dejjem akbar fl-Ewropa, il-gwadanji ekonomiċi u soċjali Ewropej ma jistgħux jitqiesu xi ħaġa ovvja. Jeħtiġilna nkomplu nisimgħu lin-nies, lil dak li jħassibhom u nisimgħuhom b’attenzjoni akbar. 

Dan hu l-“Istat tad-Demokrazija fl-Ewropa”. Demokrazija li se niddefenduha dejjem. U bi kburija u bi pjaċir kbir ngħid li l-Parlament Ewropew jista’ jserraħ fuqkom ilkoll, Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li se tagħmlu l-parti tagħkom biex tkomplu tiddefenduha aktar. 

Grazzi ħafna.