L-Irlanda għandha rwol ċentrali fit-tfassil tal-politika komuni 

 

It-Taoiseach tal-Irlanda Micheál Martin kien fi Strasburgu biex jipparteċipa f'wieħed mis-sensiela ta' dibattiti fil-Plenarja imsejjħa 'Din hi l-Ewropa'. Waqt l-introduzzjoni tagħha, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola irringrazzjat lill-Irlanda talli kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li neħħa r-rekwiżiti marbuta mal-visa għall-Ukreni.

© L-Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mat-Taoiseach tal-Irlanda Micheál Martin

Dalgħodu għandna l-pjaċir nilqgħu fostna t-Taoiseach Micheál Martin, il-Prim Ministru tal-Irlanda.

Taoiseach, nirringrazzjak talli ġejt hawn biex tindirizza lill-Parlament Ewropew bħala parti mid-dibattiti tagħna dwar it-tema "Din hija l-Ewropa".

Din hija sena importanti għall-Irlanda fl-Ewropa u waħda importanti għall-Ewropa mal-Irlanda. Timmarka l-50 sena minn meta l-poplu Irlandiż ivvota bi ħġaru favur l-adeżjoni ma' dik li dak iż-żmien kien jisimha l-Komunità Ekonomika Ewropea. U wara 50 sena, nieħdu pjaċir li l-appoġġ taċ-ċittadini Irlandiżi għall-proġett Ewropew għadu kbir immens. 

Il-fatt li l-Prim Ministru Irlandiż jinsab magħna llum fis-seduta plenarja huwa wkoll espressjoni tal-impenn tal-Irlanda, hekk kif l-Ewropa quddiemha għandha żminijiet diffiċli b'invażjoni illegali u mhux provokata fl-Ukrajna.

Matul is-snin, is-suq uniku Ewropew għen lill-ekonomija Irlandiża ssir kompetittiva ferm. Iżda l-Irlanda għadha tagħti ħafna lura lill-Ewropa wkoll: f'termini ekonomiċi, politiċi u soċjali. 

F'termini ekonomiċi, l-istorja ta' suċċess tal-Irlanda ħallietha tgħaddi minn rwol ta' destinatarju nett għal wieħed ta' kontributur nett tal-baġit tal-UE. 

F'termini politiċi, l-Irlanda tiżvolġi rwol ċentrali fit-tiswir tal-politiki komuni, b'mod partikolari fil-finanzi, fl-ambjent u fl-għoti ta' għajnuna essenzjali lill-Ukrajna.

U issa rrid infaħħar lill-Irlanda talli kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li applikat eżenzjonijiet għar-rekwiżiti ta' viża għall-Ukreni u talli laqgħet kważi 30 000 ċittadin Ukren li kellhom jitilqu minn pajjiżhom biex ifittxu kenn.

B'dispjaċir nafu li l-Irlanda ntlaqtet partikolarment mill-Brexit. U r-relazzjonijiet tajba mar-Renju Unit għadhom fl-interessi tagħna lkoll, speċjalment f'dan il-kuntest ġeopolitiku l-ġdid. Dwar l-Irlanda ta' Fuq, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea huma allinjati flimkien. In-negozjar mill-ġdid tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq mhuwiex għażla. Il-Parlament Ewropew tenna kemm-il darba l-appoġġ deċiż tiegħu għall-Protokoll. Nibqgħu totalment impenjati favur iż-żamma tal-paċi fil-gżira tal-Irlanda.

Ilbieraħ filgħaxija dan il-Parlament irċieva rigal mill-Gvern Irlandiż ta' bust tal-ex Membru tal-Parlament Ewropew u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, John Hume.  Il-wirt li ħalla huwa ispirazzjoni fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fir-rigward tar-rispett tad-differenzi. F'din il-Kamra nqisu b'rispett u b'unur kbir il-ħidma tiegħu favur in-negozjati għall-paċi fil-gżira tal-Irlanda u fit-tfassil tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira.

Dan il-Parlament jgħożż il-multilingwiżmu. U, issa li l-lingwa Irlandiża hija lingwa totalment uffiċjali tal-UE, ippermettuli ngħid bl-Irlandiż: Go raibh maith agat.

Għażiż Taoiseach, nagħtik il-kelma.