Metsola tinsisti fuq rispons b'saħħtu għall-kriżi tal-enerġija, l-inflazzjoni u l-gwerra fl-Ukrajna 

 

"Għandna bżonn reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE biex ikun addattat għall-kriżi u jiffinanzja prijoritajiet ġodda," qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt il-Kunsill Ewropew.

Għeżież kollegi, 

Għal darb'oħra niltaqgħu hawn f'mument meta ċ-ċittadini tal-Ewropa – li tagħhom aħna r-rappreżentanti – jistennew mingħandna deċiżjonijiet u tmexxija. 

Jinsabu inkwetati. L-attakk tar-Russja kellu riperkussjonijiet fuq l-istil ta' ħajja li ilna żmien twil inqisuh bħala stat ta' fatt. Dan ifisser li llum iċ-ċittadini tagħna jħossuhom inqas stabbli, inqas sikuri, inqas fiduċjużi rigward il-futur. 

Mingħandna jistennew direzzjoni, soluzzjoni li terġa' ġġib is-serħan tal-moħħ li tant nies tilfu. It-tweġiba tagħna trid tkun qawwija, unanima u proporzjonata. Wasal il-mument li l-qabża ta' ġgant tieħu post il-pass ta' nemla. Din biss hija t-triq li għandna nsegwu, sew biex nindirizzaw il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-elettriku m'għola s-sema, tal-provvisti ta' gass li qed jiċkienu, iż-żieda fl-inflazzjoni (li għadha ma laħqitx il-quċċata tagħha) sew biex nirreaġixxu għall-invażjoni illegali, inġustifikata u brutali tal-Ukrajna, Stat sovran, min-naħa tar-Russja.

Il-pandemija wrietna l-vulnerabbiltà tagħna f'dik li hija saħħa, l-invażjoni Russa wrietna l-vulnerabbiltà tagħna f'dawk li huma sigurtà u difiża. Il-punti dgħajfa tal-politika dwar l-enerġija tagħna ħarġu fid-dieher u xi ħadd qed japprofitta minnhom. Il-popolazzjoni tagħna qed tixjieħ u l-ktajjen tal-provvista globali jinsabu taħt pressjoni.

L-għaqda tagħna trid tkun reali, ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bid-denominatur minimu komuni. Hemm bżonn naġixxu aktar malajr u aktar fil-fond. 

Dan jgħodd għall-enerġija: anki jekk ninsabu f'pożizzjoni aħjar meta mqabbla ma' ftit xhur ilu, xorta għadna vulnerabbli għal skarsezza relattiva ta' gass, assoċjata ma' domanda mhux elastika u mal-fattur estern tal-istrumentalizzazzjoni tal-gass għall-iskopijiet tal-gwerra min-naħa tar-Russja. Fis-swieq qam paniku sħiħ meta raw in-nuqqas ta' provvista, ħżin insuffiċjenti u espożizzjoni għolja tal-Ewropa, u l-prezzijiet saru volatili ħafna. 

Hemm difetti li jeħtieġ li nikkoreġu. Jekk irridu nibnu r-reżiljenza fil-futur, jeħtieġ li nieħdu azzjonijiet komuni, inħaddnu solidarjetà f'dik li hi l-provvista ta' gass u noħolqu suq uniku tal-enerġija kredibbli. 

Il-Kummissjoni ressqet għadd ta' proposti urġenti: it-taxxa fuq profitti straordinarji, it-tnaqqis tad-domanda għall-gass jew l-iffissar ta' parametru ta' riferiment ġdid għall-gass naturali likwifikat (LNG). Il-Parlament Ewropew laqa' pożittivament dawn il-miżuri, iżda fl-istess ħin hemm l-impressjoni li jistgħu ma jkunux biżżejjed għall-impriżi Ewropej tagħna li issa quddiemhom għandhom spejjeż operatorji insostenibbli, jew għall-familji li m'għadhomx jifilħu jħallsu l-kontijiet tagħhom. 

Hemm bżonn li naħsbu aktar fit-tul. Għandna bżonn viżjoni kredibbli għas-suq tal-enerġija tagħna tal-futur. Hemm bżonn mekkaniżmu ta' akkwist konġunt għall-gass. Huwa l-uniku mod biex insibu soluzzjoni komuni u mhux nikkompetu ma' xulxin proprju f'mument kruċjali. Jeħtieġ li nerġgħu nikkunsidraw il-possibbiltà tad-diżakkoppjament tal-prezzijiet tal-elettriku mill-prezzijiet tal-gass, bħala miżura straordinarja u temporanja.

Iż-żminijiet qed jinbidlu u jirrikjedu soluzzjonijiet ġodda. Jeħtiġilna nkunu lesti. Mhijiex sitwazzjoni faċli, ilkoll kemm aħna għandna l-pressjonijiet u r-realtajiet nazzjonali tagħna, imma l-għażla li kull wieħed jieħu azzjoni waħdu ma għandhiex tkun prattikabbli. Ir-riskji huma kbar wisq. Jeħtieġ li naħdmu flimkien, f'solidarjetà reali. U l-aħbar tal-lum dwar il-kuritur tal-enerġija ekoloġika li jgħaqqad il-Portugall, Spanja u Franza hija eżempju tajjeb ta' kif nistgħu nsibu soluzzjonijiet komuni.

Il-Parlament jibqa' lest li jagħmel il-parti tiegħu, u dan nistgħu nagħmluh malajr, kif għamilna għall-ħżin tal-gass fil-bidu ta' din is-sena, u kif se nagħmlu bil-pjan REPowerEU. Aħna konxji mill-kobor tal-isfida. Lesti għaliha. Biex issir reviżjoni fit-terminu twil tas-suq tal-enerġija tagħna, il-Parlament Ewropew huwa lest li jaħdem u lest li jikseb riżultati. 

Il-Parlament Ewropew huwa sieħeb u alleat. Naqsmu l-istess għanijiet.  Qegħdin għas-servizz tal-istess ċittadini. Il-Membri tal-Parlament Ewropew iwasslu l-messaġġ fil-pajjiżi tagħhom. Jistgħu jispjegaw liċ-ċittadini x'qegħdin nagħmlu u għaliex huwa neċessarju. Dan il-punt huwa kruċjali biex inżommu l-għaqda tagħna u niġġieldu kontra n-narrattiva u d-diżinformazzjoni tar-Russja, li l-għan tagħhom huwa li jiddestabbilizzawna u jifirduna.

Aħna konxji mill-affarijiet li jinkwetaw lill-familji u lill-impriżi. Soluzzjonijiet rapidi u urġenti ma jfissrux li nevitaw il-proċeduri leġiżlattivi ordinarji. Il-Parlament Ewropew jagħti leġittimità demokratika Ewropea lill-proposti li nadottaw. Huwa għalhekk li għandu jkollna involviment parlamentari sħiħ fil-proposti l-ġodda li qed jiġu eżaminati. Huwa dan li jinteressahom iċ-ċittadini. 

Nistgħu nżommu l-kontijiet tagħna taħt kontroll u nistgħu nagħmlu dan mingħajr ma nabbandunaw l-għanijiet klimatiċi fit-tul tagħna, imma jista' jirnexxilna biss jekk naġixxu flimkien. 

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ovvjament qiegħda tkebbes l-inflazzjoni, u dan iwassal għal tnaqqis tal-introjtu disponibbli għall-familji u għall-impriżi. Il-banek u s-settur finanzjarju tagħna jmiss biex ikunu taħt pressjoni, b'self ipotekarju ogħla li jħalli impatt fuq is-suq immobiljari. L-inflazzjoni b'żewġ ċifri u ż-żieda rapida tar-rati tal-imgħax qegħdin jikkawżaw tsunami, li jwaqqa' l-valur tad-djar tan-nies, tas-salarji u tal-baġits nazzjonali.

L-ekonomija tagħna rpiljat tajjeb wara l-pandemija bis-saħħa tal-qafas tal-governanza ekonomika tagħna u ta' NextGenerationEU. Issa hemm bżonn li noħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex nistimulaw l-investiment privat, u nerġgħu nqiegħdu lill-ekonomija tal-UE fuq triq stabbli ta' tkabbir. 

Is-soluzzjonijiet jiswew il-flus. Matul il-pandemija ħloqna dejn li jeħtieġ li jitħallas lura bir-riżorsi proprji, u nafu li mhumiex biżżejjed. Is-servizz ta' aktar dejn, li joħloq defiċits ogħla, jirrikjedi li l-ekonomiji tagħna jikbru. It-tkabbir huwa l-unika soluzzjoni. Dan iġibni lura għall-enerġija: hemm bżonn li nbaxxu l-prezzijiet ħalli nikkontribwixxu biex nerġgħu lura għal tkabbir ekonomiku sod kullimkien. B'dan il-mod nistgħu ntaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżijiet li għandna quddiemna u nikkonċentraw fuq dawk l-aktar vulnerabbli. 

L-ekonomija tagħna għandha bżonn din l-ispinta. Mhijiex biss kwistjoni ta' prosperità, iżda wkoll ta' sigurtà.

Dan ifisser ukoll li nerġgħu neżaminaw il-baġit tal-UE. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid diġà kellu jħabbat wiċċu ma' bosta sfidi. Ma għandux ir-riżorsi u l-flessibbiltà biex jirrispondi għall-kriżijiet jew jiffinanzja prijoritajiet ġodda. Għandna bżonn reviżjoni biex nadattaw ruħna għaż-żminijiet. Is-soluzzjonijiet barra mill-baġit jew sempliċi reviżjoni mhumiex se jagħtu liċ-ċittadini r-risposti li jistennew mingħandna. 

Naf li hemm min isibha bi tqila jerġa' jiftaħ dan is-suġġett. Ir-realtajiet politiċi nafhom, iżda l-QFP jeħtieġ li jibqa' validu fil-futur bi flessibbiltà inkorporata. Il-limiti massimi għandhom jogħlew meta jkun hemm bżonn, biex jirriflettu l-ħtiġijiet emerġenti u l-prijoritajiet il-ġodda.  

Qegħdin nippruvaw insibu l-flus meħtieġa biex nagħtu għajnuna umanitarja lill-Ukrajna, negħlbu l-kriżi tal-ikel dinjija, nindirizzaw id-diżastri naturali u niffinanzjaw l-ambizzjonijiet politiċi tagħna fl-ambitu tal-enerġija, tad-difiża u tal-awtonomija strateġika. Mingħajr ma nqisu l-mijiet ta' biljuni meħtieġa biex terġa' tinbena l-Ukrajna.

U minflok ma nonfqu l-flus limitati li għandna fil-baġit tal-UE għal dawn il-prijoritajiet, ikollna nużawhom biex iħallsu lura d-dejn ta' NextGenerationEU għax ma qbilniex fuq ir-riżorsi proprji l-ġodda u r-rati tal-imgħax li qed jogħlew jobbligawna nħallsu ħafna aktar flus milli ppjanat. Jiġifieri ammont ta' EUR 450 miljun oħra fl-2023. Din is-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar diffiċli biex tispjegaha.

Il-ħlas lura tad-dejn mhuwiex diskrezzjonali: jeħtiġilna nħallsuh. Jekk ir-rati tal-imgħax jibqgħu għoljin, il-ħlas lura tad-dejn ta' NextGenerationEU se jelimina għalkollox il-kapaċità sħiħa ta' risposta għall-kriżijiet tal-baġit u se jibda jnaqqar mill-programmi tal-UE. 

U xejn minn dan ma jista' jsir mingħajr ma nintensifikaw l-għajnuna tagħna lill-Ukrajna. Il-problemi li għandna quddiemna huma marbutin ma' xulxin. Huma naħat differenti tal-istess kwistjoni, imkebbsin mill-aggressjoni Russa u mit-teoriji espansjonistiċi li posthom huwa fil-paġni lejn l-aħħar tal-kotba tal-istorja tagħna. 

Il-mewġa ta' attakki indiskriminati fil-konfront tal-bliet u tal-infrastrutturi ċivili fl-Ukrajna kollha hija xokkanti, iżda jeħtiġilna niġġilduha b'azzjonijiet deċiżi, fosthom: 

-    sanzjonijiet eħrex; 
-    aktar appoġġ militari, speċjalment sistemi ta' difiża tal-ajru, karrijiet armati u armamenti peżanti;
-    aktar sforzi biex nindirizzaw id-delitti tal-gwerra kommessi fl-Ukrajna.

Dan hu importanti jekk irridu naħdmu għall-paċi u jeħtiġilna naħdmu għall-paċi. Imma trid tkun paċi reali, sostenibbli u dejjiema. Fost il-pajjiżi li tmexxu, hemm wisq minnhom li għexu okkupazzjoni, ħafna minnkom b'esperjenza diretta. Jeħtiġilna nitgħallmu mill-istorja ta' tbatija tal-Ewropa u nifhmu ma' min qegħdin inħabbtu wiċċna. Il-paċi hija l-għan tagħna. U paċi reali tista' tiġi biss bil-ġustizzja, bi tribunal li jeżamina d-delitti tal-gwerra, l-awturi tagħhom u r-riżarċiment. 

Jeħtiġilna nkunu lesti nagħmlu aktar.  Naf li hemm min hu kritiku tas-sanzjonijiet, imma huma neċessarji, jaħdmu u jridu jkunu aktar inċiżivi, anki ma' Lukashenko fil-Belarussja. 
 
Il-futur tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li tadatta ruħha malajr, b'mod qawwi u magħqud. Għaliex jeħtiġilna nirrikonoxxu li kwalunkwe sinjal ta' firda se jiġi sfruttat u użat kontrina. 

L-invażjoni brutali, illegali u inġustifikata tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja wrietna l-mod kif jeħtiġilna nadattaw ruħna u li d-difiża u s-sigurtà jridu jibqgħu prijorità tal-aġenda tagħna biex niġġieldu kontra l-attakki ibridi. Meta inevitabbilment il-pressjoni tar-Russja tiħrax fix-xitwa, hemm bżonn li nibdew naħsbu fl-Ewropa bħala komunità ta' 43 miljun ruħ oħra li jafdaw fina. Jeħtiġilna nkunu lesti.
 
U r-realtà hi li d-difiża tagħna tiddependi mill-Ukrajna u mill-għajnuna li nagħtu lill-pajjiż: is-sistemi tad-difiża tal-ajru, il-karrijiet armati, l-appoġġ finanzjarju u l-appoġġ politiku.

Fl-aħħar nett nixtieq insemmi lill-Moldova, l-ifqar Stat Ewropew, li ntlaqat b'mod iebes mill-konsegwenzi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna f'termini ekonomiċi, umanitarji, enerġetiċi jew saħansitra politiċi. Il-Moldova għandha bżonn l-attenzjoni tagħna u l-assistenza prattika tagħna. 

Naf kemm għamiltu sagrifiċċji: mil-lat politiku, finanzjarju, militari. Naf li mhux se jkun faċli nitlobkom tagħmlu aktar u aktar malajr. Iżda l-faċilità qatt ma kienet kriterju biex ngħaddu għall-azzjoni. Huwa neċessarju li naġixxu. Huwa fundamentali u sta għalina li dan nagħmluh. Jiena konvinta li nistgħu nagħmluh flimkien. 

You may find here the transcriptions of her speech per language: