Metsola: Kuraġġ u tama lill-poplu tal-Ukrajna 

 

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet Kyiv biex twassal messaġġ ta' kuraġġ u tama lill-Ukreni kollha li qed jiddefendu pajjiżhom. Fid-diskors tagħa lill-Verkhovna Rada, hi sostniet l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-mixja Ewropea tal-Ukrajna, biex dawk responsabbli għall-gwerra jinżammu kontabbli, u biex jinbnew mill-ġdid bliet u rħula ladarba l-gwerra tintemm.

© Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna
 

Għażiż Ruslan, 
Għeżież Membri tar-Rada, 
Għeżież kumbattenti qalbiena,
Għeżież ħuti, 

Nirringrazzjakom talli stedintuni Kiev biex inkellem lir-Rada. Huwa unur li nkun hawn fostkom sħabi parlamentari Ewropej. Imma iktar minn hekk, il-preżenza tiegħi hawn hija dmir. Huwa dmir li għandi naqdi. Responsabbiltà lejkom li tinsabu fuq il-front. Biex nuri lid-dinja li d-demokrazija parlamentari tirrappreżenta d-dawl anki fid-dlam tal-gwerra. 

Ninsab magħkom illum, bħala rappreżentanta tal-Parlament Ewropew u tal-poplu tal-Ewropa, biex inwasslilkom messaġġ. Aħna magħkom. Fir-risq tajjeb u l-ħażin, aħna magħkom.  

Ix-xeni li li rajna madwar id-dinja f'dawn l-aħħar xhur terribbli huma xeni ta' qerda, ta' mewt, ta' ħajjiet innoċenti li tkissru, ta' nisa u tfal imġiegħla jabbandunaw djarhom u ħajjithom. 

Iżda l-Ewropa u d-dinja raw ukoll il-kuraġġ tagħkom u kemm il-familji Ukreni żammew sod. L-eroj ta' Snake Island huma magħrufa madwar id-dinja. Il-kumbattenti kburin ta' Mariupol se jispiraw ħafna ġenerazzjonijiet futuri. 

U m'għandix dubju li dalwaqt naraw ir-rebħa tat-tama fuq il-biża'.  Għax intom turu lid-dinja li l-ebda terrur ma jista' jintimida u li l-bombi qatt mhuma se jkissru l-kburija u li qatt mhuma se jkissru d-dinjità.

L-UE u d-dinja raw li intom id-difensuri ta' pajjiżkom. Imma m'intomx qed tiġġieldu biss biex tipproteġu djarkom u t-territorju tagħkom. Qed tiġġieldu għal dak kollu li nemmnu fih. Il-libertà. Id-demokrazija. L-istat tad-dritt. U hawnhekk, fl-Ukrajna, dawn il-valuri mhumiex buzzwords; qed tiġġieldu għalihom għax tafu li mingħajrhom, ma jifdal xejn aktar. 

L-Unjoni Ewropea nħolqot biex tlaqqa' d-destini tal-istati nazzjon tal-Ewropa ħalli ma jkunux jistgħu jibqgħu jinvolvu ruħhom f'dan it-tip ta' kunflitt li, f'inqas minn 30 sena, wassal għal żewġ gwerer dinjija. L-Unjoni Ewropea hija proġett għall-paċi. Imma aktar minn hekk, hija proġett dwar il-libertà. 

U ppermettuli ngħid li l-Ukrajna hija l-Ewropa. 

Dawn huma żminijiet traġiċi u ta' niket. Ħafna Ukreni tilfu ħajjithom, tliftu membri tal-familja, qraba u ħbieb. Ħsibijietna jinsabu, l-ewwel u qabel kollox, magħkom ilkoll. U emmnuni meta ngħid li l-Parlament Ewropew, l-Unjoni Ewropea u n-nies tal-Ewropa qegħdin mal-Ukrajna.

Il-kliem jista' jkun ta' ispirazzjoni. U l-kliem xi drabi jista' jibdel id-dinja. Imma d-dinja għandha bżonn ukoll l-azzjoni. U d-dinja għandha bżonn ukoll il-kompassjoni. U jien ninsab hawnhekk biex ngħaddielkom dak il-messaġġ ta' appoġġ u ta' tama, li mhux se nabbandunaw lill-Ukrajna. U li dejjem se nibqgħu viġilanti. 

Mariupol hija belt li qatt ma żort, iżda hija isem belt li qatt ma jien se ninsa. Il-bumbardament ta' sala tal-maternità u l-qtil ta' tfal huwa att li se jibqa' mfakkar bħala att infami. Att diżuman li jiġbor f'daqqa n-natura tat-theddida li intom lesti biex trażżnu. U aħna qatt m'aħna se ninsew dak li ġara hemmhekk. Qatt.

Issa ħa nagħmlilkom tliet wegħdiet.

L-ewwel nett, din l-invażjoni ta' pajjiżkom tqiegħed lir-Russja f'konfront dirett mal-Ewropa, mal-komunità internazzjonali u mal-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. U mhijiex xi ħaġa li se nħallu lil Putin jagħmel bla ma nagħtuh sfida. Għandna bżonn aktar sanzjonijiet aktar ħorox. Irridu nżommu lil dawk ħatja responsabbli għal dak li wettqu hawnhekk. 

It-tieni nett, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ambizzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna u l-aspirazzjonijiet tagħkom biex tkunu pajjiż kandidat għall-adeżjoni. U ninsab hawnhekk quddiemkom kollha biex ngħidilkom li tistgħu tafdaw fija, tistgħu tafdaw fil-Parlament Ewropew biex jgħin lil pajjiżkom jilħaq dan l-għan tiegħu. Nafu kemm ixxerred demm biex wasaltu hawn. U mhux se niddiżappuntawkom.

U nafu aktar minn qatt qabel li l-Ukrajna tħares lejn l-Unjoni Ewropea bħala d-destinazzjoni tagħha. Aħna se nwieġbu bl-onestà u bit-tama. Kull pajjiż għandu triqtu, imma l-futur tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea m'għandu qatt jiġi dubitat.

It-tielet nett, se nieħdu ħsieb lill-familji tagħkom li kellhom jaħarbu, sal-jum meta jkunu jistgħu jirritornaw fi djarhom mingħajr periklu u jerġgħu jibnu ħajjithom. U se ngħinukom terġgħu tibnu blietkom meta tgħaddi din l-invażjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata. Aħna diġà tajna l-għajnuna: finanzjarja, militari, umanitarja. Dan se jkompli, u se jiżdied. Se noħolqu l-Fond Fiduċjarju ta' Solidarjetà għall-Ukrajna u norganizzaw Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi biex ngħinu r-rikostruzzjoni. Għax dan l-attakk fuq art twelidkom biddel kollox. 

Ma stidintux din l-invażjoni. U lanqas ma pprovokajtuha. Ma fittixtux il-konfront. Iżda intom kontu lesti tiffaċċjaw dan il-mument li huwa xhieda tal-kobor ta' poplu, tal-kuraġġ tagħkom, tas-saħħa tal-karattru tagħkom. 

U issa rrid nitlob lill-Unjoni Ewropea tkun lesta għal dan il-mument bl-istess enerġija. Għax dan irid ikun mument li fih nagħmlu kull ma hu possibbli.

L-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli għadu b'saħħtu. Putin ikkalkula ħażin mhux biss il-kuraġġ u r-reżistenza ta' pajjiżkom, iżda wkoll is-saħħa tal-ordni demokratiku. Huwa interpreta totalment ħażin id-dibattiti tagħna bħala dgħufija. U ħallas prezz bla preċedent. Is-sanzjonijiet tagħna jweġġgħu u għad irridu nagħmlu aktar.

Miljuni ta' nisa u rġiel Ukreni ħarbu minn dan il-pajjiż. Miljuni oħra kellhom imorru bnadi oħra fil-pajjiż u mistennija jkomplu triqthom lejn pajjiżi Ewropej oħrajn. Jeħtiġilna nkunu lesti, iżda, aktar importanti minn hekk, jeħtiġilna nkunu disposti nagħmlu kull ma hemm bżonn biex nagħtu ġejjieni mingħajr biża' lil dawk li qed jaslu fil-fruntieri tagħna. U dik ir-rieda se tibqa' soda. U mhix se tintefa'.

Se nuru li wiċċ l-Ewropa se jkompli jkun wieħed ta' qlub u djar miftuħa, espressjoni tanġibbli tal-istil ta' ħajja Ewropew li nikkondividu, fejn inlaqqgħu il-kompassjoni u s-saħħa.

Jeħtieġ li nirduppjaw l-isforzi tagħna biex innaqqsu d-dipendenza enerġetika fuq il-Kremlin.  U rrid nara mument meta l-Ewropa tkun totalment ħielsa u jkollha sigurtà tal-provvista tal-enerġija. 

F'dan iż-żmien ta' kriżi, hemm bżonn li niftakru li l-enerġija hi – u minn dejjem kienet – kwistjoni politika.  Ir-Russja ilha s-snin li fehmitu dan. Iżda anki intom.

Il-mira tal-Ewropa trid tkun lejn futur mingħajr l-ebda gass mir-Russja. Żero gass. Dan huwa għan ambizzjuż, iżda wkoll neċessarju.

Għax il-punt kruċjali huwa li ma għandniex, meta nikkunsmaw enerġija tal-Kremlin, indirettament niffinanzjaw il-bombi li qed jaqgħu fuq djarkom. U se ngħaġġlu l-isforzi tagħna biex inkunu ċerti li dan jiġri kemm jista' jkun malajr.

Ippermettuli ngħid kelma dwar il-gwerra tal-informazzjoni li għandna quddiemna. Mhux biss hemm bżonn li nqawwu ċ-ċiberdifiżi tagħna, iżda hemm bżonn ukoll niġġieldu n-narrattiva li ssostni li jekk l-Ewropa tieqaf lil Putin b'xi mod tkun qed iddur kontra r-Russja. Ir-Russi lil Putin qed jieqfulu – u hemm ħafna minnhom – minkejja t-theddida tal-ħabs, huma jinsabu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Jinsabu fuq in-naħa tagħna.

Ippermettuli nikkonkludi billi nikkwota lil Jonathan Sacks, li qal, "Huwa diffiċli tegħleb il-biża' f'isem it-tama. Teħtieġ kuraġġ enormi. Iżda hekk kif il-qawwiet tad-distruzzjoni jikbru saħansitra aktar, għandna bżonn dak il-kuraġġ saħansitra aktar." 

U fi kliem il-poeta nazzjonali tagħkom Taras Shevchenko, "Komplu ġġieldu u żgur tirbħu."

Għandkom il-kuraġġ.

L-Ukrajna għandha dak il-kuraġġ. 

Aħna ninsabu magħkom illum, aħna se nkunu magħkom għada u qatt m'aħna se nitilqukom. 

Slava Ukraini.

Tista' ssegwi d-diskors hawnhekk.

You may find here the videos and the transcriptions of her speech per language: