Il-President Metsola fil-Kunsill Ewropew: L-UE trid tibqa’ koerenti u magħquda 

 

Waqt li indirizzat is-sitwazzjoni fl-Iżrael, Gaża u l-Lvant Nofsani fil-Kunsill Ewropew straordinarju, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola saħqet li l-Unjoni trid tibqa’ koerenti u magħquda.

Ippermettuli nibda billi nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-Prim Ministru Żvediż, Ulf Kristersson, u nirringrazzja lill-Prim Ministru Belġjan, Alexander De Croo. L-attentat terroristiku fil-Belġju tal-bieraħ filgħaxija kien terribbli u nixtieq infakkar il-vittmi u nagħti ġieħ lill-persunal Belġjan li ta l-ewwel għajnuna, u li għamel xogħol eċċellenti. 
 
Bl-istess mod, fil-Parlament Ewropew esprimejna l-kondoljanzi tagħna lill-familja u lill-qraba ta’ Dominique Bernard, li nqatel il-ġimgħa li għaddiet fi Franza.
 
Is-sitwazzjoni f’Iżrael, f’Gaża u fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun ta’ madwaru hija t-tħassib prijoritarju tagħna. Ir-realtà fuq il-post hija orribbli, traġika u ta’ disprament.
 
Il-gwerra dejjem tkun infern u bħal dejjem il-ħajja ta’ nies innoċenti tinsab f’periklu kbir. Tilfu ħajjithom nies innoċenti u bosta deċiżjonijiet huma għażla bejn il-ħażin u dak li huwa agħar minnu.
 
Fis-7 ta’ Ottubru, id-dinja stenbħet bl-agħar attentat terroristiku jitwettaq fuq familji f’Iżrael f’ġenerazzjonijiet sħaħ. Ħamas wettaq qtil tal-massa, ħtif ta’ persuni, stupri, tortura, mutilazzjonijiet u pprofana lill-mejtin. Ma jista’ jkun hemm l-ebda skuża għal dawn l-atti.
 
Fil-Parlament urejna s-solidarjetà tagħna mal-vittmi u sħaqna fuq il-fatt li Ħamas huwa grupp terroristiku li ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan u, speċjalment, ma jirrappreżentax it-tamiet tal-Musulmani tad-dinja kollha, anzi jfixkilhom. Din hija distinzjoni li dejjem għamilna u li jeħtiġilna nkomplu nisħqu fuqha.
 
Bħala Unjoni, huwa importanti li nesprimu s-solidarjetà tagħna, li ntennu ċ-ċaħda tagħna tat-terroriżmu, ngħinu biex jinħelsu l-kważi 200 ostaġġ u nissottolinjaw li l-mod kif Iżrael jirreaġixxi għal dawn l-attakki, se jaffettwa lilna lkoll. Jeħtiġilna nenfasizzaw li hemm bżonn inkomplu nfittxu soluzzjonijiet biex jittaffew il-konsegwenzi umanitarji f’Gaża f’konformità mal-obbligi tagħna u mad-dritt internazzjonali.
 
Anke fl-aktar żminijiet diffiċli, il-Parlament Ewropew dejjem stinka u se jibqa’ jistinka għal soluzzjoni ta’ żewġ Stati li tkun ġusta u ekwa. Dan l-objettiv irid jibqa’ quddiem għajnejna. Aħna dejjem se nistinkaw għal paċi sostenibbli u dejjiema. Sfortunatament, ir-realtà hi li l-azzjonijiet vili tat-terroristi ta’ Ħamas wasslu biex biegħdu aktar din il-prospettiva.
 
Illum, is-sitwazzjoni f’Gaża għadha impossibbli għal tant nies. L-obbligi umanitarji tal-Ewropa jridu jibqgħu prijorità u għandna niddjalogaw mar-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Palestinjan u mal-atturi reġjonali biex innaqqsu t-tensjonijiet fir-reġjun u fiż-żoni tal-madwar.
 
L-enfasi tagħna bħala Unjoni tkun li nibqgħu koerenti u magħqudin biex niżguraw li l-ostaġġi jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet, li t-terroriżmu ma jkunux ġustifikat, li l-għajnuna umanitarja tilħaq lil dawk fil-bżonn, li ċ-ċivili ma jkunux fil-mira, li jinżammu r-rotot sikuri fi ħdan Gaża u li jinħolqu kurituri umanitarji. Għal dan il-għan, hemm bżonn li nżommu kuntatt mal-pajjiżi ġirien biex ngħinuhom jilqgħu l-fluss inevitabbli ta’ nies u biex jirċievu l-għajnuna neċessarja. F’dan ir-rigward, l-Eġittu, il-Ġordan u l-Libanu, b’mod partikolari, għandhom rwol fundamentali x’jiżvolġu. 
 
Dan il-punt għamiltu ċar ħafna meta ġejt mistiedna nżur Iżrael il-ġimgħa li għaddiet waqt il-konversazzjonijiet tiegħi u fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħna kemm mal-President tal-Knesset kif ukoll mal-President tal-pajjiż.
 
Huwa f’din id-direzzjoni li l-Parlament tagħna se jiddiskuti din il-kwistjoni għada u jaqbel fuq riżoluzzjoni. Il-prinċipji bażiċi tar-riżoluzzjoni huma l-mandat li tawni l-gruppi politiċi kollha qabel ma mort Iżrael il-ġimgħa li għaddiet.   
 
Tistgħu sserrħu raskom minna li se nagħmlu dak kollu li nistgħu u ninsab ċerta li din id-diskussjoni se tkompli l-ġimgħa d-dieħla waqt is-Summit u nittama li l-punti li nqajmu jiġu riflessi fil-konklużjonijiet tiegħu wkoll. Huwa importanti li n-nies jaraw l-għaqda u l-koerenza tagħna. 
 
Grazzi. 
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: