Il-President Metsola tirċievi d-Dottorat Onorarju mill-Università Nazzjonali Taras Shevchenko ta’ Kiev 

 

Matul iż-żjara tagħha fi Kiev, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet id-Dottorat Onorarju mill-Università Nazzjonali Taras Shevchenko ta’ Kiev. Waqt li kienet qed tindirizzata lill-istudenti, il-President Metsola tat ġieħ lill-ħidma tal-Università fit-trawwim tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja.

Rettur Volodymyr Buhrov,
L-Ewwel Viċi Rettur Ksenia Smyrnova,
President Ruslan Stefanchuk,
Għeżież professuri,
Għeżież studenti,
Għeżież Ewropej,

Huwa unur li ninsab quddiemkom illum, fl-Università Nazzjonali Taras Shevchenko ta’ Kiev, biex nirċievi dan id-dottorat onorarju u nagħti ġieħ lill-ħidma eċċezzjonali li qed twettaq din l-istituzzjoni fit-trawwim tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja. Ta’ mexxejja Ukreni. Ta’ mexxejja Ewropej.

Mill-bidu tal-invażjoni Russa, kelli l-privileġġ li nżur l-Ukrajna diversi drabi. U ppermettuli ngħid, li xorta tibqa’ esperjenza diffiċli nara l-qerda, il-mewt, it-tbatija, id-djar abbandunati kollha li sa ftit żmien ilu miljuni ta’ nies kienu jsejħulhom djarhom. Qatt m’jien se ninsa l-ewwel darba li ġejt Kiev fl-1 ta’ April 2022, dakinhar is-suldati Ukreni lliberaw il-belt ta’ Bucha, biex jiskopru l-barbariżmu kbir tar-reġim Russu. 

Iżda, f’din il-qerda, l-Ukrajna wrietni wkoll l-aktar forma b’saħħitha u qawwija ta’ kuraġġ, ta’ reżistenza, ta’ tama li fiha jista’ jemmen kwalunkwe nazzjon u kwalunkwe poplu. Meta wasalt Kiev, ftit ġimgħat wara li faqqgħet il-gwerra illegali tar-Russja, il-belt kienet tbattlet għalkollox. Kien hemm punti ta’ kontroll kullimkien, u meta wasalna fil-Parlament Ukren, f’daqqa waħda rajt mijiet ta’ membri parlamentari f’emiċiklu li qed jiffunzjona b’mod kważi normali, jaħdmu u organizzaw laqgħat. F’dak il-mument, fhimt li d-dawl dejjem se joħroġ rebbieħ fuq id-dlam.

F’dik iż-żjara, kelli l-unur u r-responsabbiltà li nwassal – personalment – il-messaġġ ta’ appoġġ tal-Parlament Ewropew lill-plenarja tal-Verkhovna Rada. Sentejn wara l-invażjoni illegali tar-Russja f’pajjiżkom, fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, nixtieq nassigurakom li l-messaġġ tagħna għadu validu. Illum u sakemm ikun hemm bżonn.

L-Unjoni Ewropea u d-dinja ratkom tiddefendu lil pajjiżkom b’kuraġġ. Iżda nifhmu li qed tiġġieldu mhux biss biex tipproteġju lil djarkom u lit-territorju tagħkom – qed tiġġieldu għal dak kollu li nemmnu fih. Il-libertà. Id-demokrazija. L-istat tad-dritt. Għal dawk l-ideali li jorbtuna bħala aħwa. Li jagħmluna lkoll kemm aħna Ewropej.

Huwa għalhekk li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri ngħaqdu flimkien b’għaqda bla preċedent biex jipprovdu għajnuna politika, diplomatika, finanzjarja, militari u umanitarja lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. U għalhekk se nkomplu nagħmlu dan. Għalhekk inqtajna mill-enerġija Russa, għalhekk adottajna 13-il pakkett ta’ sanzjonijiet biex inxekklu l-finanzjament tal-magna tal-gwerra tar-Russja u għalhekk qatt mhu se nistrieħu sakemm kull awtur ta’ dawn id-delitti tal-gwerra faħxija jagħti rendikont ta’ għemilu. Lil hinn minn rikonoxximent tal-ħidma tal-Parlament Ewropew, inqis dan id-dottorat onorarju bħala responsabbiltà biex inkomplu nippromwovu l-valuri komuni tagħna u nkomplu nieqfu mal-Ukrajna.

Nafu bis-sagrifiċċju li qed jagħmlu l-Ukreni għall-Ewropa. Anke u speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli, pajjiżkom għamel sforzi kbar biex jallinja ruħu mal-acquis tal-UE – u hawnhekk ippermettuli nsemmi s-sodisfazzjon li taħdem daqshekk mill-qrib mal-President Stefanchuk, li l-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada jkollhom relazzjonijiet daqshekk b’saħħithom, fil-proċess ta’ implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa min-naħa tal-Ukrajna.

Il-Parlament Ewropew kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li talab li lill-Ukrajna jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE u konna l-aktar sostenitur konvint biex in-negozjati għall-adeżjoni mal-UE jibdew is-sena li għaddiet. U se nkomplu nagħmlu pressjoni biex l-Ukrajna tiġi inkluża gradwalment fis-suq uniku tal-UE u fil-programmi settorjali, inkluża l-inizjattiva ewlenija tagħna Erasmus+. Għax nifhmu u nemmnu fil-poter trasformattiv li jġib miegħu t-tkabbir tal-UE. U li dan se jagħmel lill-Ukrajna aħjar, aktar sikura u aktar prospera f’Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u reżiljenti.

Meta nħares ’il quddiem, għandi nistqarr magħkom li l-proċess ta’ tkabbir mhux se jkun faċli. Għaddejt minnu jiena stess meta pajjiżi għamel id-deċiżjoni storika li jingħaqad mal-Unjoni Ewropea. U filwaqt li huwa minnu li s-sħubija fl-UE se taffettwa lil kull Ukren u Ukrena, huwa minnu wkoll li dan se jirrikjedi l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minnkom.

Bħala studenta, bejn wieħed u ieħor tamparkom, il-kawża tiegħi kienet li nappoġġja lil pajjiżi fi triqtu biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Kont inkun hemm kuljum, fil-kampus tal-Università ta’ Malta, mhux wisq differenti minn dan li qegħdin fih, nikkonvinċi lil studenti u ħbieb oħrajn bil-potenzjal trasformattiv li s-sħubija fl-UE kellha għal pajjiżna. Forsi qattajt wisq ħin nagħmel dan, u ma ddedikajtx biżżejjed ħin għall-istudji biex nikseb il-lawrja attwali tiegħi. Tal-inqas hekk jgħidulek il-ġenituri tiegħi kieku kellek issaqsihom. 

Iżda l-punt tiegħi huwa li jista’ jkun hemm l-oqfsa kollha meħtieġa fis-seħħ, il-ftehimiet kollha bl-iswed fuq l-abjad u l-kalendarji kollha stabbiliti, iżda r-rwol li Generation Europe għandu jkollha huwa essenzjali f’kull pajjiż prospettiv tal-UE. Kburija li kont parti minn Generation Europe f’pajjiżi. Issa, Generation Europe fl-Ukrajna hija intom ilkoll. 

Ir-responsabbiltà li ssawru t-trajettorja storika ta’ pajjiżkom hija f’idejkom. 
Ir-responsabbiltà li ssawru d-destin tal-proġett Ewropew tagħna hija wkoll f’idejkom. Ma hemm l-ebda raġuni biex niddubita li xi ħadd minnkom, xi darba, ikun qiegħed hawn floki. 

Għeżież ħbieb,

Ir-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħkom li tiġu l-Università u tkomplu l-edukazzjoni tagħkom, anke jekk hemm għaddejja gwerra mhux provokata u illegali kontra pajjiżkom, huma ammirevoli. Forsi ssibu ispirazzjoni fit-tmexxija ta’ pajjiżkom. Forsi tagħmlu dan f’ġieħ l-għeżież tagħkom li qed jiġġieldu fuq il-front. Forsi jagħtikom kuraġġ l-ispirtu kombattiv ta’ isem l-Università tagħkom, Taras Shevchenko. Irrispettivament minn fejn tisiltu l-forza tagħkom, nixtieq infaħħarkom li ħadtu din it-triq.

F’dawn iż-żminijiet diffiċli, pajjiżkom jeħtieġ viżjonarji, jeħtieġ strategi, jeħtieġ ġellieda, jeħtieġ ħaddiema umanitarji, iżda jeħtieġ ukoll studenti – tobba, inġiniera, avukati, xjenzjati, politiċi, mexxejja futuri bħalkom. Għax meta tintemm din il-gwerra brutali u l-Ukrajna toħroġ rebbieħa, l-Ukrajna u l-Ewropa se jkunu qed iduru fuqkom.  

U huwa għalhekk li ninsabu grati lejn din l-Università talli żammet il-bibien istituzzjonali tagħha miftuħa u l-programmi tagħha għaddejjin fl-aktar ċirkostanzi diffiċli. Grazzi lir-Rettur Volodymyr Buhrov, grazzi lill-Ewwel Viċi Rettur Ksenia Smyrnova, grazzi lill-persunal u lill-professuri kollha. 

Skont kliem l-innu tal-Università Nazzjonali Taras Schevchenko ta’ Kiev: 

“L-istorja glorjuża tgħallimna 
Biex bejn dawn il-ħitan inwettqu s-sewwa,
L-aqwa studenti huma t-tama tal-Istat.
Dan huwa fejn jitkattar il-futur tagħna!”

U ħalluh ikompli jitkattar. 
Għall-Ukrajna u għall-Ewropa.

Slava Ukraini! 

Id-diskors proprju jitqies bħala awtentiku.