Il-President Metsola tirċievi t-titlu ta’ Doctor Honoris Causa mill-Università ta’ Lisbona 

 

Waqt ċerimonja solenni fil-Portugall, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet it-titlu ta’ Doctor Honoris Causa mill-Università ta’ Lisbona.

Manifku Rettur Luís Ferreira,
President tal-Kunsill Ġenerali, Carlos Pina,
Professur Ricardo Ramos Pinto,
Professoressa Carla Margarida Barroso Guapo da Costa,
Ministru Rangel, 
Sindku,
Membri tal-Parlament Ewropew,
Ambaxxaturi u mistednin distinti, 
Għeżież professuri,
Għeżież studenti,
Għeżież Ewropej,

Huwa unur kbir għalija li erġajt hawn fil-belt sabiħa u vivaċi ta’ Liżbona. Kif qalet il-Professoressa Guapo da Costa, il-Portugall kien wieħed mill-pajjiżi li żort l-aktar ta’ spiss matul il-mandat presidenzjali tiegħi. U hemm raġuni għal dan. Il-Portugall huwa pajjiż li jinkarna t-tifsira li tkun Ewropew. Post fejn dejjem inħossni komda, b’nies li jissimbolizzaw l-ispirtu ta’ reżiljenza, ta’ solidarjetà u ta’ għaqda – valuri l-Ewropa jeħtiġilha tkompli tħaddan. Jien insejjaħlu l-“effett Portugall”. 

L-unur iżda jsir saħansitra akbar jien u ninsab hawn quddiemkom, fl-università prestiġjuża ta’ Liżbona, nirċievi t-titolu ta’ Duttur “Honoris Causa”. Obrigada por esta homenagem (nirrigrazzjakom ta’ dan l-unur.) Lil hin mir-rikonoxximent tal-ħidma tal-Parlament Ewropew, inqisu bħala responsabbiltà biex inkomplu niddefendu l-Ewropa. Bħala impetu mġedded biex nipperseveraw fis-sostenn tal-valuri komuni Ewropej tagħna: il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-ġustizzja, li forsi spiss wisq ma napprezzawhomx biżżejjed. U li, kulma jmur, qegħdin jiġu mhedda.

Sinjuri,

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Portugall ifakkar il-50 anniversarju mir-Rivoluzzjoni tal-Qronfol tal-1974 li tat bidu għat-tranżizzjoni għad-demokrazija ta’ pajjiżkom u li temmet era ta’ repressjoni. L-istorja tal-Portugall kompliet u nkiteb kapitolu ġdid fl-istorja ta’ Ewropa libera.

Tliet snin wara, Mário Soares, alumnus ta’ din l-Università straordinarja, Prim Ministru tal-ewwel gvern kostituzzjonali u ex Membru tal-Parlament Ewropew, għamel l-ewwel pass importanti lejn l-adeżjoni tal-Portugall mal-UE u assigura li l-istorja tagħna tkompli tinkiteb flimkien. 

Ninsabu fil-belt tal-Ewropa. It-Trattat ta’ Liżbona ddefinixxa l-Ewropa moderna. Fl-2007, il-mexxejja Ewropej, iggwidati minn José Manuel Durão Barroso fil-Kummissjoni, inġabru hawn f’għaqda qawwija ta’ simboliżmu u ambizzjoni orjentata lejn il-futur biex iwittu t-triq għall-Ewropa. Dan kien ifisser Parlament Ewropew aktar b’saħħtu iżda, fuq kollox, li konna kapaċi nilqgħu l-isfidi ta’ dawn l-aħħar għaxar snin u nofs flimkien. Illum hemm bżonn insibu dak l-istess spirtu – dak il-kuraġġ politiku – li ngħaddu għall-passi li jmiss. U għal darb’oħra se nduru fuq il-Portugall biex imexxina.

Il-Portugall fehem, ferm qabel u forsi aħjar minn oħrajn, li qatt ma nistgħu nkunu liberi sakemm ma nkunu liberi kollha kemm aħna, li qatt ma nistgħu nkunu sikuri sakemm ma nkunu sikuri kollha kemm aħna. U li Ewropa magħquda hija l-aqwa garanzija għaċ-ċittadini kollha tagħna.

Hija l-istess loġika li tiggwida r-reazzjoni tagħna għall-gwerra illegali tar-Russja fl-Ukrajna. Din il-gwerra li ħadd ma ried, ħadd ma istiga u li hija mmirata lejn dak li tant ngħożżu fl-Ewropa. Serviet ta’ twissija għall-fatt li għad hemm min, għalihom, l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, sempliċement għax jeżisti, huwa theddida. Għalhekk ma stajniex indumu naħsbuha wisq, u fil-fatt waqafna mal-Ukrajna fiż-żmien li l-aktar kien hemm bżonn. Għalhekk għadna nieqfu magħhom. Għalhekk se nibqgħu nieqfu magħhom sakemm ikun hemm bżonn. 

Fi Frar 2022, ftit jiem biss wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, iltqajt ma’ grupp ta’ nisa u tfal fi Strażburgu li kienu għadhom kif irnexxielhom jitilqu minn Kiev. Staqsejthom lejn liema destinazzjoni kienu sejrin u qaluli “Porto” – post fuq in-naħa l-oħra tal-kontinent. Kien mument emozzjonanti, iżda wera li anki fl-aktar żminijiet diffiċli, il-Portugall ma ħarabx mir-responsabbiltajiet tiegħu. Mill-valuri li ggwidawh biex jinħeles mill-madmad tal-oppressjoni u jħaddan id-demokrazija lejn il-qalba tal-Unjoni Ewropea. 

Dan hu, għeżież ħbieb, l-“effett Portugall”. Din hi l-Ewropa fl-aqwa tagħha. 

L-Ewropa tibda proprju fin-nazzjon tagħkom, li huwa l-bieb lejn il-bqija tad-dinja. Mill-Amerka Latina, l-Afrika sal-Asja, ir-rabtiet uniċi tagħkom fissru li l-Ewropa tista’ titkellem b’vuċi globali u tisma’ b’mod li jippermetti fehim komuni u jipproteġi l-multilateraliżmu.  

Għaddejna minn żminijiet problematiċi. Iżda kif jgħid il-qawl Portugiż: o ferro mais forte é forjado no fogo mais quente (l-aħjar ħadid jinkewa fin-nar l-aktar jaħraq). Għalhekk insostni li l-Ewropa hija aktar b’saħħitha minn qatt qabel, grazzi għall-isfidi li kellna quddiemna u mhux minħabba fihom. Li l-kriżijiet li għaddejna minnhom għamluna aktar reżiljenti, aktar determinati u aktar magħqudin milli qatt konna qabel. Li l-valuri tagħna jiswew aktar u jissaħħu anki meta jgħaddu mill-mument tal-prova bħalma ġara ftit drabi oħra fl-istorja tagħna.

F’dawn l-aħħar snin, il-fiduċja fil-proġett tagħna, fil-valuri tagħna, għaddiet minn prova waħda wara l-oħra. Iżda l-Ewropa kienet kapaċi taġixxi f’din is-sitwazzjoni u ma ċedietx. 

Fl-eqqel tal-pandemija, irnexxielna niżguraw il-forniment ta’ vaċċini u ventilaturi, għamilna passi enormi ’l quddiem fil-kapaċità konġunta tagħna rigward is-saħħa, tajna sostenn lill-impjiegi u lill-impriżi u għenna lill-ekonomiji nazzjonali jirpiljaw. Dan irnexxielna nagħmluh biss għax ħdimna flimkien.

Flimkien, ingħaqadna b’għaqda bla preċedent biex nagħtu għajnuna militari, finanzjarja, politika u umanitarja lill-Ukrajna. Konna determinati u żammejna sod kontra t-tattika intimidatorja ta’ Putin, u qtajna d-dipendenzi tagħna mir-Russja.

Flimkien insostnu l-umanità u ninsistu biex jittaffew it-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani u jinbnew stabbiltà u paċi dejjiema u sostenibbli fir-reġjun.

Flimkien, qegħdin nagħmlu l-ewwel pass importanti biex nibnu unjoni reali tas-sigurtà u d-difiża tal-UE. Waħda li tifhem il-konvinzjoni fundamentali tagħna biex nipproteġu l-paċi li l-Ewropa tirrappreżenta. 

Minkejja dan, nafu li l-aktar strument ġeopolitiku b’saħħtu tal-Unjoni jibqa’ t-tkabbir. Huwa proċess li fih kulħadd joħroġ rebbieħ. Fir-rigward tal-Ukrajna, tal-Moldova, tal-Balkani tal-Punent u tal-Georgia, wara kliemna segwew il-fatti.

Kif għamilna l-ġimgħa l-oħra, meta ksibna dak li ħafna ħasbu li ma kienx possibbli u vvutajna favur qafas leġiżlattiv robust għall-migrazzjoni u l-ażil li jkun l-istess fl-Istati Membri kollha. Li huwa ġust ma’ dawk li jeħtieġu protezzjoni, sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli għall-ażil u iebes mat-traffikanti li jisfruttaw lil dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja. Qafas li jagħmel il-fruntieri tagħna siguri, li jissejjes fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, li jqiegħed lill-umanità l-ewwel u qabel kollox.

Flimkien, wittejna t-triq għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ewropa biex tindirizza l-emerġenza klimatika tagħna, tistimola t-tkabbir sostenibbli u tagħmel lill-ekonomiji Ewropej tagħna aktar reżiljenti. U fuq dan il-punt ippermettuli nenfasizza l-fatt li biex taħdem, it-tranżizzjoni ekoloġika tagħna trid tkun ġusta wkoll. Ġusta mal-Istati Membri u mar-reġjuni. Ġusta mal-impriżi, mal-industrija, mal-familji, maċ-ċittadini. Ġusta fis-sens li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. 

Fil-qasam diġitali, adottajna leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha ċ-ċittadini huma aktar protetti online u l-kumpaniji huma aktar responsabbli.

Adottajna l-ewwel Att komprensiv dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fid-dinja u sibna l-bilanċ it-tajjeb bejn l-innovazzjoni u r-regolamentazzjoni, li huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-biża’ li jkun hemm ndħil barrani u manipulazzjoni elettorali.  

U aħna u nitkellmu dwar id-diżinformazzjoni, infakkar li għadna kemm adottajna żewġ atti leġiżlattivi rivoluzzjonarji, l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media u direttiva li tiġġieled kontra l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, li se jiżguraw l-indipendenza tal-media, jippromwovu l-pluraliżmu u jipproteġu lill-ġurnalisti minn litigazzjoni abbużiva.

Flimkien, erġajna ħadna l-impenn li niġġieldu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u daħħalna diversi liġijiet kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, biex ngħinu nfarrku s-soqfa tal-ħġieġ u ntemmu d-diskriminazzjoni. 

Professoressa, kliemek qanqlu fija sens ta’ umiltà meta esprimew kemm int kburija li kont il-proponent tiegħi. Nista’ biss nirrikambja din il-kburija. Huwa unur għalija nirċievi n-nomina tiegħek għall-“Honoris Causa” tiegħi. Mhux biss bħala akkademika esperta u Ewropeista ferventi iżda speċjalment bħala mara.

Għaliex bħala nisa fid-dinja akkademika, fil-politika, fl-ekonomija u fil-biċċa l-kbira tal-oqsma, għandna esperjenza mhux ħażin dwar xi tfisser li tkun tikkettata u sterjotipata. Kemm hija aktar wieqfa dik it-telgħa li n-nisa jkollhom jitilgħu. U dik it-telgħa tista’ ssir biss aktar wieqfa jekk in-nisa ma jgħinux lil xulxin. 

Anki hawn ħsibijieti jmorru lejn Tajala Abidi, tfajla Afgana ta’ 25 sena li ħarbet minn pajjiżha fl-ewwel xhur tar-repressjoni tat-Taliban fuq il-libertajiet u d-drittijiet tan-nisa. Illum tqis lill-Portugall bħala darha, 8,000 kilometru bogħod minn art twelidha. F’waħda miż-żjarat li għamilt dan l-aħħar f’Liżbona, iltqajt ma’ Tajala, iżda ma kinitx waħedha. Magħha kien hemm diversi nisa u bniet li kienet għadha kemm għenet biex jagħmlu bħalha. Illum sirt naf li tnejn minn dawn in-nisa qegħdin fil-kors tal-inġinerija fl-Università ta’ Liżbona. U fi ftit żmien Tajala wkoll se tibda hawn il-kors tal-Masters. 

Għal darb’oħra rajna b’għajnejna l-Ewropa fl-aqwa tagħha: l-“effett Portugall” fil-veru sens tal-kelma. 

Flimkien, f’dawn l-aħħar ħames snin, tajna wkoll l-opportunità lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda li jsiefru, jistudjaw, jaħdmu, joħolqu impriżi, jagħmlu riċerka u jkunu innovattivi fi spazju kbir ta’ libertà. Bis-saħħa tal-finanzjamenti tal-UE, qegħdin nagħtu liż-żgħażagħ fl-Ewropa l-opportunità li jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.

Ovvjament, jien u ngħid dan kollu ma rridx infisser li l-Unjoni Ewropea hija perfetta, altru li le. Filwaqt li ninsab kburija bir-riżultati li ksibna, bil-ħidma politika u bis-solidarjetà li wrejna, ninsab kburija ħafna bil-ħidma tal-kollegi Portugiżi tiegħi fil-Parlament. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nkunu onesti dwar is-setturi fejn stajna nagħmlu aħjar, fejn stajna nisimgħu aktar u b’attenzjoni akbar, fejn il-frustrazzjonijiet tal-proċessi tagħna biegħdu lin-nies, fejn morna wisq ’il bogħod u fejn forsi ma għamilniex biżżejjed. 

Fl-Ewropa għad hawn wisq nies li qegħdin jitħabtu biex jaslu sal-aħħar tax-xahar. Nies li jaqilgħuha u jikluha mingħajr ma jafu jekk il-paga tagħhom hix se sservihom. Għad hawn wisq żgħażagħ li huma inkwetati dwar il-ġejjieni tagħhom, jekk hux se jkunu jistgħu jsibu impjieg jew jifilħu jħallsu l-kera, aħseb u ara jixtru darhom stess. Għad hawn wisq impriżi li qed jitħabtu biex ikunu innovattivi, mirduma taħt wisq burokrazija żejda. Lin-nies nistgħu niffaċilitawlhom ħajjithom. 

Jekk intennu aktar ta’ spiss din l-onestà, insikktu lil dawk kollha li jbigħu narrattiva falza u jippruvaw idgħajfu l-proċessi demokratiċi tagħna. 

Iżda biex nagħmlu dan għandna bżonn lilkom. 
Għandna bżonn li n-nies ikollhom fiduċja. 
Għandna bżonn doża qawwija ta’ dik il-fiduċja li qegħdin turu hawn.

Nifhem li qegħdin ngħixu fi żminijiet meta huwa aktar faċli li tingħaqad mal-pessimisti, meta huwa aktar popolari li tgħin biex teqred milli tgħin biex tibni, meta huwa aktar diffiċli li tinnaviga taħt il-bumbardament kostanti tal-media soċjali fuq is-sensi kollha tagħna. Iżda l-istil tagħna, l-istil Ewropew, jinsab taħt pressjoni u ma nistgħux ngħoddu dak li diġà għandna bħala fatta. 

Ħriġt għall-ewwel elezzjoni tiegħi 20 sena ilu meta kont għadni tfajla ta’ 24 sena, b’entużajżmu kbir, bi ftit li xejn appoġġ u ċans li nitla’ iżda b’ħafna tama. Bid-diffikultajiet impossibbli kollha, irnexxieli sempliċement għax: nemmen fl-Ewropa, fil-forza tagħna li nbiddlu l-ħajja u nsawru l-futur. Nemmen fl-istil tagħna. Nemmen li aħna aqwa meta naġixxu flimkien. Nemmen f’dan kollu llum daqs kemm kont fih 20 sena ilu. Il-politika ma mewtitx il-passjoni tiegħi għall-bidla, kebbsitha. 

Ma ġejtx eletta 20 sena ilu. Ma ġejtx eletta lanqas it-tieni darba li ħriġt għall-elezzjoni. Iżda qatt ma qtajt qalbi u qatt ma ċedejt. U, fl-aħħar, irnexxieli nikkonvinċi lil biżżejjed nies jagħtuni possibbiltà. Niftakar fil-kliem li qalli missieri: kun paċenzjuża, żomm sod u emmen fik innifsek. Kliem li ngħożżu llum li sirt il-President tal-Parlament Ewropew. 

Iċ-ċirkostanzi jinbidlu, l-elezzjonijiet imorru u jiġu, iżda hawn quddiemkom illum hemm dik it-tfalja mimlija entużjażmu. Li għadha tagħżel il-politika bħala l-mezz biex twettaq il-bidla. U li llum ma għandhiex kliem biex tgħid kemm hi onorata li rċeviet din il-Lawrja Honoris Causa. 

Jekk l-Ewropa għadha mhijiex dak il-post li tixtiquha tkun, kunu afu li hija r-responsabbiltà tagħkom li tbiddluha daqs kemm hi ta’ ħaddieħor. Il-Portugall diġà kiteb l-istorja bit-Trattat ta’ Liżbona, wieħed mill-aktar trattati importanti li sawru l-UE. Iċċedux għall-kumdità taċ-ċiniżmu faċli u tħalluhomx jinfluwenzawkom b’soluzzjonijiet foloz għal kwistjonijiet kumplessi mxerrda mill-pożizzjonijiet politiċi estremi. 

Iddefendu dak li temmnu fih, kunu intom il-bidla, semmgħu leħinkom. Ieqfu tistennew lil ħaddieħor jagħmel hekk. Fid-9 ta’ Ġunju, morru vvotaw u kunu parti minn dak l-“effett Portugall” storiku.

Emmnu. 

Grazzi.
 

You can read the President's speech in Portuguese here.