It-tkabbir tal-UE tal-2004 fisser tama, prosperità u opportunità 

 

Illum, il-Parlament Ewropew fakkar l-20 anniversarju mill-akbar tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-2004. Fid-diskors tagħha, l-President Roberta Metsola qalet li filwaqt li l-Ewropa biddlet kull Stat Membru mill-2004, bl-istess mod, kull Stat Membru biddel ukoll l-Ewropa.

Presidenti, Prim Ministri, Ministri, Kummissarji,
Mistednin distinti, Membri, kollegi,
Għeżież Ewropej,

Bħal mijiet ta’ individwi f’din il-Kamra, u miljuni ta’ Ewropej madwar il-kontinent, ma ninsa’ qatt fejn kont fil-lejl ta’ bejn it-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2004.

20 sena ilu, kont il-Belt Valletta – ma’ eluf kbar ta’ nies, bl-attenzjoni tagħna ffukata fuq in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, kif għadna kif rajna fil-filmat. Konna qed ngħoddu l-minuti u s-sekondi sakemm Malta, flimkien ma’ Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, l-Litwanja, l-Polonja, l-iSlovakkja u l-iSlovenja ssieħbu fl-Unjoni Ewropea.

Dik il-folla enormi tibqa’ stampata f’moħħi għal dejjem. Pajjiż sħiħ ħerqan għal futur ta’ possibiltajiet, ta’ tama. Poplu li għaraf il-potenzjal tiegħu, li seta’ jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu. Sentimenti li dakinhar kienu qed jinħassu minn tant nies madwar l-Ewropa.

Għal miljuni ta’ persuni, s-sħubija fl-Unjoni Ewropea fissret tiġdid, sens ta’ kburija, fissret għaqda. F’daqqa waħda, l-futur ma kellux limiti. Fissret sigurtà, fissret opportunità, fissret prosperità. Għalina fissret kollox.

Niftakarni naħseb f’dawk il-ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej li għalihom, l-Unjoni Ewropea kienet biss ħolma li issa saret realtà. Kif – minkejja l-isfidi kollha – rnexxielna ngħelbu l-biżà tal-passat u minflok inwittu t-triq għal era ġdida ta’ libertà u paċi madwar il-kontinent. Fejn dak li qabel kien kontinent mifrud, issa sar ħaġa waħda. Mit-tramuntana għan-nofsinhar, mill-lvant għall-punent, mill-Baltiċi għall-Mediterran. Magħqudin. Flimkien.

U llum, f’ġenerazzjoni ġdida, huma n-nies tal-Ukrajna, l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Moldova u l-Ġorġja li qed iħarsu lejn l-Ewropa, bl-istess sens ta’ tama lejn futur komuni. Kif għamlet fit-tkabbir tal-2004 u fl-integrazzjoni tal-Bulgarija, r-Rumanija u l-Kroazja fis-snin ta’ wara, l-Ewropa llum, ma tistax tħares lejn in-naħa l-oħra.

Għeżież ħbieb,

Fl-aħħar żewġ deċenji, l-Ewropa ffaċċjat sfidi bla preċedent. Imma flimkien, irnexxielna nindirizzawhom u ngħelbuhom. Kien hemm mumenti – fl-aktar ċirkustanzi diffiċli – li kien aktar faċli li nerħulha għal rasna. Imma rreżistejna. Għaliex fhimna li minkejja l-frustrazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea hi l-aqwa garanzija għalina lkoll.

L-effett ta’ trasformazzjoni tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fuq il-ħajja tal-Ewropej għadu jinħass sal-ġurnata tal-lum. Narawh u nħossuh f’kull Stat Membru. Smajna dwaru wkoll miż-żgħażagħ – li jien kburija ferm li qegħdin magħna llum:
•    Drittijiet għal kull ċittadin;
•    Opportunitajiet għal kull persuna – mil-kbir għaż-żgħir;
•    Suq Uniku li qed isaħħaħ l-ekonomiji; u
•    Politika ta’ koeżjoni li timplimenta l-impenn tagħna għall-ugwaljanza.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma fissritx biss liġijiet ġodda. Fissret ferm aktar minn hekk.

Fl-istess ħin, l-għaqda ma tfissirx li kulħadd għandu jkun l-istess. Dik mhux l-Ewropa tagħna. Aħna kburin li aħna differenti. Kburin bit-tradizzjonijiet uniċi, bil-kulturi, bil-lingwi, bid-diversità tagħna. L-aħħar 20 sena huma prova ta’ dan.

Pjuttost l-Ewropa tħaddan id-differenzi, filwaqt li tassigura li kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet. Kulħadd għandu jkollu l-istess ċans, anke jekk l-opinjoni hi differenti. Dik hi s-saħħa tagħna. U għalhekk li mis-sħubija, jgawdi kulħadd.

L-Ewropa biddlet kull Stat Membru mill-2004. Imma bl-istess mod, kull Stat Membru biddel ukoll l-Ewropa.

Illum magħna għandna wħud minn dawk l-individwi li kienu strumentali biex pajjiżhom issieħeb fl-Unjoni Ewropea u li għenu biex jiktbu dan il-kapitlu straordinarju fl-istorja tal-Ewropa. 

F’isem il-Parlament Ewropew, il-vuċi taċ-ċittadini Ewropej, nirringrazzjawkom. Naprezzaw dak kollu li għamiltu. Nifhmu r-responsabbiltà li writna biex il-ħidma, l-impenn u d-determinazzjoni tagħkom ngħadduha lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja Ewropej.

Grazzi.