Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jgħolli l-komunitajiet tagħna u jindirizza l-inugwaljanzi storiċi u interġenerazzjonali 

 

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jgħolli l-komunitajiet tagħna u jindirizza l-inugwaljanzi storiċi u interġenerazzjonali Illum f’La Hulpe, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ffirmat id-Dikjarazzjoni ta’ La Hulpe dwar il-Futur tal-Ewropa Soċjali. Fid-diskors tagħha, hija qalet: "Il-passi li jmiss se jkunu definiti dwar kemm aħna kapaċi nsaħħu l-kompetittività tal-Ewropa permezz ta' suq intern li jiffunzjona tajjeb u produttività ogħla bbażata fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-għarfien u l-ġustizzja. Ekonomija kompetittiva, sostenibbli u inklużiva b'livell għoli ta' impjiegi ta' kwalità flimkien ma' xbieki ta' sikurezza soċjali hija l-bażi għall-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew, li jikkontribwixxi wkoll għal konverġenza ekonomika u soċjali aħjar."

President von der Leyen, għażiża Ursula,
Viċi Prim Ministri Dermagne u Vandenbroucke,
Għażiż Enrico Letta,
Għażiż Oliver Röpke,
Kummissarju,
Għeżież sħab, 
Għeżież mistednin,

Ippermettuli nibda billi nirringrazzja lill-Prim Ministru De Croo u lill-Presidenza Belġjana talli organizzaw din il-konferenza importanti. L-impenn qawwi li naraw illum huwa prova li l-progress soċjali kien, huwa u se jibqa’ prijorità għolja fil-ħidma politika u leġiżlattiva tagħna.

Dawn l-aħħar snin ma kinux faċli. Il-pandemija, l-invażjoni tal-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija, il-katastrofi umanitarja f’Gaża, l-inflazzjoni u t-telf tal-kapaċità tal-akkwist, inkwadrati fil-kuntest tal-emerġenza klimatika li għaddejja bħalissa – kollha kellhom l-impatti tagħhom fuq is-soċjetajiet tagħna u fuq il-kapaċità tagħna li nsaħħu lill-komunitajiet tagħna u nindirizzaw l-inugwaljanzi storiċi u interġenerazzjonali.

Jeħtieġ li nagħmlu aħjar. L-Unjoni tagħna jeħtiġilha taħdem għaċ-ċittadini u issa li ninsabu 50 jum ’il bogħod mill-elezzjoni jeħtieġ li dan ntennuh aktar spiss u b’aktar qawwa.

Id-dinja madwarna li qed tinbidel ma tħalli l-ebda lok biex nerġgħu lura għal status quo. Dan ifisser li nibnu Ewropa ġdida u aktar reżiljenti bin-nukleu tagħha jkun is-solidarjetà interna. Fil-qalba ta’ dan hemm ekonomija Ewropea li hija innovattiva, li hija sostenibbli u li taħdem għal kulħadd. Li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Dan jippermetti lill-komunitajiet kollha tagħna jilħqu l-potenzjal tagħhom. 

Biex nagħmlu dan m’għandniex għalfejn nagħmlu kompromessi jew insibu bilanċ bejn il-kompetittività ekonomika u l-progress soċjali. Il-mudell Ewropew tagħna ta’ ekonomiji tas-suq soċjali huwa adatt b’mod uniku biex jippermetti t-tnejn li huma. Filwaqt li nħaddnu teknoloġiji ġodda, mudelli ta’ produzzjoni innovattivi u l-globalizzazzjoni, jeħtiġilna niżguraw li n-nies ikollhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità għolja, drittijiet soċjali u ħajja dinjituża. Huwa għalhekk li l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE hija xempju globali. Hekk taħdem l-Ewropa.

Naturalment, dan ma jfissirx li dejjem ġibnieha żewġ jew li m’għandniex għalfejn nagħmlu aktar. F’dawn l-aħħar xhur, żorna lill-Istati Membri flimkien ma’ ħafna mill-Membri tal-PE kollegi tiegħi, li wħud minnhom jinsabu magħna llum, biex nisimgħu t-tħassib, l-isfidi u l-aspettattivi taċ-ċittadini – speċjalment taż-żgħażagħ – qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju. 

Jitħaddtu magħna dwar id-diffikultajiet tagħhom biex isibu impjiegi ta’ kwalità u akkomodazzjoni li jifilħu jħallsu għaliha. Jitħaddtu dwar id-distakk li hemm bejn il-liġijiet li għaddejna fil-Parlament Ewropew dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-realtà tagħhom ta’ kuljum. Irrabjati li n-nisa għadhom jaqilgħu inqas mill-irġiel minkejja li għandhom l-istess impjieg. Inkwetati li s-sitwazzjoni għadha aktar diffiċli għall-bniet milli għas-subien. F’ħafna postijiet, għadhom imġiegħla jħossuhom imbeżżgħa li jgħidu li jappartjenu għall-komunitajiet LGBTIQ.

Jitħaddtu dwar l-impatt li l-pandemija ħalliet fuq is-saħħa mentali tagħhom. Dwar l-isfidi li qed tippreżentalhom is-soċjetà diġitali tagħna, l-IA fid-dinja tax-xogħol u l-mod kif il-komunitajiet jinteraġixxu ma’ xulxin. Dwar id-dubju tagħhom li qatt xi darba jistgħu jifilħu jħallsu darhom stess. Dwar kemm iħossuhom waħedhom, minkejja li huma l-aktar ġenerazzjoni konnessa fl-istorja.

Mhumiex qed jitolbu l-impossibbli. Qed jitolbu lill-Ewropa tonora l-wegħda tagħha lill-poplu tagħha. Mhux qed jitolbu xi ħaġa barra minn hawn u mhix xi ħaġa impossibbli li ssir.

Nitkellmu ma’ ħafna familji li minkejja li jkollhom żewġ impjiegi, xorta jaqilgħuha u jikluha. Persuni li jqattgħu snin sħaħ jistudjaw jew jirfinaw ħiliet ġodda iżda għadhom ma jistgħux isibu impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-ġenituri – l-ommijiet b’mod partikolari – li jinqabdu f’sitwazzjoni assurda li fiha ma jkunux jistgħu joħorġu jaħdmu għax ma jkollhomx aċċess għal servizzi adegwati ta’ indukrar tat-tfal. Nitħaddtu mal-pensjonanti, li jibżgħu li qed jiżdied il-faqar fost l-anzjani u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħna. Dawk li għandu jkollhom id-dritt għad-dinjità.

Persuna waħda minn kull ħamsa kienet tinsab f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea. F’kull Stat Membru, in-nisa jinsabu aktar f’riskju mill-irġiel. Għalhekk mhuwiex sorprendenti li fl-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, l-Ewropej talbuna nagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-faqar u lill-esklużjoni soċjali. L-indikazzjonijiet kollha juru li fl-istħarriġ li jmiss tal-Ewrobarometru li se jiġi ppubblikat għada, dawn il-kwistjonijiet – flimkien mas-saħħa – jibqgħu fil-quċċata fil-lista tas-suġġett li jinkwetaw liċ-ċittadini tagħna.

Id-dimostrazzjonijiet tal-bdiewa kienu eżempju ċar ieħor ta’ fejn aħna ma ssodisfajniex il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll soċjali. Kif qalli darba xi ħadd, bħalkieku hemm linja inviżibbli li n-nies ma għandhomx ikunu mġiegħla jaqbżu. Iċ-ċittadini għandu jkollhom fiduċja fil-politiki tagħna – fit-tranżizzjonijiet li qed nagħmlu – u jeħtiġilhom ikunu jistgħu jifilħu jħallsu għalihom. Inkella mhux se jirnexxu. 

Dan huwa dak li nfissru meta ngħidu li t-tranżizzjoni ekoloġika, daqs kemm trid tkun ambizzjuża għall-klima, trid tkun ġusta wkoll. Ġusta mal-Istati Membri kif ukoll mar-reġjuni. Ġusta man-negozji, mal-industrija, mal-familji, maċ-ċittadini. Ġusta b’tali mod li tiżgura li ħadd ma jitħalla lura.

Dan huwa fejn jidħol ir-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali, li mhuwiex biss pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħna, iżda xi ħaġa li hija essenzjali għas-soċjetà demokratika tagħna. Kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak Ewropew, dan iservi bħala pjattaforma għal interazzjoni kostruttiva bejn il-gvernijiet, min iħaddem u t-trade unions, filwaqt li jiffaċilita l-bini ta’ kunsens u t-tfassil tal-politiki. Permezz tad-djalogu, partijiet ikkonċernati differenti jinnegozjaw standards tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol u miżuri ta’ protezzjoni soċjali, filwaqt li jippromwovu soċjetajiet ġusti u inklużivi. 

Sabiex id-djalogu soċjali jiffunzjona tajjeb, huwa kruċjali li s-sħab soċjali jkunu awtonomi. Din il-karatteristika ewlenija hija dik li ddistingwiet u se tkompli tiddistingwi l-Ewropa mill-atturi globali l-oħra kollha. Hija din il-karatteristika li se tiggarantixxi r-reżiljenza fit-tul tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa. 

Diġà hemm pedamenti sodi fil-forma ta’ qafas wiesa’ tal-acquis soċjali li, filwaqt li jistabbilixxi prinċipji bażiċi, jiggwida, jikkomplementa u jikkoordina l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Istati Membri. Huwa kruċjali li dak li jkun jiftakar li t-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jibqa’ impenn u responsabbiltà politika komuni. Għandu jiġi implimentat kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-ambjenti soċjoekonomiċi differenti u d-diversità tas-sistemi nazzjonali, inkluż ir-rwol tas-sħab soċjali. 

B’wiċċi minn quddiem ngħid li l-Parlament Ewropew qatt ma qagħad lura milli jieħu dawn id-deċiżjonijiet importanti. Fil-fatt, f’din il-leġiżlatura biss biss irnexxielna ngħaddu għadd ta’ atti leġiżlattivi innovattivi bl-għan li tiżdied l-ugwaljanza soċjoekonomika. Id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati u regoli ġodda dwar paga ugwali għal xogħol ugwali. Il-ġimgħa d-dieħla se nivvutaw fuq ix-xogħol fuq il-pjattaformi. Il-Parlament Ewropew ħadem bla heda fil-ġlieda kontra l-faqar – speċjalment il-faqar fost it-tfal – u fil-promozzjoni tal-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Dalwaqt se jkollna kard tad-diżabbiltà għall-Ewropa kollha. Xi ħaġa li għandna bżonnha u li nilqgħuha b’dirgħajna miftuħin iżda li damet wisq biex tagħti l-frott.

Il-Parlament Ewropew jifhem li jekk jirnexxielna nsaħħu s-sħubijiet soċjali fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE, mhux biss inkunu qed ninvestu f’ekonomija reżiljenti u robusta li taħdem għal kulħadd, iżda nistgħu neliminaw ukoll il-ħtieġa għal aktar tentattivi regolatorji minn fuq għal isfel, jew oħrajn b’riċetta waħda għal kulħadd. 

Sinjuri,

Il-passi li jmiss se jiġu definiti permezz ta’ kemm aħna kapaċi nagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa bis-saħħa ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb u produttività ogħla bbażata fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-għarfien u l-ekwità. Ekonomija kompetittiva, sostenibbli u inklużiva b’livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità flimkien ma’ xbieki ta’ sikurezza soċjali huma l-bażi għall-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew, li jikkontribwixxi wkoll għal konverġenza ekonomika u soċjali aħjar. 

Dan huwa l-mod kif nistgħu nkomplu nibnu ekonomija Ewropea aktar b’saħħitha, filwaqt li nippromwovu l-benesseri tas-soċjetajiet Ewropej u nsaħħu d-dimensjoni soċjali tal-UE u n-nisġa tal-komunitajiet tagħna. Huwa għalhekk li nħossni grata li ninsab magħkom illum mhux biss biex inwiegħed, iżda biex inwettaq, sempliċiment dak.

Grazzi.