Il-Parlament Ewropew b'appoġġ ċar għat-talba tal-Ukrajna biex tikseb status ta' kandidat għas-sħubija fl-UE 

 

"Is-sanzjonijiet qed jibdew iħallu effett. Iżda jeħtieġ li nkomplu fit-triq li qbadna. Jeħtieġ li l-prezz jiġi wisq għoli biex ir-Russja tkompli għaddejja. Putin qed jittama li nkunu aħna l-ewwel li nagħmlu pass lura. Iżda aħna ma nistgħux nagħmlu hekk." Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt li indirizzat is-Summit tad-Demokrazija f'Kopenhagen.

© L-Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza s-Summit ta' Copenhagen dwar id-Demokrazija 2022

Grazzi talli lqajtuni magħkom illum. Il-futur tad-demokrazija globali huwa tema li setgħet dehret kważi astratta sa ftit xhur ilu. Id-"demokrazija" hija kwistjoni li ħafna minna qisniha bħala stat ta' fatt għal tant żmien li kważi bqajna sorpriżi meta għad hawn min jiddubita minnha. Li jaħsbu, fil-fatt, li assolutament m'għandux ikun hawn futur għad-demokrazija.

Il-ġenerazzjoni tiegħi hija l-aħħar waħda fl-Unjoni Ewropea u fl-Atlantiku li tiftakar vagament dinja fejn id-demokrazija kienet taħt theddida kontinwa. Kull min hu iżgħar minni jaf biss il-paċi. U forsi sirna kompjaċenti u komdi bl-idea li l-mod tagħna se jibqa' magħna għal dejjem.  

Nieħdu bħala stat ta' fatt li nistgħu nivvutaw lil min irridu. Nieħdu bħala stat ta' fatt li naqraw ġurnaliżmu indipendenti. Nafu li nistgħu ningħaqdu, nistgħu ngħidu dak li rridu, nistgħu ma naqblux, nistgħu nsegwu l-kuntentizza tagħna, jista' jkollna opinjoni kuntrarja, nistgħu ngħixu u nħobbu kif nixtiequ mingħajr ebda konsegwenza. Dan huwa l-mod tagħna u qed nintalbu niddefendu dawn il-libertajiet u l-valuri għal darb'oħra. Għax jekk ma nagħmlux dan, dawk li jemmnu f'dinja kompletament differenti, b'mod differenti ħafna, se jkunu huma li jagħmlu dan.  

Dan id-dibattitu dwar id-demokrazija ħa bixra differenti fl-24 ta' Frar, meta l-President Putin ordna lit-tankijiet tal-gwerra tiegħu jinvadu lill-Ukrajna. Id-dinja nbidlet, u f'daqqa waħda rrealizzajna li dak kollu li ħadna bħala stat ta' fatt kien qed jinqaleb ta' taħt fuq b'mod brutali. Naturalment, is-sinjali ta' twissija kienu hemm.  Il-Baltiċi, il-Finlandja, il-Polonja ilhom iwissuna għal snin sħaħ. Rajna dak li ġara fil-Krimea, dak li għamlu lil Navalny, kif ippruvaw ikissru d-demokrazija fil-Belarussja, u madankollu meta l-ideoloġija reviżjonista ta' Putin ġiet imwettqa mill-armata tiegħu, xorta bqajna nissorprendu ruħna. Dan ma kellux ikun sorprendenti.

U issa l-Ukrajna u l-poplu tagħha qed ifittxu l-appoġġ tal-Ewropa. Qed iħarsu lejn l-Istati Uniti. Qed iħarsu lejn ir-Renju Unit. Qed iħarsu lejna biex inwettqu r-retorika tagħna, il-valuri tagħna, bl-azzjoni.

Il-mod kif nirrispondu għall-invażjoni u l-mod kif jeħtiġilna nkomplu nirrispondu huma test deċiżiv għall-valuri tagħna. L-għaqda u d-determinazzjoni tar-rispons tagħna ma spiċċatx fix-xejn. Il-kontestazzjoni, l-atti ta' kuljum tal-eroiżmu straordinarju tal-poplu Ukren fissru li l-gwerra ta' tlett ijiem ta' Putin issa dieħla fil-106 jum.

Aħna u nitkellmu hawnhekk, kif għadna kif smajna mill-President Zelenskyy, l-Ukrajna għadha qed tiġi invaduta. Il-bombi għadhom qed joqtlu b'mod indiskriminat. In-nisa għadhom qed jiġu stuprati. It-tfal qed jiġu deportati bil-forza. Miljuni ħarbu u se jkomplu jagħmlu hekk. Il-provvista tad-dinja ta' qamħ u ċereali qiegħda fi stat prekarju filwaqt li r-Russja qed tkompli taħżen il-provvisti tagħha.

L-Ewropa, l-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit baqgħu magħqudin biex joffru rispons, billi għenu lill-Ukrajna b'għajnuna militari, umanitarja, finanzjarja u politika.

Ir-rispons tagħna ġie mbuttat mill-pubbliku tagħna. L-opinjoni pubblika għawġet b'mod tajjeb l-armi tal-politiċi u żgurat li din qatt ma tista' ssir gwerra oħra minsija. Iżda l-biża' tiegħi tibqa'. X'jiġri jekk l-hekk imsejjaħ effett CNN jibda jonqos? X'jiġri meta l-għeja tal-gwerra tibda tidħol b'mod inevitabbli? Meta, bħal kif iddeskriviha lbieraħ ġurnalist ibbażat fi Kiev, "il-punent jixba' jitkellem dwar il-gwerra"? Meta l-prezzijiet jogħlew, aħna lesti ngħidu li d-demokrazija tiswa ħafna flus?

Dak huwa meta jseħħ it-test reali tad-determinazzjoni tagħna, tat-tmexxija tagħna. Dak huwa meta se jkollna bżonn inqumu fil-mument li jsir ħafna aktar komdu li nibqgħu bilqiegħda. U huwa għalhekk li rridu nżommu l-attenzjoni tagħna fuq l-Ukrajna. Dwar il-periklu reali, ċar u attwali li jinsab fih l-istil ta' ħajja kollu tagħna.

L-Ewropa għandha tkompli turi determinazzjoni.

Fiċ-ċerimonja tal-Premju Charlemagne x-xahar li għadda, fejn Sviatlana Tsikhanouskaya ngħatat il-premju, Helmut Dieser kien elokwenti ħafna meta qal li l-Unjoni Ewropea m'għandha għalfejn taħkem jew teqred lil ħadd biex teżisti jew biex tkompli teżisti, iżda issa qed ikollha titgħallem b'inkwiet profond u brutali kemm huma mhedda serjament il-valuri u l-kisbiet tagħha, u kif ħafna nies li qed jistinkaw ukoll għal dawn il-valuri qed imutu jew qed tinsterqilhom il-kuntentizza tagħhom.

Jeħtiġilna nkomplu ngħinu lill-Ukrajna. Il-ġlieda tagħhom, il-ġlieda tagħkom għal-libertà, għad-demokrazija, għall-valuri li jgħaqqduna, hija l-ġlieda tagħna.

Id-demokrazija teħtieġ sforz. Id-demokrazija jistħoqqilha kuraġġ. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, id-demokrazija teħtieġ tmexxija.

Għalhekk, fl-Unjoni Ewropea, irridu nkomplu nsaħħu l-mekkaniżmi ta' sigurtà u difiża tagħna. Neħtieġu qafas ġdid ta' sigurtà fl-UE – wieħed li jikkomplementa minflok jikkompeti man-NATO.

U dan ifisser preċiżament li ninvestu l-enerġija tagħna f'affarijiet sinifikattivi.

Is-sanzjonijiet qed jibdew jinħassu. Iżda rridu nagħmlu iktar minn hekk. Dan kollu jeħtieġ li jispiċċa jkun għali wisq għar-Russja biex tkompli għaddejja kif inhi. Fl-aħħar mill-aħħar, Putin qed jittama li tkun il-bqija tad-dinja l-ewwel li ċċedi. Iżda ma nistgħux nagħmlu dan.

Is-sagrifiċċji ekonomiċi tagħna llum huma investiment fil-kapaċità tagħna u ta' wliedna li jgħixu f'dinja ħielsa u demokratika.  Irridu nisseparaw lilna nfusna mill-provvista tal-enerġija Russa.

Neħtieġu wkoll inkunu ppreparati biex nappoġġjaw lill-Ukrajna lil hinn mill-għajnuna ta' emerġenza. L-appoġġ lill-Ukrajna huwa wkoll dwar l-investiment fir-rikostruzzjoni tagħha u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tagħha.

Se ngħinu lill-Ukrajna b'riformi ambizzjużi biex iżżomm sistema reali ta' governanza demokratika b'istituzzjonijiet reżiljenti, effettivi u responsabbli. Dan ma jirrigwardax biss is-salvagwardja tad-demokrazija Ukrena iżda wkoll il-preservazzjoni tad-demokrazija Ewropea, kif ukoll dik globali.

Rigward l-ambizzjonijiet Ewropej, isaqsihieli kull ġurnalist li niltaqa' miegħu. L-Ukrajna diġà hija parti mill-familja Ewropea tagħna, iżda wasal iż-żmien li tingħata wkoll l-opportunità reali li tingħaqad mal-proġett Ewropew tagħna.

Dan ifisser tama. Dan ifisser rikonoxximent tal-prezz li l-Ukrajna ġiet imġiegħla tħallas. U dan ifisser it-tisħiħ tal-Ewropa daqskemm ifisser it-tisħiħ tal-Ukrajna.  

Mela ppermettuli nkun ċara: il-Parlament Ewropew, li għandi l-unur u r-responsabbiltà li nippresjiedi, jappoġġja bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-Ukrajna għal status ta' kandidat tal-UE.

Jien politiku. Nifhem il-politika prammatika. Nifhem l-arti tal-possibbiltà. Iżda nifhem ukoll li Putin ma waqafx fil-Krimea. Ma kienx jieqaf fi Kiev. Għalhekk, filwaqt li se nkomplu nistinkaw għall-paċi, din trid tkun paċi reali. Paċi b'libertà. Paċi b'dinjità. Paċi b'ġustizzja. Paċi b'responsabbiltà. Fl-Ewropa, nafu l-ispiża tal-paċifikazzjoni, nafu l-piż tal-ħitan u l-purtieri tal-ħadid, nafu li l-prezz ta' li tagħlaq għajnejk huwa ħajjiet imfarrka u ġenerazzjonijiet mitlufin.

Wasal il-mument li naġixxu. Dan huwa l-mument tal-Ewropa. L-istorja kif se tiġġudika l-azzjonijiet tagħna? Il-ġenerazzjonijiet futuri se jaqraw dwar it-trijonf tad-demokrazija fuq l-awtoritarjaniżmu? Tal-multilateraliżmu fuq l-iżolazzjoniżmu? Ma naħsibx.

F'idejna u d-deċiżjonijiet li nieħdu issa.

Grazzi.