Dan hu mument kruċjali - il-President Metsola tindirizza l-EESC 

 

Hi u tindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwa l-importanza tal-kompetittività Ewropea. "Irridu nirritornaw għat-tkabbir u nnaqqsu d-dipendenza," qalet il-President Metsola.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza
s-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Sur President,
Membri distinti,

Se nibda billi naqbad mal-aħħar punt fl-introduzzjoni tiegħek li dan huwa mument kruċjali. Din il-mistoqsija kellna nwiġbuha sa mill-bidu nett tal-mandat leġiżlattiv tagħna fl-2019. Kellna nwieġbu għal dawk l-isfidi matul il-pandemija. Kellna nwieġbu għal dawk il-mumenti fil-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna ħdax-il xahar ilu. U jeħtiġilna nkomplu nwieġbu din il-mistoqsija fil-bidu ta' din is-sena – l-2023 – aħna u naħdmu mhux biss fuq ir-riformi immedjati, fuq terminu medju u twil, iżda anki fuq il-fatt li kuljum irridu nkunu konvinċenti li l-Ewropa hija importanti, li l-fatt li toħroġ tivvota fl-elezzjonijiet Ewropej huwa importanti, u li tagħżel ir-rappreżentanti tiegħek, u l-eżitu ta' din l-għażla, huma importanti.

Minn mindu r-Russja bdiet l-invażjoni illegali tagħha tal-Ukrajna, Stat sovran, il-ġlied u l-qtil brutali fil-pajjiż ma waqfux. 

Il-ġimgħa li għaddiet, b'niket kbir sirna nafu bil-mewt f'inċident bil-ħelikopter tal-Ministru għall-Intern tal-Ukrajna, l-ewwel Viċi tiegħu u s-Segretarju tal-Istat tal-ministeru, flimkien ma' 13-il vittma oħra. 

Hekk kif il-pajjiżi Ewropej qed iħejju biex jibagħtu iżjed karrijiet armati fl-Ukrajna ħalli jgħinuha fil-liberazzjoni ta' aktar territorji mir-Russja, bħalissa fid-Donbas, għaddejjin bla heda splużjonijiet li jkexkxuk. U l-Ukrajna qed tiġġieled bla heda għad-demokrazija, għal-libertà u għall-ġustizzja. Qed tiġġieled għalina wkoll. 

Il-membri tal-Unjoni Ewropea ngħaqdu flimkien bħal qatt qabel biex jagħtu għajnuna finanzjarja, għajnuna umanitarja, assistenza makrofinanzjarja u assistenza militari lill-Ukrajna. Adottajna disa' pakketti ħorox ta' sanzjonijiet immirati kontra Putin u kontra dawk responsabbli għal dan l-orrur. 

Lill-Moldova u lill-Ukrajna tajniehom l-istatus ta' pajjiżi kandidati tal-UE.
 
Barra minn hekk, fil-Parlament Ewropew, qed nappoġġaw l-appelli biex jitwaqqaf tribunal internazzjonal ad hoc ħalli l-Istati li jisponsorizzaw it-terroriżmu jkollhom jagħtu kont ta' għemilhom rigward id-delitti tal-gwerra u d-delitt ta' aggressjoni.

Apparti dan, sabiex joffri tama lill-poplu Ukren, il-Parlament Ewropew nieda l-kampanja "Ġeneraturi ta' Tama". Bis-saħħa ta' din il-kampanja, ġbarna mijiet ta' ġeneraturi ta' daqs u qawwa differenti mill-bliet u mir-reġjuni Ewropej kollha. Għaliex wara 11-il xahar, iċ-ċittadini Ewropej għadhom iridu jgħinu kuljum lil ħuthom l-Ukreni għal dak li għaddejjin minnu.

Il-gwerra ġabet magħha kriżi tal-enerġija li, min-naħa tagħha, ma tpoġġix biss pressjoni enormi fuq il-familji, iżda hija wkoll tgħolli l-inflazzjoni. 

U f'dan l-aspett, il-membri tal-Unjoni Ewropea taw risposta komuni tal-UE li qatt ma nistgħu nħallu barra mid-diskors tagħna meta nħarsu lejn il-ħidma li nagħmlu kuljum. 

Dan jinkludi r-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, it-tnaqqis fil-konsum tal-gass u tal-elettriku u t-tħabbira ta' xiri konġunt ta' gass. Dan kollu għen jikkalma lis-swieq u jbaxxi l-prezzijiet tal-enerġija. 

Il-prezzijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni kienu jkunu f'livelli ferm agħar kieku l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ma ltaqgħux flimkien – aktar ta' spiss fl-2022 milli qatt ġara qabel fl-istorja tal-UE – biex jaħdmu fuq id-diverġenzi u r-realtajiet tagħna u jsibu soluzzjonijiet.
 
L-Ewrobarometru jindika li l-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini Ewropej tappoġġa l-azzjonijiet tagħna. Minkejja dan, għadna ma ħlisniex mill-periklu.

B'konvinzjoni nemmen li, maż-żmien, se noħorġu minn din is-sitwazzjoni aktar b'saħħitna. Iżda dan se jirrikjedi sforzi kbar mill-gvernijiet, min-negozji, mill-partijiet ikkonċernati, mill-industrija, kif ukoll mill-istituzzjonijiet u mill-korpi Ewropej.

Bħalissa, il-prijorità assoluta tagħna hija l-kompetittività tal-Ewropa. Jeħtiġilna niżguraw li l-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni diġitali jkomplu b'intensità akbar minn qatt qabel. Jeħtiġilna nerġgħu lura għat-tkabbir u nnaqqsu d-dipendenzi tagħna.

In-NextGeneration EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jgħinu kemm lill-familji kif ukoll lill-industriji jirpiljaw minn dak li essenzjalment huwa taqlib ekonomiku drastiku. 

Nistgħu ngħidu wkoll li għad fadal flus fin-NextGeneration EU. Fondi eżistenti li huma disponibbli. Hemm bżonn li ngħiduh dan u li naraw kif u fejn jistgħu jintużaw.

Il-Parlament għamel il-biċċa tiegħu. Ħaffifna biex adottajna pożizzjoni dwar REPowerEU, li jippermetti lill-Istati Membri jisfruttaw b'aktar intensità l-fondi tan-NextGeneration EU, dment li dawn il-fondi jiġu investiti fl-enerġija rinnovabbli li, min-naħa tagħha, tiffaċilita t-tranżizzjoni enerġetika filwaqt li, fl-istess ħin, tagħti spinta lit-tkabbir. 

Il-realtà hi li l-Ewropa għandna ħafna influwenza x'teżerċita, iżda rridu nibdew nużawha b'mod aktar għaqli. Flimkien, l-Istati Membri tal-UE jifformaw l-akbar suq uniku fid-dinja. Il-pedamenti tal-ekonomija tagħna huma b'saħħithom. Iżda issa hemm bżonn li nużaw is-setgħa makroekonomika tagħna bħala riżorsa. 

Il-partijiet ikkonċernati tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinsabu fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Is-suċċess u l-effikaċja tal-pjan ta' rkupru tagħna jiddependu minnhom, minna u minnkom.

Għalhekk, il-Parlament Ewropew diversi drabi espona lill-Kummissjoni u lill-Kunsill l-importanza li l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali impenjati fl-irkupru u fir-reżiljenza jitpoġġew fil-qalba tal-isforzi tagħna.

Għaliex il-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika huma ta' importanza kbira. Huwa l-mod kif nieħdu d-deċiżjonijiet, il-mod kif nikkomunikaw, kif nittrasformaw id-diskors, fl-elezzjonijiet kemm lokali, reġjonali, nazzjonali kif ukoll Ewropej, biex ngħidu xi ksibna b'mod tanġibbli fil-livell Ewropew: dan huwa dak li jgħodd konkretament għal kulħadd.

Jekk inħarsu lura, il-gwerra biddlet kollox. Anke l-mod kif l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jinteraġixxu bejniethom. 

Aħna u nimxu 'l quddiem, huwa importantissmu li, bħala Ewropej, ikun xi jkun il-forum li naħdmu fih, nibqgħu magħqudin u li l-korpi ta' tmexxija kollha tagħna, fil-livelli kollha, jikkollaboraw fi spirtu b'saħħtu ta' kooperazzjoni.

Id-djalogu soċjali u territorjali mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili minn dejjem kien il-pedament ta' kif topera l-Unjoni tagħna.

Meta nħarsu lejn ir-relazzjoni tagħna bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa mill-1975, naraw li din evolviet drastikament. Evolviet fis-sens ta' kif is-sħubija kostruttiva u konsultattiva tagħna hija deskritta, mhux biss bi preċiżjoni fit-trattati, iżda anke f'termini tar-rakkomandazzjonijiet leġiżlattivi tagħkom. Eżempju ta' dan insibuh fit-tranżizzjoni ekoloġika u f'dik diġitali li kienu partikolarment apprezzati mill-Membri tal-Parlament Ewropew, meta elaborajna flimkien l-eżitu finali tat-trilogi fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Dan se jkompli jkun parti predominati tal-ħidma tagħna fil-bidu ta' din is-sena, matul il-Presidenza Żvediża ta' bħalissa u waqt il-Presidenza Spanjola u dik Belġjana ta' wara. 
 
Fis-snin li ġejjin, il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jkompli jikkunsidra l-kontribut awtorevoli u leġittimu tal-KESE, speċjalment peress li jista' jgħin lill-Parlament jottimizza l-mandat leġiżlattiv tiegħu stess.

Bis-saħħa tal-kontributi approfonditi li nirċievu, nifhmu l-affarijiet aħjar. Tistgħu sserrħu raskom mill-appoġġ tiegħi biex jiġi żgurat li jitkompla l-mod li bih naħdmu mad-diversi kumitati u internament, fuq proposti leġiżlattivi differenti. 

Nixtieq ukoll ngħid kelmtejn dwar ix-xogħol ta' titjib fil-passaġġ bejn il-binja "Stephan Zweig" tal-Parlament Ewropew u l-binja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ta' dan nirringrazzja lit-timijiet tal-Ġestjoni Immobiljari tagħna, issa aħna verament konnessi. Irridu sempliċiment nirsistu aktar biex nikkollaboraw fuq proposti konkreti.

Grazzi tal-attenzjoni.