Lin-nisa fl-Iran: Qegħdin nisimgħukom. Id-dinja qed tarakom. Aħna ninsabu magħkom. 

 

Għal darb'oħra, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tat ġieħ lill-irġiel u lin-nisa li qed jipprotestaw b'kuraġġ u bi sfida fl-Iran. Fid-diskors tagħha, hija għamlet referenza wkoll għas-sanzjonijiet adottati llum.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza s-sessjoni plenarja fi Strażburgu

Fid-dawl ta' pakkett wiesa' ta' sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem adottat illum, nixtieq nerġa' nagħti ġieħ, għal darb'oħra, lill-irġiel u lin-nisa li għadhom qed jipprotestaw b'kuraġġ u bi sfida fl-Iran. Id-dinja hija xhud ta' ġenerazzjoni li qed tqum għad-drittijiet tagħha.

Dan il-moviment immexxi min-nisa ma jistax jitħalla waħdu u dawn is-sanzjonijiet adottati llum se jżommu responsabbli lil dawk li huma responsabbli għar-reati brutali kontra n-nisa, iż-żgħażagħ u l-irġiel – dimostranti rrabjati bil-mewt ta' Mahsa Amini ta' 22 sena waqt li kienet fil-kustodja tal-pulizija. 

Lin-nisa fit-toroq: Qegħdin nisimgħukom. Id-dinja qed tarakom. Aħna ninsabu magħkom.