Inkomplu nappoġġjaw lill-Ukrajna għal kemm hemm bżonn 

 

Waqt li kienet qed tindirizza lill-Parlament Ewropew wara sentejn ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew tenniet il-wegħda tal-Ewropa lill-poplu tal-Ukrajna u qalet li l-appoġġ tagħna se jibqa’ għal kemm hemm bżonn.

Għeżież kollegi, 

Sentejn ilu, l-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna, Stat sovran u indipendenti, qalbet l-ordni dinji. Kien mingħalihom li setgħu jaħtfu lil Kiev f’temp ta’ ftit jiem. Għamlu l-kalkoli tagħhom ħażin rigward id-determinazzjoni tal-poplu Ukren u sottovalutaw ir-riżolutezza tal-Unjoni Ewropea u tal-komunità internazzjonali. 

L-Ukrajna kienet ta’ ispirazzjoni lid-dinja u qed tkompli tagħmel dan. 

Ftit ġimgħat wara l-invażjoni inizjali kont tkellimt f’isem il-Membri ta’ dan il-Parlament Ewropew, f’Kiev, quddiem il-Verkhovna Rada u maġenb il-President Zelenskyy. F’isimna kollha kont wegħidt li konna se nieqfu mal-Ukrajna u mal-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn.

F’dawn l-aħħar sentejn, l-Ewropa żammet kelmtha u se nkomplu nżommuha. L-appoġġ politiku, ekonomiku, militari, finanzjarju, umanitarju u diplomatiku tagħna baqa’ sod. 

L-Unjoni Ewropea hija l-akbar sostenitur finanzjarju tal-Ukrajna, u s’issa tatha €88 biljun. Qegħdin inqawwu l-kapaċità produttiva tal-industrija tad-difiża tal-UE biex, sa tmiem is-sena, tagħti lill-Ukrajna aktar minn miljun balla tal-artillerija. Il-lejl li għadda ntlaħaq ukoll il-qbil rigward ftehim dwar il-Faċilità għall-Ukrajna ta’ €50 biljun oħra, iżda għad irid jintlaħaq qbil dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Il-finanzjamenti huma kruċjali biex l-Ukrajna tibqa’ ħajja, biex tirkupra u biex tinbena mill-ġdid.

Nafu s-sagrifiċċju li qegħdin jagħmlu ċ-ċittadini Ukreni u nafu li qed jagħmluh għall-ġieħ tagħhom u tal-Ewropa kollha. Għas-sigurtà kollettiva tagħna. Għall-valuri komuni tagħna. Għall-istil ta’ ħajja tagħna. 

Il-Parlament Ewropew kien l-ewwel li talab li lill-Ukrajna jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE u konna l-aktar sostenitur konvint biex in-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE jibdew is-sena li għaddiet. Għaliex nafu li post l-Ukrajna huwa fl-Unjoni tagħna.

Aħna u deħlin fit-tielet sena tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, irrid nuża dan il-mument biex inġedded il-wegħda li għamilna lill-poplu Ukren. 
Aħna magħkom u se nibqgħu magħkom. 

Slava Ukraini.

You can read the President's speech in Ukrainian here.