Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet f’Londra biex tiltaqa’ mat-tmexxija tal-pajjiż biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-UE u r-Renju Unit. Fid-diskors tagħha f’Chatham House qalet li issa huwa ż-żmien li nimxu lil hinn minn dak li seħħ fl-aħħar għaxar snin u nsibu modi kif nimxu ‘l quddiem flimkien.
Grazzi ħafna, Sa Maddox. Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb. Grazzi talli bqajtu hawnhekk sa tmiem il-laqgħat tagħkom, huwa tassew sabiħ inkun hawn magħkom. F’kull laqgħa li kelli matul dawn l-aħħar jumejn, wassalt messaġġ sempliċi wieħed: wasal iż-żmien li nagħfsu l-buttuna “reset” għas-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit b’mod li jirrispetta l-għażla tal-poplu Brittaniku, iżda li jkun kapaċi jwieġeb għar-realtajiet tal-lum f’approċċ pragmatiku, ta’ sens komun u li jgawdi minnu kulħadd. Nistgħu ninsew dak li kien beżżagħna fil-passat u nibdew niktbu kapitlu ġdid. U x’post hemm aħjar biex nitkellmu dwar is-sens komun Brittaniku jekk mhux fil-post ikoniku ta’ Chatham House – post tant magħruf li ħoloq regoli tad-dibattiti globali tiegħu stess, anke jekk, minn dak li fhimt, dawn ir-regoli ma japplikawx bħalissa. Iż-żjara tiegħi taħbat mal-anniversarju ikrah tal-jum li fih ir-Russja bdiet gwerra illegali kontra l-Ukrajna. Gwerra li qerdet tant ħajjiet u għajxien – li ħarbtet dak kollu li ħafna minna ħadna bħala fatt għal tant żmien. Niftakar il-kor sħiħ ta’ dubju f’dawk l-ewwel jiem. Dawk li qalu li l-Ewropa kienet qed timxi wisq bil-mod, wisq maqsuma biex tagħti risposta serja. Dawk li qalu li l-Ukrajna se tikkapitula. Min qatt kien jobsor li issa ninsabu fil-ħames sena tal-gwerra, gwerra li Putin kien mingħalih se jtemm fi tlett ijiem, gwerra li kienet maħsuba biex iddgħajjef l-alleanza tagħna. Minflok, in-NATO żiedet żewġ membri ġodda, l-industrija tad-difiża tagħna ngħatat ħajja ġdida u l-burokrazija tagħna ħaffet il-pass biex taqbel mal-urġenza ta’ żmienna. Għalhekk, l-istorja verament għandha mod għaliha kif tmeri l-previżjonijiet. Erba’ snin wara, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw madwar EUR 200 biljun f’appoġġ għall-Ukrajna. Ilbieraħ stess, iffirmajt liġi li tipprevedi self ta’ EUR 90 biljun biex dak l-appoġġ jinżamm b’saħħtu. Illeġiżlajna biex noħolqu l-qafas legali – jiġifieri l-plumbing, jekk tista’ ssejjaħlu hekk, u nittama li l-Istati Membri issa jkunu jistgħu jsibu mod kif jiżblukkaw il-fondi malajr u l-ilma jkun jista’ jgħaddi bla xkiel, biex nużaw metafora abbużata, u nittama li nsibu wkoll mod li minnu jkun jista’ jibbenefika kulħadd u li bih inkun nistgħu ninvolvu bis-sħiħ lir-Renju Unit. Naturalment, in-negozjati jridu jimxu fi triqithom, iżda għalija dan il-mod jagħmel ħafna sens. Ir-Renju Unit ukoll għamel il-parti tiegħu b’madwar EUR 25 biljun f’appoġġ impenjat. U għax konna magħqudin flimkien, l-Ukrajna għadha magħna. Illum kont qiegħda fil-gallerija uffiċjali waqt il-mistoqsijiet lill-Prim Ministru, u l-mexxejja kollha tal-partiti kienu qed iqumu bilwieqfa u jfakkru fl-anniversarju ikrah – u fil-Kamra stajt tisma’ l-kunsens straordinarju tal-poplu tar-Renju Unit jappoġġja bil-qawwa lil ħbiebna u ħutna fl-Ukrajna. Naturalment, dan ma jfissirx li issa kollox ward u żahar. Xejn iġiegħlek tgħarbel b’mod luċidu u oġġettiv jekk l-arkitettura tas-sigurtà u tad-difiża tiegħek hijiex lesta għall-biċċa tax-xogħol daqs gwerra miġġielda fil-kontinent tiegħek. M’hemm xejn aktar li jġibek lura għar-realtà b’daqstant ħeffa. Għexieren ta’ snin sħaħ ta’ dipendenza żejda mill-umbrella tas-sigurtà ta’ ħaddieħor mhux biss iġġeneraw kompjaċenza, iżda ħallew li naqbdu drawwiet pjuttost ħżiena. Ma kienx hemm biżżejjed investiment fil-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tagħna. Il-koordinament industrijali kien dgħajjef. Idduplikajna wisq oqsma u ħallejna wisq lakuni f’oħrajn. L-Istati Uniti għandhom madwar 30 sistema ta’ armi differenti. Fl-Ewropa, għandna 178. Dan għamilna ineffiċjenti, għaljin u żammna lura. Għalhekk evalwajna n-nuqqasijiet tagħna u qed insewwuhom. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-pajjiżi tal-UE membri tan-NATO wiegħdu li jżidu l-infiq fuq id-difiża għal 5% tal-PDG tagħhom. Biss biss, f’dawn l-aħħar erba’ snin, l-infiq tal-UE għad-difiża żdied b’aktar minn 60%. Għadna kif tajna bidu għal żieda ġdida fl-infiq għad-difiża sa EUR 850 biljun biex nagħtu spinta lill-prontezza tad-difiża, u f’temp ta’ ftit ġimgħat, diġà kien hemm sittax-il Stat Membru li bbenefikaw minn din iż-żieda. Dan minn perspettiva ta’ finanzjament. Iżda qed nagħmlu wkoll aktar biex innaqqsu l-burokrazija bla bżonn b’tali mod li l-produzzjoni timxi aktar malajr. Qed ninċentivaw l-akkwist konġunt. U qed niżguraw li t-truppi u t-tagħmir ikunu jistgħu jiċċaqalqu malajr u b’mod sikur bejn il-fruntieri. Dawk kollha affarijiet li kellna nagħmlu qabel, iżda m’għamilnihomx. Għaliex id-differenza bejn il-falliment u s-suċċess – u dan tgħallimnieh fuq medda ta’ snin – ħafna drabi tiddependi mil-loġistika. Mhux dejjem kien faċli. Deċiżjonijiet bħall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kontra r-Reġim Iranjan u l-inklużjoni tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi – li b’wiċċi minn quddiem ngħid li fil-kwistjoni l-Parlament Ewropew kien quddiem nett – kienu jeħtieġu konverżazzjonijiet diffiċli. Għal xi Stati Membri, kif inhu hawnhekk, dan kien punt inkredibbilment sensittiv. Ftit xhur ilu biss, kien ikun inkonċepibbli. Iżda dan għamilnieh bis-27 gvern kollha jgħidu li se jagħmluh. Għalhekk fhimna – ħadna ħafna żmien iżda issa wasalna – li n-nuqqas ta’ azzjoni mhuwiex għażla. U li l-monitoraġġ jew l-espressjoni ta’ tħassib mhux se jkunu biżżejjed. U jekk dawn l-aħħar snin għallmuna xi ħaġa, huwa li s-sigurtà tagħna – u magħha, il-prosperità kollettiva tagħna – ma jiqfux mal-Kanal Ingliż. Is-sigurtà Brittanika teħtieġ l-Ewropa daqs kemm is-sigurtà Ewropea teħtieġ ir-Renju Unit. F’dinja li hija aktar inċerta, aktar instabbli, aktar frammentata, jeħtieġ li naħdmu flimkien. Għalhekk ninsab hawn, biex nappella għal mod ġdid ta’ kollaborazzjoni. Dan m’iniex qed ngħidu b’nostalġija għall-imgħoddi, iżda għax nifhem b’mod ċar u realistiku t-theddid komuni li qed niffaċċjaw. Il-Prim Ministru Keir Starmer dan l-aħħar qal: “Ir-Renju Unit m’għadux l-istess wieħed li kien fis-snin tal-Brexit.” Il-kumment tiegħi dwar dan huwa li l-Unjoni Ewropea mhijiex l-istess waħda li r-Renju Unit ivvota biex jitlaq minnha għaxar snin ilu. Tfajna l-passat warajna – nifhmu li l-futur irid jinbena fuq rabtiet aktar b’saħħithom li jkunu ta’ benefiċċju għan-nies kollha tagħna. Iżda rrid ukoll ninsisti fuq dan il-punt meta ngħid li f’dinja li ta’ spiss wisq tinħass li saret ħuġġieġa, relazzjoni aktar mill-qrib u aktar b’saħħitha bbażata fuq il-pragmatiżmu hija fl-interess ta’ kulħadd. Dan għandu x’jaqsam ma’ li nsibu soluzzjonijiet biex nimxu aktar malajr flimkien, nagħmlu dak li jaħdem l-aħjar għall-Unjoni Ewropea u għar-Renju Unit illum. Jeħtieġ li nħaddnu dak li Bismarck sejjaħ “l-arti tal-possibbli”, u ħafna aktar huwa possibbli llum li ma kienx ilbieraħ u jaf ma jkunx għada. F’Mejju li għadda, qbilna dwar Sħubija ġdida għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u r-Renju Unit. Dan kien pass importanti. Wera responsabbiltà u, fuq kollox, wera sens ta’ tmexxija. Madankollu, għall-Parlament Ewropew, dan kien biss punt tat-tluq. Hemm ħafna aspetti f’dak il-ftehim li nistgħu – u jeħtiġilna – nibqgħu nibnu fuqhom. Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’SAFE, pereżempju, għandha tkun opportunità, għandha tkun possibbli. L-Unjoni Ewropea lesta tinnegozja. Iżda hemm ukoll lok għal kooperazzjoni permezz ta’ inizjattivi oħra u f’oqsma bħall-kondiviżjoni tal-intelligence, iċ-ċibersigurtà u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tagħna. Għalhekk qed titfaċċa ħtieġa reċiproka, intensifikata u urġenti għal kollaborazzjoni – nazzarda ngħid, għall-ewwel darba f’10 snin, qed tissawwar rieda politika reali. Opportunità bħal din ma sseħħx ta’ spiss – u lanqas ma ddum tistenna wisq. Ma nistgħux inħalluha tiżvinta. Diġà għandna ħafna fuq xiex nistgħu nibnu. Diġà semmejt l-appoġġ finanzjarju u militari konġunt tagħna għall-Ukrajna, iżda rrid nenfasizza wkoll ir-rwol ewlieni li għandu r-Renju Unit fil-Koalizzjoni tal-Partijiet Disposti. U meta tħares lejn il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża bejn il-pajjiżi Ewropej – fl-ambitu tan-NATO, din ilha 76 sena għaddejja. Rajna x’ġara meta kien meħtieġ li tingħata risposta soda fuq Greenland, pereżempju. Fuq dan kollu l-Istati Uniti kienu – u se jibqgħu – alleat kruċjali. Jagħmel sens li l-Ewropa ġġorr is-sehem tagħha tar-responsabbiltà. Ewropa aktar b’saħħitha se tagħmel is-sħubija trans-Atlantika tagħna aktar ekwa, u fi ħdan in-NATO, alleat aktar kapaċi u affidabbli – mgħammar aħjar biex niddefendu lilna nfusna u nibqgħu sodi kontra dawk li jipperikolaw l-istabbiltà globali. L-akbar sfida tagħna hija li nibqgħu kkonċentrati fuq x’inhu u fejn huwa l-periklu reali. Issa naf li din il-konferenza hija dwar is-sigurtà u d-difiża, iżda s-sigurtà mhijiex biss kunċett militari. Is-sigurtà għandha implikazzjonijiet ekonomiċi vitali. Huwa vitali li niżguraw ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħna u nillimitaw id-dipendenzi mhux tas-soltu. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit huma sħab naturali f’dan ir-rigward. L-ekonomiji tagħna huma marbuta mill-qrib flimkien. L-Unjoni Ewropea hija bil-bosta l-akbar sieħeb ekonomiku tar-Renju Unit, u r-Renju Unit huwa t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali għall-Unjoni Ewropea. It-tnejn li aħna qed naħdmu biex innaqqsu d-dipendenzi u nżidu r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna. Dan jitlob intensifikazzjoni saħansitra akbar tal-iskambji u tar-rabtiet bejn is-swieq tagħna. M’aħniex kompetituri f’li niżguraw il-ktajjen tal-provvista tagħna f’dawk li huma l-materjali tal-art u l-minerali rari – aħna sħab u alleati naturali. Nagħmlu parti mill-istess ekosistema ta’ reżiljenza u, fl-aħħar mill-aħħar, infittxu li nippromwovu l-istess sigurtà u interessi bbażati fuq il-valuri. Ħafna mill-ħidma li għaddejja bħalissa fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fis-Summit bejn ir-Renju Unit u l-UE tal-2025 se tgħinna nimxu ’l quddiem f’din id-direzzjoni. Bi Ftehim Sanitarju u Fitosanitarju u bl-inklużjoni tar-Renju Unit fis-suq tal-elettriku tal-UE, qed neżaminaw is-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija. It-tnejn li aħna għandna kapaċità finanzjarja li tista’ tiġi żviluppata aktar biex tippromwovi t-tkabbir f’setturi fundamentali. U aħna t-tnejn konxji tal-potenzjal enormi tat-teknoloġija u tal-qasam diġitali u qed nippruvaw inrawmu l-iżvilupp tagħhom filwaqt li niggarantixxu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħna. Huwa għalhekk li, ikun xi jkun il-qasam, pereżempju l-kummerċ, id-dwana, ir-riċerka, il-mobbiltà, il-migrazzjoni illegali jew l-enerġija – kull meta huwa possibbli allinjament aktar mill-qrib, ma nistgħux nibżgħu niksbuh dan l-objettiv. Il-ftehim reċenti dwar l-Erasmus+, pereżempju, il-kollaborazzjoni dwar armi ġodda tad-difiża tal-ajru li jinkludu droni u missili, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija nukleari bejn ir-Renju Unit u Franza – kollha jagħtuna xi ħaġa biex nibnu fuqha hekk kif qed noqorbu lejn is-Summit bejn l-UE u r-Renju Unit tal-2026. Irrid inkun ċara ħafna meta ngħid li xejn minn dan ma jfisser iċ-ċediment tas-sovranità jew it-telf tal-kontroll. Dan għandu x’jaqsam ma’ li nirrikonoxxu li mingħajr kooperazzjoni, nirriskjaw li nitilfu t-tnejn li huma. Kwalunkwe avversarju jeħtieġlu jkun jaf li, f’każ ta’ kriżi, se jsib quddiemu l-forza ekonomika u militari kkombinata tagħna. Issa m’għandi l-ebda illużjoni li se naqblu dwar kollox. Għandna strutturi differenti. Dinamiċi politiċi differenti. Dan huwa għalkollox normali. Ma nara l-ebda kontradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jidderieġu l-bastimenti tagħhom. Iżda jeħtiġilna nkunu konxji wkoll ta’ meta huwa aktar għaqli li nbaħħru flimkien. Grazzi.